Left arrow Go Back

Il-Karnival ta’ Malta se jsir bejn is-16 u l-20 ta’ Frar

PR0139
Date Icon 02/02/2007

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura nieda l-programm tal-Karnival ta’ Malta 2007 waqt konferenza għall-‘media’ li fiha habbar ukoll li din is-sena l-Karnival ser ikun organizzat bejn is-16 u l-20 ta’ Frar. Hu qal li l-Karnival ilu li sar parti mill-kalendarju ta’ attivitajiet tal-poplu Malti għal aktar minn 470 sena. Hu qal li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet baqgħu neżlin minn ġenerazzjoni għal oħra u li l-organizzazzjoni tagħhom m’għandiex jiem fissi, għaliex hi marbuta maż-żmien tar-Randan.  

L-ewwel Karnival f’Malta kien organizzat fl-1535 meta pajjiżna kien immexxi mill-Gran Mastru Pietro del Ponte. Fl-1560 il-Gran Mastru La Vallette ta spinta kbira lill-Karnival meta ħalla li jintużaw il-maskri fil-pubbliku. Dik is-sena kien hemm fil-Port il-Kbir flotta kbira Kristjana. Il-flotta, taħt l-Gran Ammirall ta’ fama, il-Ġenoviż Doria, daħlet Malta minħabba l-maltemp u mard. L-Ammirall Doria ħalla lin-nies tiegħu, li kienu jinkludu l-fjur ta’ l-aristokrazija Ewropea, jinżlu x-xatt u jixxalaw kemm jifilħu b’kant, żfin u billi libsu l-maskri. 

Dan l-ispettaklu għoġob lill-Kavallieri u lill-Maltin u biż-żmien il-Karnival sar ukoll parti karatteristika tal-ħajja Maltija. Ħaġa kurjuża li kienet tiġri f’dawn it-tliet ijiem ta’ divertiment kienet li mill-‘Castellania’, jew il-Palazz tal-Ġustizzja – fejn illum hemm il-Ministeru tas-Saħħa u l-Kura ta’ l-Anzjani – kienet tiddendel ġebla bħala sinjal li l-ġustizzja ġiet sospiża għat-tlett ijiem tal-Karnival! 

Fl-1721, fi żmien li kien Gran Mastru Marcantonio Zondadari, kienet introdotta ‘Il-Kukkanja’ li kienet tittella’ t-Tnejn tal-karnival. Din kienet attivita’ popolari ħafna u setgħu jieħdu parti fiha biss nies ċivili. Attivita’ oħra marbuta mal-Karnival hi l-‘Parata’ fejn  żeffiena kienu jwettqu żifna tax-xwabel li tfakkar ir-rebħa tal-1565 tal-Maltin fuq it-Torok.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li nies anzjani jiftakru li ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival fit-Tliet Ibliet u f’xi rħula ta’ Malta u Għawdex, kienu jikkompetu ma’ dawk tal-belt Valletta. Hu qal li maż-żmien iċ-ċelebrazzjonijiet bdew ikunu kkonċentrati fuq il-Belt anke jekk isir minn kollox biex ninkoraġġixxu ċelebrazzjonijiet fi bliet u rħula oħra. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li minn mindu fl-1926 l-attivitajiet ta’ barra tal-Karnival bdew jiġu organizzati minn Kumitat tal-Karnival –  b’panel ta’ judges u bdew jingħataw premjijiet, il-Karnival ħa xejra oħra u beda jiġi konċentrat fuq il-belt kapitali. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li għall-Karnival ta’ din  is-sena, ser ikun hemm żieda fil-premjijiet f’kull sezzjoni. Hu qal li dan kien qed isir biex ninkoraġġixxu dejjem aktar lil dawk kollha li jipparteċipaw. Il-Ministru Zammit Dimech qal li din is-sena, Misraħ il-Ħelsien ser jintrama’ minn kuntrattur privat u dan minbarra li ma kien ser inaqqas xejn mill-organizzazzjoni – anzi kien infurmat li l-istandards kienu ser ikunu ogħla – kien ser iwassal biex in-nefqa għall-Kumitat Organizattiv tkun inqas. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li għal din is-sena, minbarra l-attivitajiet li jsiru fil-Belt u l-Furjana, kienu ser jiġu organizzati attivitajiet tal-Karnival f’San Ġiljan, Ħal Qormi u Ħal Għaxaq mill-Kunsilli Lokali. Hu qal li attivita’ oħra li kienu qed iniedu din is-sena kienet sfilata karnivaleska fit-toroq ta’ Ħal Għaxaq nhar it-Tnejn  u t-Tlieta tal-Karnival. Hu qal li barra minnhekk, is-Sibt u l-Ħadd filgħaxija kien ser jiġi organizzat Street Carnival Party fil-Valletta Waterfront. Hu qal li dawn l-attivitajiet qegħdin isiru b’kollaborazzjoni mal-Kumitat tal-Karnival. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Karnival kien ukoll attrazzjoni turistika. Hu qal li l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta kienet tippromwovi l-attivitajiet tal-Karnival u li issa bil-portal li għadu kif ġie inawgurat mill-MTA, dawn l-attivitajiet ser ikunu jistgħu jingħataw promozzjoni akbar u ser ikunu jagħmlu parti minn taqsima ta’ attivitajiet li nemmnu għandha tikkontribwixxi lejn li jkollna prodott aħjar. 

Il-Ministru Zammit Dimech awgura lil kull min jikkontribwixxi biex il-Karnival ikun suċċess: lill-Kumitat tal-Karnival u lil dawk kollha li jaħdmu karrijiet, maskri grotteski u kostumi, liż-żeffiena u lil dawk li jgħallmuhom.

DOI - 02.02.2007

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow