ID-DIRETTUR ĠENERALI TAL-QORTI JWIEĠEB STQARRIJA TAL-KAMRA TAL-AVUKATI
B’riferenza għall-Istqarrija għall-Istampa maħruġa mill-Kamra ta’ l-Avukati li ġġib id-data futura tat-8 ta’ Jannar 2008, id-Direttur Ġenerali tal-Qrati hu pjuttost sorpriż kif il-Kamra ta’ l-Avukati, filwaqt li fl-ewwel sentenza ta’ l-istqarrija tagħha tgħid illi “atti tal-Qorti tneħħew mill-Arkivju tal-Qorti kontra d-disposizzjonijiet tal-liġi”, fl-aħħar sentenza ta’ l-istess stqarrija qegħdha titolbu “jispjega eżattament x’ġara u jassigura li dak li ġara ma jirrepetix ruħu”.
Id-Direttur Ġenerali kien jistenna li l-Kamra ta’ l-Avukati tirriserva l-ġudizzju tagħha sakemm ikollha l-ispjegazzjoni eżatta ta’ x’ġara, kif qed titlob hija stess. Dan peress li hu kontrosens li min jistqarr li ma jafx eżattament x’ġara, fl-istess ħin jikkundanna dak li ġara u jitlob assigurazzjonijiet li dak li ma jafx li ġara ma jerġax jiġri.
Illi fil-fatt li ġara kien li, peress li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ġustizzja ried jindaga dwar l-effetti prattiċi ta’ l-artikolu 166A li ġie introdott fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili reċentement, huwa talab lir-Reġistratur tal-Qrati u Tribunali Ċivili li jagħmilha possibbli għalih, li jara xi atti ġudizzjarji relevanti għall-materja li kien qiegħed jistħarreġ. L-istess Reġistratur awtorizza skond il-liġi, li l-atti rilevanti jittieħdu minn uffiċjali tal-Qorti fil-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern sabiex hemm ikunu jistgħu jiġu eżaminati mis-Segretarju Parlamentari, għall-iskop fuq imsemmi. Malli avukat talbet aċċess għal wieħed mill-atti imsemmija, dan inġieb fi żmien qasir minn uffiċjal tal-Qorti mill-Ministeru u tqiegħed mill-ewwel għad-disposizzjoni ta’ l-istess avukat. F’dan kollu ma hemm xejn kontra l-liġi.
Il-kliem li hemm fl-istqarrija:
· dwar il-ħtieġa ta’ fiduċja pubblika fis-sigurtà u fl-integrità tal-proċess ġudizzjarju,
· dwar il-ħtieġa li l-membri taċ-Ċivil jirrispettaw skrupolożament id-disposizzjonijiet tal-liġi, u
· l-insinwazzjoni li f’dan il-każ, saret “pressjoni politika” jew li twettaq xi “inċident spjaċevoli”,
huma għal kollox barra minn lokhom u nfondati; u hu fil-fatt diskors bla bażi bħal dak, li jimmina l-“fiduċja pubblika fis-sigurtà u fl-integrità tal-proċess ġudizzjarju”.
DOI – 08.02.2007
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958