“Is-sidien tan-negozji ż-żgħar tagħna qed jirnexxielhom joħolqu l-impjiegi f’ċirkostanzi fejn n-negozju u l-attivita’ kummerċjali qed tiżdied” – Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo
“Dan il-Gvern dejjem ħadem biex itejjeb l-operat tan-negozji ż-żgħar tagħna. Prova ta’ dan hija l-pubblikazzjoni ta’ Pjan ta’ Ħidma b’44 inizjattiva, maħsuba biex il-Gvern itejjeb l-operat tiegħu biex ikun aktar miftuħ għan-negozju. Aħna identifikajna 44 ħtieġa ta’ min hu fin-negozju u qegħdin naħdmu biex niffaċilitaw l-operat tagħhom. Irridu nkunu business friendly.” Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, kien qiegħed jitkellem waqt konferenza li fiha ġie diskuss ir-rapport ta’ nofs is-sena li għadu kif ġie ppublikat.
Dan ir-rapport huwa bbażat fuq il-Pjan ta’ Ħidma li ta’ kull sena jinħareġ mis-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed. Ir-rapport juri l-ħidma li saret s’issa fl-implimentazzjoni ta’ l-inizjattivi mniżżla fil-Pjan ta’ Ħidma. Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li “dan il-Gvern jemmen fin-negozju u din is-sena b'mod partikolari qed ikun hemm sinerġija sabiex l-entitajiet kollha li jmissu man-negozju ikunu dejjem aktar miftuħa għan-negozju.”
Preżenti għall-konferenza kien hemm rappreżentanti ta’ numru ta’ entitajiet li qegħdin jaħdmu fuq l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma. Fost dawn kien hemm rappreżentanti mill-GRTU, FOI, MEA, MIM, Commerce Division, VAT, Dwana, MSA, ETC, APEX, il-Bord tal-Koperattivi, BOV u mill-għaqdiet taż-żgħażagħ Young Enterprise, SIFE u Scoops.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li “l-isfida prinċipali tagħna issa hi li nirbħu fil-kompetittivita’. Ma nistgħux nirbħu l-kompetizzjoni, li fis-settur kummerċjali f’Malta qiegħda tikber, iżda nistgħu nirbħu fil-kompetizzjoni. F’pajjiżna qiegħda tiżdied il-kompetizzjoni biż-żieda fl-attivita’ kummerċjali, teżisti iżjed kompetizzjoni peress li issa nagħmlu parti minn suq miftuħ ħafna aktar, u nsibu wkoll kompetizzjoni bejn il-lokalitajiet tagħna stess. Fil-perijodu tal-Milied li għadda, fil-fatt, rajna kompetizzjoni bejn numru ta’ lokalitajiet, li kollha ppruvaw jattiraw il-klijenti b’modi differenti. Rajna wkoll negozji jegħlbu l-kompetizzjoni ta’ bejniethom u jingħaqdu biex jiġbdu aktar nies lejn il-lokalita’ tagħhom. Il-pass li jmiss issa hu li naraw kif ser nirbħu f’din il-kompetizzjoni. Il-Gvern dejjem ħadem, u ser ikompli jaħdem, biex in-negozji tagħna tingħatalhom l-għodda meħtieġa biex ikunu jistgħu jikkompetu. Wieħed mill-metodi li l-Gvern qiegħed juża biex jilħaq dan il-għan huwa li jsegwi l-miri ta’ l-Aġenda ta’ Lisbona, permezz taċ-Charter Ewropew għan-Negozji Żgħar. Illum qegħdin naraw fejn wasalna fl-implimentazzjoni ta’ l-inizjattivi magħżula għal din is-sena, iżda minn hawn u ftit ieħor ser inkunu qegħdin nibdew proċess ta’ konsultazzjoni biex inħejju l-Pjan ta’ Ħidma tas-sena d-dieħla.”
Il-ħidma tas-Segretarjat Parlamentari, permezz tal-Pjan ta’ Ħidma li hu ppubblikat kull sena, tiffoka fuq 10 miri prinċipali li huma l-bażi taċ-Charter Ewropew għan-Negozji Żgħar. Dawn il-miri huma: Prinċipji; Edukazzjoni u taħriġ għall-Imprenditorija; Mezz irħas u eħfef biex jgħin in-negozji jibdew jaħdmu; Liġijiet u regolamenti aħjar; Irid ikun hemm nies tas-sengħa; Intejjbu l-aċċess permezz ta’ l-Internet; Aktar minn suq wieħed; Inizjattivi rigward it-taxxa u dawk finanzjarji; Insaħħu l-kapaċitajiet teknoloġiċi ta’ l-intrapriżi ż-żgħar; Mudelli ta’ kummerċ elettroniku li rnexxew u nkoraġġiment għall-użu ta’ l-ogħla livell favur in-negozji ż-żgħar; Niżviluppaw rappreżentanza aktar b’saħħitha u effettiva ta’ l-interessi ta’ l-intrapriżi ż-żgħar f’livell ta’ Unjoni u Nazzjonali.
L-Onor. Vassallo qal li “din is-sena, fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma iffokajna fuq tliet setturi partikolari: l-edukazzjoni u t-taħriġ; it-titjib ta’ l-infrastruttura; it-tnaqqis tal-burokrazija. Fl-edukazzjoni u t-taħriġ komplejna naħdmu biex l-edukazzjoni fl-imprenditorija tkun aktar mifruxa. Organizzajna korsijiet fl-imprenditorija għal dawk li diġa għandhom in-negozju tagħhom jew li jixtiequ jiftħu negozju ġdid; ġie organizzat kors dwar l-innovazzjoni fl-imprenditorija; saru laqgħat fl-istituti kollha ta’ l-MCAST sabiex l-istudenti jkunu mgħarrfa aħjar bl-opportunitajiet u l-obbligi għal kull min irid jiftaħ in-negozju tiegħu; ġew iffinanzjati diversi proġetti tal-Young Enterprise, Scoops, SIFE u StartUp Malta sabiex jiġu mgħejjuna jaħdmu aħjar; saru numru ta’ laqgħat mar-Rettur ta’ l-Universita’ biex jiġi diskuss kif l-imprenditorija tista’ tkun introdotta fl-Universita’.
“Fit-titjib ta’ l-infrastruttura ħdimna b’suċċess f’diversi ibliet u rħula u żoni industrijali, kif ukoll, permezz ukoll ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, lestejna l-proġett ta’ Ta’ Dbieġi. Dalwaqt ser jinħarġu mill-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq it-tenders għall-Villaġġ ta’ l-Artiġjanat ta’ Ta’ Qali. Minn hawn u ftit ieħor ukoll qegħdin nistennew il-ħruġ tal-permessi mill-MEPA għal sitt żoni ndustrijali ġodda.
“Għal dak li hu tnaqqis ta’ burokrazija, din is-sena emendajna regolamenti li jaffettwaw in-negozji tagħna. Kellna suċċess partikolari fis-simplifikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal liċenza tan-negozju, tant li issa qed ikollna lmenti li l-proċess sar faċli wisq u hawn wisq negozji ġodda qegħdin jinfetħu. Aħna ser inkomplu naħdmu biex inħarsu l-kompetizzjoni ġusta u niġġieldu l-illicit trading.”
Hekk kif il-Gvern qiegħed jaħdem biex itejjeb l-infrastruttura f'pajjiżna u jagħmel minn pajjiżna wieħed kompetittiv skond il-miri ta’ l-Aġenda ta' Lisbona, il-Gvern jinteressah jibqa’ viċin kemm jista’ jkun ta’ l-iżgħar negozji u dawk li jaħdmu għal rashom. Is-Segretarju Parlamentari temm billi qal li “jrid jimpurtana mis-setturi żgħar kollha. L-ekonomija tagħna qiegħda tikber bil-ftit ta’ kulħadd, u għalhekk kull negozju huwa importanti. Il-Gvern irid jara li ħadd ma jibqa’ lura, u għalhekk qiegħed jinvesti fit-taħriġ, il-loġistika u l-infrastruttra tan-negozji u tal-postijiet minn fejn dawn jaħdmu. Bħala Segretarjat Parlamentari aħna qegħdin naħdmu għas-settur kummerċjali, iżda m’aħniex naħdmu waħedna. Qegħdin naħdmu flimkien ma’ Ministeri oħra, kif ukoll ma’ l-għaqdiet tan-negozji, biex flimkien naslu għall-aħjar soluzzjonijiet għall-ħtiġijiet tan-negozji ż-żgħar tagħna. Dan qiegħed isir ukoll permezz ta’ konsultazzjoni kontinwa mas-settur kummerċjali tagħna, u jiena konvint li dan is-settur ser ikompli joħloq aktar impjiegi u jirbaħ fil-kompetittivita’.”
DOI – 08.02.2007
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958