Left arrow Mur Lura

“IL-GVERN JEMMEN FIN-NEGOZJU:  IRRIDU NIRBĦU FIL-KOMPETIZZJONI” – SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO

PR0148
Date Icon 03/02/2007

“Il-ħidma ta’ dan il-Gvern qed tkun suċċess biex f’pajjiżna jinħoloq ambjent fejn in-negozju jiżdied u għalhekk il-kompetizzjoni qiegħda wkoll tinħass aktar fost in-negozji.  Fiċ-ċirkostanzi preżenti, il-kompetizzjoni fost is-sidien tan-negozji, qiegħda tinħass tikber għaliex in-numru ta’ negozji li qegħdin jinfetħu qed jiżdied.  Iż-żieda fin-numru tan-negozji hija riżultat tat-twemmin tal-Gvern f’suq ħieles iżda li jrid iħares il-kompetizzjoni ġusta” is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żghar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, kien qiegħed jitkellem fil-ftuħ ta’ l-ewwel round-table conference dwar il-kompetittivita’ organizzata mis-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed flimkien mad-Dipartiment ta’ l-Ekonomija fl-Universita ta’ Malta.  It-tema ta’ din il-konferenza kienet ‘Il-Kompetizzjoni:  is-Sitwazzjoni f’Pajjizna’.

Kelliema waqt il-konferenza kienu l-Prof. Lino Briguglio, Kap tad-Dipartiment ta’ l-Ekonomija, is-Sur Vince Farrugia, Direttur Ġenerali tal-GRTU, is-Sur Adrian Bajada, President ta’ l-FOI, is-Sur Kevin Borg, Direttur Ġenerali tal-Malta Chamber of Commerce and Enterprise.  Preżenti wkoll kienu f-Rettur ta’ l-Universita’, il-Prof. Juanito Camilleri u rappreżentanti minn organizazzjonijiet ta’ l-istudenti u tan-negozju.

L-Onor. Vassallo qal li “waħda mill-akbar sfidi tal-Gvern hi li jara li f’pajjiżna l-attivita’ kummerċjali tikber.  Fl-istess ħin, il-Gvern hu wkoll konxju li ladarba tiżdied l-attivita’ kummerċjali, tiżdied il-kompetizzjoni fis-suq, u għalhekk minn fost is-sidien tan-negozji ser ikollok rebbieħa u telliefa.

“Peress li l-Gvern jemmen fin-negozju, u li pajjiżna jista’ jikber ekonomikament daqs kemm jista’ jkabbar l-attivita’ kummerċjali, il-Gvern jemmen ukoll li f’din il-kompetizzjoni l-pajjiż irid jirbaħ.  F’din id-dimensjoni politika, nħoss li huwa dmiri, bħala Segretarju Parlamentari li nħares fuq dak li jkun qed iseħħ fl-attivita’ kummerċjali f’pajjiżna, li nara li jkollna l-inqas numru ta’ telliefa f’din il-kompetizzjoni.

“Għalhekk, nemmen f’ħidma aktar ikkordinata, imfassla bi strateġija maħsuba, u b’responsabbilita’ mifruxa fuq kull min jista’ jgħin, sabiex naraw li f’din il-kompetizzjoni kif qed tiżvolġi fis-suq tagħna, naslu li jkollna aktar rebbieħa u nnaqqsu kemm jista’ jkun in-numru tat-telliefa.”

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo spjega l-ħsieb wara din il-konferenza u qal li “sejjaħt din il-konferenza sabiex fl-universita’ nsibu l-ħin biex jiġu flimkien personalitajiet li ġejjin minn oqsma differenti ta’ l-ekonomija, u mill-akkademia, biex b’hekk niftħu proċess ta’ konsultazzjoni.  F’din il-konferenza, u f’laqgħat oħra li ser jiġu organizzati wara l-laqgħa tal-lum, mhux intenzjonat li nikkonkludu l-laqgħa lkoll naħsbu l-istess, iżda fid-differenza ta’ ħsibijiet madwar din il-mejda naslu li nifmhu u naċċettaw l-opinjonijiet ta’ xulxin sabiex finalment inkunu qegħdin nifmhu aħjar kif kull individwu, kull sid ta’ negozju, kull student jew ħaddiem, li qiegħed jagħti sehemu f’din il-kompetizzjoni, jara kif itejjeb il-kontribut tiegħu, u joffri aktar valur miżjud permezz ta’ ħidmietu.  B’hekk, kemm fuq livell personali kif ukoll fuq livell nazzjonali, pajjiżna jkun jista’ jirbaħ f’din il-kompetizzjoni.

“Il-Hidma ta’ dan il-Gvern qed tkun suċċess għaliex qed jirnexxielu joħloq ambjent ta’ negozju.  Din hija l-akbar motivazzjoni u enerġija li tista’ tingħata lin-negozju sabiex joktor f’pajjizna.  Sabiex ikabbru l-profitti tagħhom, in-negozji għandhom bżonn ta’ ambjent miftuħ għan-negozju.  B’dan il-mod, in-negozji jsiru aktar sostenibbli f’dinja kompetittiva.  Ikun inutli li l-Gvern joħroġ bi skemi ta’ finanzjament ta’ darba mingħajr ma’ jiggarantixxi s-serħan tal-moħħ lis-sidien tal-ħwienet, lil dawk li jaħdmu għal rashom u lin-negozji żgħar sabiex dawn ikunu kapaċi jinvestu fit-titjib ta’ l-operat tagħhom.”

Is-Segretarjaru Parlamentari kompla jgħid li l-investiment li n-negozji għandhom bżonn jagħmlu huwa investiment fil-flessibilta`, fi produzzjoni ad hoc, fl-effiċjenza u fit-titjib tas-servizzi li huma joffru.  Dawn huma l-karatteristici li jinstabu fin-negozji żgħar b’mod partikolari u li fihom in-negozji tagħna jistgħu isibu s-suċċess tagħhom.

Sabiex nagħmlu minn pajjiżna pajjiż kompetittiv, il-Gvern, permezz tas-Segretarjat għan-Negozji Żgħar qed ikun viċin tas-sidien tal-ħwienet u persuni self-employed.  B’hekk l-Agenda ta’ Lisbona ma tibqax fl-arja imma tissarraf f’ġid fost il-livell mikro-ekonomiku ta’ pajjiżna.  B’mod partikolari, il-Gvern qed jaħdem fuq ħames miri kontemporanjament.  Dawn huma:

  • Inkoraġġiment għall-innovazzjoni u l-kreattivita` fil-produzzjoni tan-negozji żgħar u fis-servizz mogħti.  Dan filwaqt li tingħata aktar importanza lit-tradizzjonalita’ u l-identita` tal-prodott Malti;

  • Immodernizzar ta’ l-infrastruttura f’żoni industrijali u tibdil fl-operat tal-Gvern sabiex titnaqqas il-burokrazija biex il-Gvern isir dejjem aktar effiċjenti;

  • Informazzjoni fuq is-suq u assistenza għall-ippjanar bil-għaqal sabiex ikollna negozji ġodda li kapaċi jħallu l-aktar profitt u ma jibqax ikollna ħafna mill-istess;

  • Ħidma sabiex ir-riżorsi tan-negozji żgħar, kemm jekk umani kif ukoll l-kapital, jigu wżati bl-aħjar mod u bl-inqas ħela.  B’hekk qed ikun inkoraġġit clustering logistiku iktar milli wieħed fiżiku, filwaqt li tingħata importanza lil taħriġ ġdid u riċerka;

  • Tagħlim sabiex tidħol dejjem aktar mentalita’ imprenditorjali fis-soċjeta` tagħna u fost in-negozji għaliex hemm bżonn li dawn ikunu flessibli għall-ħtigijiet tal-konsumaturi.

“Dawn il-miri qed jinħadmu b’attenzjoni speċifika lejn il-ħtiġijiet tas-sidien tan-negozji żgħar u s-self employed tagħna.  Fil-ħidma ta’ dawn il-miri, li jidhru fid-dettall fil-Programm ta’ Ħidma “Miftuħa għan-Negozju”, il-Gvern qed jaħdem biex kemm jista’ jkun ikun viċin tas-self employed u sidien tan-negozji tagħna.

“Minkejja dan kollu, jiena konxju tal-kritika li diversi sidien ta’ ħwienet jagħmlu fil-kuntest li iżjed ma tnaqqset il-burokrażija mill-Gvern fil-proċess tal-ħruġ tal-liċenzi tan-negozju, u għalhekk żdiedet il-kompetizzjoni, iżjed iħossuhom li tilfu mis-suq tagħhom għaliex illum in-numru tal-kompetituri tagħhom żdied.  Għalhekk, dawk li jaħsbu hekk huma kritiċi tat-tnaqqis tal-burokrazija f’dan il-proċess għaliex isostnu li l-kompetizzjoni qed toħroġhom telliefa, u b’inqas kompetizzjoni huma kienu aħjar.  Fil-fatt, matul is-sena 2006, it-Trade Licensing Unit biss, irċeviet 1,685 applikazzjoni.  Nixtieq għalhekk li llum tiġi diskussa wkoll din l-issue, biex wieħed jagħraf aħjar ir-realta` tas-saħħa tas-suq u l-kompetizzjoni f’pajjiżna u għalhekk nagħrfu aktar dan l-issue partikolari x’risposta għandu jingħata” temm is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.

DOI – 03.02.2007

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow