Il-Karnival ta’ Malta se jsir bejn is-16 u l-20 ta’ Frar
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura nieda l-programm tal-Karnival ta’ Malta 2007 waqt konferenza għall-‘media’ li fiha habbar ukoll li din is-sena l-Karnival ser ikun organizzat bejn is-16 u l-20 ta’ Frar. Hu qal li l-Karnival ilu li sar parti mill-kalendarju ta’ attivitajiet tal-poplu Malti għal aktar minn 470 sena. Hu qal li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet baqgħu neżlin minn ġenerazzjoni għal oħra u li l-organizzazzjoni tagħhom m’għandiex jiem fissi, għaliex hi marbuta maż-żmien tar-Randan.
L-ewwel Karnival f’Malta kien organizzat fl-1535 meta pajjiżna kien immexxi mill-Gran Mastru Pietro del Ponte. Fl-1560 il-Gran Mastru La Vallette ta spinta kbira lill-Karnival meta ħalla li jintużaw il-maskri fil-pubbliku. Dik is-sena kien hemm fil-Port il-Kbir flotta kbira Kristjana. Il-flotta, taħt l-Gran Ammirall ta’ fama, il-Ġenoviż Doria, daħlet Malta minħabba l-maltemp u mard. L-Ammirall Doria ħalla lin-nies tiegħu, li kienu jinkludu l-fjur ta’ l-aristokrazija Ewropea, jinżlu x-xatt u jixxalaw kemm jifilħu b’kant, żfin u billi libsu l-maskri.
Dan l-ispettaklu għoġob lill-Kavallieri u lill-Maltin u biż-żmien il-Karnival sar ukoll parti karatteristika tal-ħajja Maltija. Ħaġa kurjuża li kienet tiġri f’dawn it-tliet ijiem ta’ divertiment kienet li mill-‘Castellania’, jew il-Palazz tal-Ġustizzja – fejn illum hemm il-Ministeru tas-Saħħa u l-Kura ta’ l-Anzjani – kienet tiddendel ġebla bħala sinjal li l-ġustizzja ġiet sospiża għat-tlett ijiem tal-Karnival!
Fl-1721, fi żmien li kien Gran Mastru Marcantonio Zondadari, kienet introdotta ‘Il-Kukkanja’ li kienet tittella’ t-Tnejn tal-karnival. Din kienet attivita’ popolari ħafna u setgħu jieħdu parti fiha biss nies ċivili. Attivita’ oħra marbuta mal-Karnival hi l-‘Parata’ fejn żeffiena kienu jwettqu żifna tax-xwabel li tfakkar ir-rebħa tal-1565 tal-Maltin fuq it-Torok.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li nies anzjani jiftakru li ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival fit-Tliet Ibliet u f’xi rħula ta’ Malta u Għawdex, kienu jikkompetu ma’ dawk tal-belt Valletta. Hu qal li maż-żmien iċ-ċelebrazzjonijiet bdew ikunu kkonċentrati fuq il-Belt anke jekk isir minn kollox biex ninkoraġġixxu ċelebrazzjonijiet fi bliet u rħula oħra.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li minn mindu fl-1926 l-attivitajiet ta’ barra tal-Karnival bdew jiġu organizzati minn Kumitat tal-Karnival – b’panel ta’ judges u bdew jingħataw premjijiet, il-Karnival ħa xejra oħra u beda jiġi konċentrat fuq il-belt kapitali.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li għall-Karnival ta’ din is-sena, ser ikun hemm żieda fil-premjijiet f’kull sezzjoni. Hu qal li dan kien qed isir biex ninkoraġġixxu dejjem aktar lil dawk kollha li jipparteċipaw. Il-Ministru Zammit Dimech qal li din is-sena, Misraħ il-Ħelsien ser jintrama’ minn kuntrattur privat u dan minbarra li ma kien ser inaqqas xejn mill-organizzazzjoni – anzi kien infurmat li l-istandards kienu ser ikunu ogħla – kien ser iwassal biex in-nefqa għall-Kumitat Organizattiv tkun inqas.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li għal din is-sena, minbarra l-attivitajiet li jsiru fil-Belt u l-Furjana, kienu ser jiġu organizzati attivitajiet tal-Karnival f’San Ġiljan, Ħal Qormi u Ħal Għaxaq mill-Kunsilli Lokali. Hu qal li attivita’ oħra li kienu qed iniedu din is-sena kienet sfilata karnivaleska fit-toroq ta’ Ħal Għaxaq nhar it-Tnejn u t-Tlieta tal-Karnival. Hu qal li barra minnhekk, is-Sibt u l-Ħadd filgħaxija kien ser jiġi organizzat Street Carnival Party fil-Valletta Waterfront. Hu qal li dawn l-attivitajiet qegħdin isiru b’kollaborazzjoni mal-Kumitat tal-Karnival.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Karnival kien ukoll attrazzjoni turistika. Hu qal li l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta kienet tippromwovi l-attivitajiet tal-Karnival u li issa bil-portal li għadu kif ġie inawgurat mill-MTA, dawn l-attivitajiet ser ikunu jistgħu jingħataw promozzjoni akbar u ser ikunu jagħmlu parti minn taqsima ta’ attivitajiet li nemmnu għandha tikkontribwixxi lejn li jkollna prodott aħjar.
Il-Ministru Zammit Dimech awgura lil kull min jikkontribwixxi biex il-Karnival ikun suċċess: lill-Kumitat tal-Karnival u lil dawk kollha li jaħdmu karrijiet, maskri grotteski u kostumi, liż-żeffiena u lil dawk li jgħallmuhom.
DOI - 02.02.2007
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958