Ftehim Kulturali bejn Malta u l-Italja
Malta u l-Italja iffirmaw ftehim ta’ kollaborazzjoni fil-qasam Kulturali għas-snin 2007 – 2009 li jkopri l-edukazzjoni, il-lingwa, l-universita’, il-kultura, ir-restawr, l-arkeoloġija u l-wirt kulturali kif ukoll l-arkivji.
Il-ftehim kien iffirmat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Michael Frendo u l-Ambaxxatur Taljan għal Malta, Paolo Trabalza, fil-preżenza tas-Sotto Segretarju għall-Affarijiet Barranin Taljan, Famiano Crucianelli.
Permezz ta’ dan il-ftehim iż-żewġ partijiet qablu li fuq livell multilaterali, jipparteċipaw fi programmi provduti mill-Unjoni Ewropea jew organizazzjonijiet internazzjonali oħra.
Malta u l-Italja ftehmu li jkun hemm skambju ta’ esperti biex jistudjaw is-sistemi edukattivi ta’ xulxin u jikkontribwixxu għat-titjib tagħhom kif ukoll li jippromwovu it-tagħlim u t-tixrid tal-lingwi fil-pajjiżi rispettivi.
Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-Universita’, il-ftehim jipprovdi li jkun hemm kollaborazzjoni bejn l-Universita’ ta’ Malta u Universitajiet Taljani u istituzzjonijiet akkademiċi oħra u laqgħat bejn ir-Retturi ta’ dawn l-universitajiet.
Il-Gvern Taljan intrabat li jipprovdi 140 borża ta’ studju għal ċittadini Maltin filwaqt li l-Gvern Malti joffri 68 scholarship fit-tagħlim tal-lingwa Ingliża lil ċittadini Taljani.
Fil-qasam kulturali iż-żewġ pajjiżi se jużaw is-servizz ta’ l-organizazzjonijiet rispettivi tagħhom għal skambji u promozzjoni ta’ attivitajiet etniċi u kulturali b’enfazi partikolari fuq il-qasam tal-mużika, id-drama u ż-żfin.
Għandu jkun hemm kooperazzjoni fil-qasam ta’ l-iskavi u r-riċerka arkeoloġika u bdil ta’ esperti f’dan il-qasam. Għal dawk li huma wirt u kultura għandu jkun hemm kooperazzjoni sħiħa bejn Heritage Malta u l-Ministru tal-Beni u Attivitajiet Kulturali Taljan.
Kull sena, Malta u l-Italja se jieħdu arkivist mill-pajjiżi rispettivi u jaħdmu fil-pajjiżi ta’ xulxin u jkabbru l-kooperazzjoni ta’ bejniethom f’dan il-qasam.
Il-ftehim jipprovdi wkoll li jkun hemm ħidma flimkien mill-Public Broadcasting Services u r-Rai.
DOI – 01.02.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958