Left arrow Go Back

Xogħol ta’ Restawr fil-KaPpella tal-Grazzja Qrendi

PR0177
Date Icon 09/02/2007

Ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq diversi kappelli mifruxa f’żoni rurali issa jiffurmaw lista numeruża li turi biċ-ċar l-impenn u l-investiment tal-Gvern.  Dan mhux biss qed jikkonserva binjiet storiċi u ta’ valur nazzjonali, iżda qed jindokra kull rokna ta’ pajjiżna biex l-ambjent storiku u infrastrutturali jitjieb.  Pajjiżna hu mgħoni b’binjiet ta’ valur storiku.  Għaldaqstant huwa d-dmir tagħna lkoll li nikkonservaw dawn il-binjiet li jiffurmaw parti mis-sisien ta’ l-istorja ta’ pajjiżna. Il-Ministru Ninu Zammit qal dan meta kien qed izur ix-xoghlijiet ta’ restawr fuq il-Kappella tal-Grazzja fil-Qrendi. 

Din il-kappella nbniet fl-1658. Matul it-tieni gwerra dinjija partijiet minnha kellhom jerġgħu jinbnew minħabba ħsarat ikkaġunati mit-theżżiż tal-bombi.

Il-Ministru Ninu Zammit kompla billi qal li, wara li ġew investigati l-istrutturi u l-kundizzjoni tal-kappella ġie stabbilit li d-deterjorazzjoni tal-ġebla qed isseħħ prinċipalment minħabba movimenti strutturali, attivita` bioloġika u movimenti oħra fil-binja tal-kappella. Barra minnhekk il-fili miftuħin ta’ bejn il-ġebel kif ukoll il-ħsarat li kien hemm fuq il-bejt kienu qed jikkawżaw dħul ta’ kwantita` ta’ ilma tax-xita kemm fil-ħitan, kif ukoll fil-kappella nnifisha u dan il-proċess kompla jaċċellera kemm il-proċess ta’ deterjorazzjoni, kif ukoll il-moviment strutturali.  Instabu diversi konsenturi kemm fil-ħitan kif ukoll fis-saqaf tal-kappella, kemm fuq in-naħa ta’ ġewwa, kif ukoll fuq barra.  

Ix-xogħol li qed isir mill-ħaddiema  tat-Taqsima tar-Restawr fi ħdan l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura hu maħsub li jintemm il-ġimgħa d-dieħla.  Il-Ministru spjega li x-xogħlijiet kienu jikkonsistu f’tindif tal-bejt tal-kappella mill-pjanti li kienu kibru minn ġo l-ixquq, u tiswija tad-deffun li kien tkisser sabiex jiġi aċċertat li ma jidħolx aktar ilma minn ġos-saqaf.  Il-faċċati qed jitnaddfu minn xi kisjiet tas-siment peress li din il-kisja għamlet ħafna ħsara lill-ġebla. Sar ukoll tindif estensiv minn attivita` bioloġika li għalkemm ma’ tagħmilx ħsara, tagħti dehra kerha lill-binja tal-kappella. Il-fili miftuħin qed jitkaħħlu b’taħlita apposta u kompatibbli mal-ġebla lokali. L-aperturi ta’ l-injam u tal-ħadid kif ukoll iz-zuntier u l-kappella minn ġewwa, qed jingħataw dehra isbaħ kif jixraq lill-kappella.

Għalkemm ix-xogħol ta’ restawr ser jintemm fil-ġranet li ġejjin, l-istudji ser ikomplu  fuq perjodu tas-sena, bil-għan li tkun tista tittieħed deċiżjoni jekk hemmx bżonn ta’ interventi biex nipproteġu din il-kappella minn movimenti strutturali. 

Fl-aħħarnett il-Ministru qal li x-xogħlijiet li se jkunu mwettqa matul din is-sena mis-sezzjoni tar-restawr ma jinkludux biss kappelli u knejjes iżda xogħlijiet ta’ natura akbar bħal restawr u konsolidament tas-swar, bastjuni u fortifikazzjonijiet. Fil-fatt hu maħsub li matul din is-sena ser jinbdew diversi xogħlijiet simili, fosthom xogħol ta’ restawr u konsolidament fuq is-swar fit-Triq Sa Maison, fuq parti mis-swar fl-Imdina eżattament taħt il-Palazz Vilhena, fuq id-daħla prinċipali ta’ l-Imdina, fuq il-bini tal-Kavallieri ta’ San Gwann fil-Belt u fuq is-swar ta’ Couvre Port fil-Birgu.

DOI – 09.02.2007

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow