PROĠETT TA’ Restawr u Konservazzjoni fil-Knisja l-Qadima fis-Siġġiewi
Żona minsija u moħbija ser tiġi trasformata f’gawrha ta’ arkitettura storika b’elementi arkeoloġiċi
It-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura bdiet xogħol ta’ konservazzjoni fuq is-sit tal-Knisja l-Qadima fis-Siġġiewi. Dan seta’ jsir wara ftehim mal-Kappillan tal-parroċċa.
Il-Knisja parrokkjali l-qadima tas-Siġġiewi ddedikata lil San Nikola kienet inbniet ftit wara li r-raħal tas-Siġġiewi sar parroċċa fl-1436. Illum din il-Knisja għad fadal biss ftit fdalijiet minnha għax kienet iġġarrfet fis-seklu sbatax. Dawn jinstabu mat-Triq il-Knisja l-Qadima wara ħajt li fih tinstab niċċa tal-Madonna bil-Bambin.
Meta kien qed iżur ix-xogħlijiet, il-Ministru Ninu Zammit qal li s-sit kien kompletament abbandunat, u saħansitra għal ħafna snin kien qed jintuża għal skopijiet agrikoli. Il-proġett qed jinvolvi tindif mill-veġetazzjoni, u tneħħija ta’ ħamrija li tul is-snin inġemgħet tant li partijiet kbar tal-fdalijiet tal-Knisja l-qadima kienu kompletament mirduma. Dan ser iwassal biex jerġa` jinkixef il-livell oriġinali tal-Knisja, biex sussegwentement jinbeda x-xogħol ta’ konservazzjoni fuq il-fdalijiet infushom. Minħabba n-natura tax-xogħol, iċ-ċirkostanzi tas-sit u s-sensittivita`, ħafna mix-xogħol qed isir bl-idejn.
Meta jitlesta l-proġett, is-sit ser ikun aċċessibbli għall-pubbliku bħala attrazzjoni tal-fdalijiet u se jkun hemm information panels li jispjegaw l-istorja tal-Knisja, kif ukoll wirja permanenti ta’ oġġetti skulturati li jinstabu fis-sit. Fi kliem ieħor dan il-proġett se jkun wieħed li jixbaħ ħafna lill-proġett li sar fl-akwati tal-Mitħna tax-Xarolla fiż-Zurrieq, fejn hawnhekk wara x-xogħol kollu li sar illum għandna sit arkeoloġiku żgħir li jikkonsisti f’mitħna storika, oqbra puniċi u kappella.
Il-Ministru spjega li l-Knisja parrokkjali l-qadima kienet inbniet ħdejn kappella żgħira ferm eqdem, iddedikata lill-Madonna. Meta l-Knisja kien żarha Mons. Dusina fl-1575, huwa kien ħalla miktub li kien fiha żewġ artali laterali, żewġ navi żgħar u sagristija. Qal ukoll li l-Knisja kellha battisterju ħdejn il-bieb prinċipali tagħha. Wara xi żmien kien hemm il-ħtieġa li l-Knisja titkabbar minħabba li n-numru tan-nies fis-Siġġiewi beda jikber. Minħabba f’hekk il-Kappella ddedikata lill-Madonna ġiet inkorporata mal-Knisja ta’ San Nikola sabiex il-korsija twessgħet aktar. Il-pjanta tal-Knisja saret forma ta’ Salib kif fil-fatt huma l-maġġoranza tal-Knejjes Kattoliċi.
Il-konservazzjoni, ir-restawr u rijabilitazzjoni ta’ dan il-kumpless storiku u arkeoloġiku ser iwassal sabiex ġawhra moħbija u minsija ta’ l-arkitettura ta’ pajjiżna ser tissebbaħ u ser terġa` tingħata l-importanza li jixirqilha, temm jgħid il-Ministru Ninu Zammit.
DOI – 02.02.2007
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958