Left arrow Go Back

L-impenn tal-Gvern għall-parteċipazzjoni ta’ self-employed fi programmi ta’ l-Unjoni Ewropea permezz ta’ l-għaqdiet tan-negozju u koperattivi

PR0166
Date Icon 08/02/2007

“Permezz tas-sħubija, in-negozji tagħna gawdew minn total ta’ 10 miljun ewro (LM4,923,000), li minnhom LM314,000 (732,000 ewro) ġew użati biex iffinanzjaw il-proġetti ta’ l-Unjoni Ewropea, li pparteċipaw fihom mat-300 self employed.  Il-parteċipazzjoni f’dawn il-programmi hi maħsuba sabiex in-negozji tagħna jifhmu aħjar l-opportunitajiet fis-suq Ewropew u kif għandhom l-opportunita’ li jikbru f’dan is-suq.  In-negozju f’pajjiżna qiegħed jikber u għaldaqstant, wasalna f’sitwazzjoni li nistgħu nibdew inħajru lil min qiegħed fin-negozju u jixtieq ikabbar biex jaħseb kif jista’ jkabbar fis-suq ta’ l-Unjoni Ewropea.”  Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, l-Onor. Edwin Vassallo, waqt laqgħa ma’ l-għaqdiet tan-negozju u l-koperattivi. 

L-għan ta’ din il-laqgħa kien li tingħata aktar informazzjoni dwar kif dawn l-għaqdiet jew koperattivi jistgħu japplikaw għall-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea.  B’hekk għal din is-sena, jkunu huma li jidentifikaw il-proġetti li fihom jistgħu japplikaw u jgħinu lill-membri tagħhom jieħdu sehem, biex din is-sena, dawn l-għaqdiet u koperattivi jkunu jistgħu jkomplu jaħdmu fuq is-suċċess li kiseb is-Segretarjat Parlamentari s-sena l-oħra, meta bagħat 300 self-employed u sidien ta’ negozji żgħar biex jipparteċipaw fi programmi ta’ l-Unjoni Ewropea. 

Fuq inizjattiva tas-Segretarju Parlamentari, li hi waħda mill-inizjattivi tal-Pjan ta’ Ħidma Ġunju 2006 – Ġunju 2007 ‘Miftuħa għan-Negozju’, is-Segretarjat Parlamentari qiegħed jikkordina ħidma tal-Gvern biex dawk in-negozji li mhux soltu jibbenefikaw minn għajnuna tal-programmi ta’ l-Unjoni Ewropea, jkunu jistgħu jersqu eqreb lejn proġetti ta’ l-Unjoni Ewropea.  

B’dan il-mod, il-Gvern qiegħed inaqqas il-burokrazija għall-ghaqdiet tan-negozju u is-self employed infushom fil-proċess ta’ parteċipazzjoni fi programmi ta’ l-Unjoni Ewropea.  Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li “jiena kont intbaħt li kien hemm diversi raġunijiet li kienu qegħdin iżommu lura lis-self employed milli jipparteċipaw f’dawn il-programmi, kemm minħabba applikazzjonijiet ikkumplikati, kif ukoll nuqqas ta’ informazzjoni dwar programmi, u ċirkustanzi oħra li kienu qed iwaqqfu lill-imprendituri Maltin milli jipparteċipaw.  Li ppruvajna nagħmlu, u naħseb li issa nistgħu ngħidu li għamilnieh b’suċċess, huwa li s-Segretarjat iservi ta’ għajnuna biex ikun aktar faċli għall-għaqdiet tan-negozju jipparteċipaw fihom.” 

Meta wieħed jeskludi skemi ta’ għajnuniet imnieda mill-Gvern Malti u minn entitajiet oħra iffinanzjati minn fondi pubbliċi u taħt fondi strutturali wieħed isib li permezz tas-sħubija, negozji żgħar ibbenefikaw minn proġetti li jammontaw għal madwar EUR 10 miljuni fi proġetti taħt il-Leonardo da Vinci, Interreg u l-FP6 biss.  Dawn kienu għajnuniet diretti u indiretti li finalment ġew mgħoddija għand in-negozji żgħar. 

Fost in-negozji li bbenefikaw matul is-sena l-ohra wiehed isib mastrudaxxi, beauticians, bdiewa, inġiniera, ta’ l-aluminium, negozji tal-ħwejjeg, boat builders, ċeramisti, sidien ta’ lukandi żgħar u tour operators. 

L-Onor. Edwin Vassallo kompla jgħid li “n-negozju qed ikun suċċess f’pajjiżna.  L-attivita kummerċjali qed tikber u qegħdin jinħolqu l-impiegi permezz tan-negozji żgħar.  Issa iżda jonqosna sfida mportanti.  Dik li naraw il-kummerċ jikber ukoll barra minn xtutna.  L-isfida tagħna hi li jkollna ħafna aktar stejjer ta’ suċċess bħalma kellna is-sena li ghaddiet u ħafna aktar negozji li jagħrfu jikkompetu wkoll barra minn Malta. Aħna nemmnu l-negozji tagħna kapaċi jagħmlu dan, u l-Gvern ser ikun qed jgħin sabiex dan iseħħ.“

DOI – 08.02.2007

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow