SISTEMA GĦALL-IMMANIĠĠJAR TA’ INVENTARJU TA’ WIRT KULTURALI
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech qal li l-Ewropa kienet demokrazija li kienet teħtieġ soċjetà interattiva mingħajr fruntieri flimkien ma’ spazju pubbliku għal diskussjoni u bdil ta’ informazzjoni. Hu qal li għal dan l-iskop l-Unjoni Ewropea kienet tinkoraġixxi parteċipazzjoni dejjem akbar miċ-ċittadini Ewropej.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Unjoni Ewropea hi marbuta li tirrispetta d-diversità tal-kulturi u l-identitajiet ta’ l-Istati Membri. Hu qal li fl-istess waqt l-Unjoni Ewropea għandha regolamenti dwar il-moviment ta’ oġġetti kulturali.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura fakkar li wieħed mill-prerekwiżiti għall-adozzjoni ta’ l-acquis ta’ l-Unjoni Ewropea kien l-iżvilupp tal-Cultural Heritage Inventory Management System (CHIMS). Hu qal li din is-sistema kellha skop doppju – dak ta’ inventarju kif ukoll ta’ għodda għall-immaniġġjar tal-wirt kulturali ta’ pajjiżna. Hu qal li din is-sistema kienet maħsuba li tgħin fl-iggvernar tal-wirt kulturali f’Malta u biex tipprovdi lill-pubbliku aċċess għal informazzjoni li llum hu diffiċli li tinstab.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-inawgurazzjoni tas-CHIMS kienet ukoll żvilupp importanti fl-implimentazzjoni ta’ l-Att dwar il-Wirt Kulturali 2002. Hu qal li dan il-Att iqiegħed fuq is-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali r-responsabbiltà li tiżviluppa inventarju nazzjonali ta’ propretajiet ta’ wirt kulturali f’Malta, li jinkludu propretajiet mobbiljari u immobbiljari, kif ukoll pajsaġġi. Hu qal li l-inventarju jkopri propjetajiet sew fuq l-art kif ukoll fil-baħar.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Att dwar il-Wirt Kulturali flimkien ma’ l-Att dwar il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti waqqfu l-sisien meħtieġa biex pajjiżna jħares il-wirt kulturali vast li għandna u biex ninkoraġixxu u nippromwovu l-kultura fl-isfond ta’ perspettiva wiesgħa ta’ attività soċjo-ekonomika.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Att dwar il-Wirt Kulturali wassal biex twaqqfet Heritage Malta, is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u l-Kumitat tal-Garanzija mmexxi mill-Eċċ. Tiegħu l-President Emeritus, Ugo Mifsud Bonnici li introduċa din l-inawgurazzjoni.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li t-twaqqif ta’ Heritage Malta, li hi kompletament awtonoma fit-twettiq tal-missjoni tagħha fl-interess pubbliku, wassal biex il-wirt kulturali ta’ pajjiżna hu llum imħares aħjar milli qatt kien qabel u biex għadda taħt it-tmexxija ta’ din l-aġenzija ċ-Ċentru ta’ Malta għall-Restawr f’Bighi, li sar it-taqsima tal-Konservazzjoni ta’ l-istess agenzija. Hu qal li Heritage Malta qed twettaq proġetti importanti ta’ restawr u konservazzjoni mgħejjuna wkoll minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea li stajna nutilizzaw wara li pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea fl-2004.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Gvern, permezz ta’ l-agenziji tiegħu, qiegħed igħin kontinwament lil dawk kollha li jridu jiżviluppaw u lil dawk kollha li jridu jimirħu fil-pajsaġġ vast kulturali. Hu qal li ma kienx hemm dubbju li fl-aħħar snin l-investiment kollu fl-iżvilupp kulturali kiber u qed ikompli jikber anke mgħejjun minn fondi mill-Unjoni Ewropea li qed niksbu u nutilizzaw.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-kultura kellha wkoll impatt kbir fuq is-settur turistiku. Hu qal li niċċa mill-aktar importanti ta’ dan is-settur kienet dik kulturali li tattira lejn pajjiżna parti sostanzjali tat-turisti kollha li jżuruna. Hu qal li kien jemmen li t-titjib fil-qasam kulturali, il-promozzjoni aħjar ta’ dak kollu li jmiss mal-wirt kulturali kienu jgħollu l-prodott ta’ pajjiżna u jagħmluh aktar imfittex.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li t-tnedija tas-CHIMS kienet ser tiftaħ orizzonti ġodda għal Maltin u l-barranin li jinteressahom il-wirt kulturali ta’ pajjiżna. Hu qal li s-CHIMS kienet żvilupp ieħor fl-implimentazzjoni tal-politika kulturali.
DOI 09.02.2007
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958