“IL-GVERN JEMMEN FIN-NEGOZJU: IRRIDU NIRBĦU FIL-KOMPETIZZJONI” – SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO
“Il-ħidma ta’ dan il-Gvern qed tkun suċċess biex f’pajjiżna jinħoloq ambjent fejn in-negozju jiżdied u għalhekk il-kompetizzjoni qiegħda wkoll tinħass aktar fost in-negozji. Fiċ-ċirkostanzi preżenti, il-kompetizzjoni fost is-sidien tan-negozji, qiegħda tinħass tikber għaliex in-numru ta’ negozji li qegħdin jinfetħu qed jiżdied. Iż-żieda fin-numru tan-negozji hija riżultat tat-twemmin tal-Gvern f’suq ħieles iżda li jrid iħares il-kompetizzjoni ġusta” is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żghar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, kien qiegħed jitkellem fil-ftuħ ta’ l-ewwel round-table conference dwar il-kompetittivita’ organizzata mis-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed flimkien mad-Dipartiment ta’ l-Ekonomija fl-Universita ta’ Malta. It-tema ta’ din il-konferenza kienet ‘Il-Kompetizzjoni: is-Sitwazzjoni f’Pajjizna’.
Kelliema waqt il-konferenza kienu l-Prof. Lino Briguglio, Kap tad-Dipartiment ta’ l-Ekonomija, is-Sur Vince Farrugia, Direttur Ġenerali tal-GRTU, is-Sur Adrian Bajada, President ta’ l-FOI, is-Sur Kevin Borg, Direttur Ġenerali tal-Malta Chamber of Commerce and Enterprise. Preżenti wkoll kienu f-Rettur ta’ l-Universita’, il-Prof. Juanito Camilleri u rappreżentanti minn organizazzjonijiet ta’ l-istudenti u tan-negozju.
L-Onor. Vassallo qal li “waħda mill-akbar sfidi tal-Gvern hi li jara li f’pajjiżna l-attivita’ kummerċjali tikber. Fl-istess ħin, il-Gvern hu wkoll konxju li ladarba tiżdied l-attivita’ kummerċjali, tiżdied il-kompetizzjoni fis-suq, u għalhekk minn fost is-sidien tan-negozji ser ikollok rebbieħa u telliefa.
“Peress li l-Gvern jemmen fin-negozju, u li pajjiżna jista’ jikber ekonomikament daqs kemm jista’ jkabbar l-attivita’ kummerċjali, il-Gvern jemmen ukoll li f’din il-kompetizzjoni l-pajjiż irid jirbaħ. F’din id-dimensjoni politika, nħoss li huwa dmiri, bħala Segretarju Parlamentari li nħares fuq dak li jkun qed iseħħ fl-attivita’ kummerċjali f’pajjiżna, li nara li jkollna l-inqas numru ta’ telliefa f’din il-kompetizzjoni.
“Għalhekk, nemmen f’ħidma aktar ikkordinata, imfassla bi strateġija maħsuba, u b’responsabbilita’ mifruxa fuq kull min jista’ jgħin, sabiex naraw li f’din il-kompetizzjoni kif qed tiżvolġi fis-suq tagħna, naslu li jkollna aktar rebbieħa u nnaqqsu kemm jista’ jkun in-numru tat-telliefa.”
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo spjega l-ħsieb wara din il-konferenza u qal li “sejjaħt din il-konferenza sabiex fl-universita’ nsibu l-ħin biex jiġu flimkien personalitajiet li ġejjin minn oqsma differenti ta’ l-ekonomija, u mill-akkademia, biex b’hekk niftħu proċess ta’ konsultazzjoni. F’din il-konferenza, u f’laqgħat oħra li ser jiġu organizzati wara l-laqgħa tal-lum, mhux intenzjonat li nikkonkludu l-laqgħa lkoll naħsbu l-istess, iżda fid-differenza ta’ ħsibijiet madwar din il-mejda naslu li nifmhu u naċċettaw l-opinjonijiet ta’ xulxin sabiex finalment inkunu qegħdin nifmhu aħjar kif kull individwu, kull sid ta’ negozju, kull student jew ħaddiem, li qiegħed jagħti sehemu f’din il-kompetizzjoni, jara kif itejjeb il-kontribut tiegħu, u joffri aktar valur miżjud permezz ta’ ħidmietu. B’hekk, kemm fuq livell personali kif ukoll fuq livell nazzjonali, pajjiżna jkun jista’ jirbaħ f’din il-kompetizzjoni.
“Il-Hidma ta’ dan il-Gvern qed tkun suċċess għaliex qed jirnexxielu joħloq ambjent ta’ negozju. Din hija l-akbar motivazzjoni u enerġija li tista’ tingħata lin-negozju sabiex joktor f’pajjizna. Sabiex ikabbru l-profitti tagħhom, in-negozji għandhom bżonn ta’ ambjent miftuħ għan-negozju. B’dan il-mod, in-negozji jsiru aktar sostenibbli f’dinja kompetittiva. Ikun inutli li l-Gvern joħroġ bi skemi ta’ finanzjament ta’ darba mingħajr ma’ jiggarantixxi s-serħan tal-moħħ lis-sidien tal-ħwienet, lil dawk li jaħdmu għal rashom u lin-negozji żgħar sabiex dawn ikunu kapaċi jinvestu fit-titjib ta’ l-operat tagħhom.”
Is-Segretarjaru Parlamentari kompla jgħid li l-investiment li n-negozji għandhom bżonn jagħmlu huwa investiment fil-flessibilta`, fi produzzjoni ad hoc, fl-effiċjenza u fit-titjib tas-servizzi li huma joffru. Dawn huma l-karatteristici li jinstabu fin-negozji żgħar b’mod partikolari u li fihom in-negozji tagħna jistgħu isibu s-suċċess tagħhom.
Sabiex nagħmlu minn pajjiżna pajjiż kompetittiv, il-Gvern, permezz tas-Segretarjat għan-Negozji Żgħar qed ikun viċin tas-sidien tal-ħwienet u persuni self-employed. B’hekk l-Agenda ta’ Lisbona ma tibqax fl-arja imma tissarraf f’ġid fost il-livell mikro-ekonomiku ta’ pajjiżna. B’mod partikolari, il-Gvern qed jaħdem fuq ħames miri kontemporanjament. Dawn huma:
Inkoraġġiment għall-innovazzjoni u l-kreattivita` fil-produzzjoni tan-negozji żgħar u fis-servizz mogħti. Dan filwaqt li tingħata aktar importanza lit-tradizzjonalita’ u l-identita` tal-prodott Malti;
Immodernizzar ta’ l-infrastruttura f’żoni industrijali u tibdil fl-operat tal-Gvern sabiex titnaqqas il-burokrazija biex il-Gvern isir dejjem aktar effiċjenti;
Informazzjoni fuq is-suq u assistenza għall-ippjanar bil-għaqal sabiex ikollna negozji ġodda li kapaċi jħallu l-aktar profitt u ma jibqax ikollna ħafna mill-istess;
Ħidma sabiex ir-riżorsi tan-negozji żgħar, kemm jekk umani kif ukoll l-kapital, jigu wżati bl-aħjar mod u bl-inqas ħela. B’hekk qed ikun inkoraġġit clustering logistiku iktar milli wieħed fiżiku, filwaqt li tingħata importanza lil taħriġ ġdid u riċerka;
Tagħlim sabiex tidħol dejjem aktar mentalita’ imprenditorjali fis-soċjeta` tagħna u fost in-negozji għaliex hemm bżonn li dawn ikunu flessibli għall-ħtigijiet tal-konsumaturi.
“Dawn il-miri qed jinħadmu b’attenzjoni speċifika lejn il-ħtiġijiet tas-sidien tan-negozji żgħar u s-self employed tagħna. Fil-ħidma ta’ dawn il-miri, li jidhru fid-dettall fil-Programm ta’ Ħidma “Miftuħa għan-Negozju”, il-Gvern qed jaħdem biex kemm jista’ jkun ikun viċin tas-self employed u sidien tan-negozji tagħna.
“Minkejja dan kollu, jiena konxju tal-kritika li diversi sidien ta’ ħwienet jagħmlu fil-kuntest li iżjed ma tnaqqset il-burokrażija mill-Gvern fil-proċess tal-ħruġ tal-liċenzi tan-negozju, u għalhekk żdiedet il-kompetizzjoni, iżjed iħossuhom li tilfu mis-suq tagħhom għaliex illum in-numru tal-kompetituri tagħhom żdied. Għalhekk, dawk li jaħsbu hekk huma kritiċi tat-tnaqqis tal-burokrazija f’dan il-proċess għaliex isostnu li l-kompetizzjoni qed toħroġhom telliefa, u b’inqas kompetizzjoni huma kienu aħjar. Fil-fatt, matul is-sena 2006, it-Trade Licensing Unit biss, irċeviet 1,685 applikazzjoni. Nixtieq għalhekk li llum tiġi diskussa wkoll din l-issue, biex wieħed jagħraf aħjar ir-realta` tas-saħħa tas-suq u l-kompetizzjoni f’pajjiżna u għalhekk nagħrfu aktar dan l-issue partikolari x’risposta għandu jingħata” temm is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.
DOI – 03.02.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958