L-impenn tal-Gvern għall-parteċipazzjoni ta’ self-employed fi programmi ta’ l-Unjoni Ewropea permezz ta’ l-għaqdiet tan-negozju u koperattivi
“Permezz tas-sħubija, in-negozji tagħna gawdew minn total ta’ 10 miljun ewro (LM4,923,000), li minnhom LM314,000 (732,000 ewro) ġew użati biex iffinanzjaw il-proġetti ta’ l-Unjoni Ewropea, li pparteċipaw fihom mat-300 self employed. Il-parteċipazzjoni f’dawn il-programmi hi maħsuba sabiex in-negozji tagħna jifhmu aħjar l-opportunitajiet fis-suq Ewropew u kif għandhom l-opportunita’ li jikbru f’dan is-suq. In-negozju f’pajjiżna qiegħed jikber u għaldaqstant, wasalna f’sitwazzjoni li nistgħu nibdew inħajru lil min qiegħed fin-negozju u jixtieq ikabbar biex jaħseb kif jista’ jkabbar fis-suq ta’ l-Unjoni Ewropea.” Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, l-Onor. Edwin Vassallo, waqt laqgħa ma’ l-għaqdiet tan-negozju u l-koperattivi.
L-għan ta’ din il-laqgħa kien li tingħata aktar informazzjoni dwar kif dawn l-għaqdiet jew koperattivi jistgħu japplikaw għall-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea. B’hekk għal din is-sena, jkunu huma li jidentifikaw il-proġetti li fihom jistgħu japplikaw u jgħinu lill-membri tagħhom jieħdu sehem, biex din is-sena, dawn l-għaqdiet u koperattivi jkunu jistgħu jkomplu jaħdmu fuq is-suċċess li kiseb is-Segretarjat Parlamentari s-sena l-oħra, meta bagħat 300 self-employed u sidien ta’ negozji żgħar biex jipparteċipaw fi programmi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Fuq inizjattiva tas-Segretarju Parlamentari, li hi waħda mill-inizjattivi tal-Pjan ta’ Ħidma Ġunju 2006 – Ġunju 2007 ‘Miftuħa għan-Negozju’, is-Segretarjat Parlamentari qiegħed jikkordina ħidma tal-Gvern biex dawk in-negozji li mhux soltu jibbenefikaw minn għajnuna tal-programmi ta’ l-Unjoni Ewropea, jkunu jistgħu jersqu eqreb lejn proġetti ta’ l-Unjoni Ewropea.
B’dan il-mod, il-Gvern qiegħed inaqqas il-burokrazija għall-ghaqdiet tan-negozju u is-self employed infushom fil-proċess ta’ parteċipazzjoni fi programmi ta’ l-Unjoni Ewropea. Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li “jiena kont intbaħt li kien hemm diversi raġunijiet li kienu qegħdin iżommu lura lis-self employed milli jipparteċipaw f’dawn il-programmi, kemm minħabba applikazzjonijiet ikkumplikati, kif ukoll nuqqas ta’ informazzjoni dwar programmi, u ċirkustanzi oħra li kienu qed iwaqqfu lill-imprendituri Maltin milli jipparteċipaw. Li ppruvajna nagħmlu, u naħseb li issa nistgħu ngħidu li għamilnieh b’suċċess, huwa li s-Segretarjat iservi ta’ għajnuna biex ikun aktar faċli għall-għaqdiet tan-negozju jipparteċipaw fihom.”
Meta wieħed jeskludi skemi ta’ għajnuniet imnieda mill-Gvern Malti u minn entitajiet oħra iffinanzjati minn fondi pubbliċi u taħt fondi strutturali wieħed isib li permezz tas-sħubija, negozji żgħar ibbenefikaw minn proġetti li jammontaw għal madwar EUR 10 miljuni fi proġetti taħt il-Leonardo da Vinci, Interreg u l-FP6 biss. Dawn kienu għajnuniet diretti u indiretti li finalment ġew mgħoddija għand in-negozji żgħar.
Fost in-negozji li bbenefikaw matul is-sena l-ohra wiehed isib mastrudaxxi, beauticians, bdiewa, inġiniera, ta’ l-aluminium, negozji tal-ħwejjeg, boat builders, ċeramisti, sidien ta’ lukandi żgħar u tour operators.
L-Onor. Edwin Vassallo kompla jgħid li “n-negozju qed ikun suċċess f’pajjiżna. L-attivita kummerċjali qed tikber u qegħdin jinħolqu l-impiegi permezz tan-negozji żgħar. Issa iżda jonqosna sfida mportanti. Dik li naraw il-kummerċ jikber ukoll barra minn xtutna. L-isfida tagħna hi li jkollna ħafna aktar stejjer ta’ suċċess bħalma kellna is-sena li ghaddiet u ħafna aktar negozji li jagħrfu jikkompetu wkoll barra minn Malta. Aħna nemmnu l-negozji tagħna kapaċi jagħmlu dan, u l-Gvern ser ikun qed jgħin sabiex dan iseħħ.“
DOI – 08.02.2007
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958