Left arrow Mur Lura

IL-MINISTRU FRENDO JINAWGURA KONFERENZA INTERNAZZJONALI DWAR “IL-PROĊESS TA’ RIFORMA FIL-MEDITERRAN”: PAJJIŻI LI QED JIŻVILUPPAW GĦANDU JKOLLHOM XIBKA TAJBA TA’ BENEFIĊĊJI SOĊJALI

PR0173
Date Icon 09/02/2007

L-Ewropa trid tgħin biex fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikun hemm xibka ta’ benefiċċji soċjali tajba provduta mill-Gvernijiet demokratiċi għax inkella jidħlu organizzazzjonijiet estremisti u terroristiċi biex jaqdu din il-ħtieġa tal-popli. 

Dan enfasizzah il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Michael Frendo meta dal-għodu inawgura l-konferenza organizzata mill-Friedrich Ebert Stiftung bit-tema “Nappoġġjaw il-Proċess ta’ Riforma fil-Mediterran”. 

F’dan il-proċess ta’ riforma jrid ikun ċar għal xiex irid iwassal. L-aktar ħaġa importanti hi li jkun hawn il-paċi u l-istabilità fil-Mediterran li tgħin lill-popli u l-pajjiżi li jgħixu fihom, jiżviluppaw. Din il-mira tpoġġi numru ta’ sfidi għaliex fil-Mediterran hawn pajjiżi li għandhom sitwazzjonijiet u kulturi differenti u allura jrid ikun assigurat li filwaqt li kulħadd iżomm l-identità tiegħu tinħoloq atmosfera li fiha jistgħu jaħdmu flimkien. 

Għal aktar stabilità fil-Mediterran wieħed ma jistax jinsa s-sitwazzjoni fil-Lvant  Nofsani.  Hi sitwazzjoni kumplikata li waslet fi stat delikat ħafna u allura wieħed irid ikun realistiku meta jitkellem dwar din is-sitwazzjoni.  Hemm bżonn ta’ proċess ta’ riforma li jwassal għal stabilità fir-reġjun.

Il-Ministru Frendo rrefera għall-European Neighbourhood Policy ta’ l-Unjoni Ewropea u qal li din tista’ tgħin ħafna f’dan il-proċess.  Hu rrifera għal-laqgħa tal-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi Mediterranji ta’ l-Unjoni Ewropea li saret f’Malta l-ġimgħa li għaddiet li matulha kienet diskussa l-perspettiva Mediterranea ta’ l-European Neighbourhood Policy u kien hemm qbil li għandha ssir ħidma flimkien biex il-Mediterran jibqa’ dejjem fuq l-aġenda ta’ l-Unjoni Ewropea.  Ikun qed jintbagħat messaġġ ħazin jekk il-Mediterran jitnehha minn fuq l-aġenda Ewropea. 

L-Ewropa jeħtiġilha taħdem mas-soċjetà ċivili u sekulari tad-diversi pajjiżi fil-Lvant Nofsani li huma ġirien fil-Mediterran. 

Barra minn  dan, l-Ewropa trid ukoll tassigura li tkun miġġielda l-korruzzjoni u jkun hemm aktar trasparenza u li tinvesti f’ekonomiji li jagħtu garanzija ta’ ggvernar sew u ta’ l-osservanza tas-saltna tal-liġi. 

Il-Ministru Frendo rrefera għall-Inizjattiva ta’ Malta biex ikun hemm Djalogu Strutturat bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Lega Għarbija.  Hu qal li Malta ressqet din il-proposta lill-Presidenza Ġermaniża ta’ l-Unjoni Eworpea.  Dan id-djalogu għandu jkun fuq kwestjonijiet politiċi. 

Irid ikun djalogu li jindirizza problemi bħalma huma r-riformi meħtieġa fil-pajjiżi ġirien, is-sigurtà tar-reġjun, it-tiftix ta’ sorsi ta’ enerġija li jkunu assigurati, it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp fid-diversi pajjiżi ġirien.  Il-Mediterran u l-Lvant Nofsani joffru sorsi alternattivi ta’ enerġija kbar li l-Ewropa kollha għandha bżonn. 

Huwa awgura li din l-inizjattiva ta’ Malta li diġà sabet l-appoġġ ta’ diversi pajjizi oħra, titpoġġa fil-prattika għax permezz tagħha jista’ jkun hemm żviluppi interessanti li jwasslu għal aktar stabilità u allura aktar żvilupp u ġid għall-popli u l-pajjiżi tal-Mediterran.

DOI  09.02.2007

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow