Left arrow Go Back

Inħajru iktar turiżmu ntern lejn Għawdex matul is-sena kollha

PR0175
Date Icon 09/02/2007

Network Publications Ltd ippreżentat kopja ta’ l-ewwel ħarġa tal-magażin Let’s Gozo lill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, dalgħodu.  

Dan il-magażin huwa l-aħħar inizjattiva biex jiġi attirat iktar turiżmu lejn Għawdex. Huwa magażin li se jiġi ppubblikat kull xahar, bl-ewwel ħarġa toħroġ dan ix-xahar, minn Network Publications Ltd.,  u  b’kollaborazzjoni ma’ l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex, il-Ministeru għal Għawdex u l-kumpanija Gozo Channel Company.  Dan il-magażin se jitqassam b’xejn f’Malta fi sforz li jiġu mħajra iktar viżitaturi jżuru lil Għawdex matul ix-xhur kollha tas-sena.  

F’diskors qasir fl-okkażjoni tat-tnedija ta’ dan il-magażin, il-Ministru għal Għawdex qalet li l-pubblikazzjoni ta’ Let’s Gozo timxi fuq l-istess binarji ta’ l-istrateġija tal-Gvern li jippromwovi lil Għawdex bħala destinazzjoni distinta u destinazzjoni għas-sena kollha, b’enfasi partikolari fuq btajjel matul l-istaġuni l-inqas popolari.  

Il-Ministru Debono qalet li minbarra li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed jagħti s-sostenn tiegħu għall-pubblikazzjoni ta’ Let’s Gozo, dan l-aħħar ukoll immanifattura ħames billboards li ngħataw lill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex sabiex jitwaqqfu f’postijiet strateġiċi madwar Malta u b’hekk ikunu jistgħu jippromwovu wkoll iktar turiżmu lejn Għawdex. Il-promozzjoni ta’ Għawdex qed tiġi kkumplimentata minn skemi li bħalissa qed jiġu offruti fosthom il-kampanja Immorru Għawdex imnedija mill-Gozo Channel Co Ltd, kif ukoll inizjattivi ta’ marketing li tagħmel l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu b’mod speċifiku għal Għawdex fuq livell internazzjonali. 

Il-Ministru Debono qalet li l-kontribuzzjoni tat-turiżmu intern fuq l-ekonomija t’Għawdex hija waħda sostanzjali b’50% tat-turisti li joqgħodu f’lukandi u guesthouses (eskluż is-self catering) ikunu turisti Maltin, filwaqt li l-problema ta’ staġjonalita’ li jsofri minnha Għawdex f’xhur inqas popolari, tista’ tiġi ndirizzata in parti b’żieda ta’ turisti li jżuru lill-gżira fuq żjarat qosra imma spissi matul l-istaġuni l-oħra. Il-Gvern identifika t-turiżmu intern bħala suq li joffri potenzjal għal tkabbir u huwa wkoll f’dan il-kuntest li qed jiżdiedu l-inizjattivi ta’ marketing biex iħajru iktar turisti jżuru lil Għawdex. 

Il-Ministru Debono qalet li l-Gvern qiegħed jaddotta politika biex jassisti l-industrija turistika f’Għawdex, b’ħidma mmirata li ttejjeb il-prodott turistiku offrut fil-gżira permezz ta’ proġetti fosthom Niche Tourism for the Island of Gozo (li ndirizza l-qasam ta’ l-għadds), u proġetti ta’ titjib fosthom il-proġett tal-Mużew ta’ l-Arkeoloġija fiċ-Ċittadella, il-bini ta’ faċilita’ ta’ taħriġ għal studji turistiċi fil-Qala, il-proġetti ta’ Villa Rundle u Żewwieqa Waterfront kif ukoll it-titjib ta’ għadd ta’ toroq arterjali madwar il-gżira.  

Dawn il-proġetti qed jiġu kkumplimentati b’inizjattivi oħra meħuda mill-Gvern dan l-aħħar, fosthom it-tnaqqis ta’ 25% tal-liċenzji għal stabilimenti tal-catering f’Għawdex, filwaqt li iktar skemi ta’ għajnuna ser jiġu mħabbra fil-ġimgħat li ġejjin biex ikomplu jassistu l-industrija turistika f’Għawdex. 

Is-Sur Joseph Borg, Chairman Gozo Channel Co Ltd u s-Sur Joe Muscat, Segretarju Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex, flimkien ma’ rappreżentanti ta’ Network Publications Ltd attendew it-tnedija tal-pubblikazzjoni Let’s Gozo.

DOI - 09.02.2007

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow