Se jintlaqgħu proposti għat-tfassil ta’ Politika Marittima ta’ l-Unjoni Ewropea
F’laqgħa li saret fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fis-sensiela ta’ laqgħat tal-COMEU, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Michael Frendo u l-Ministru għall-Kompetivita u l-Kompetizzjoni, Censu Galea, ħeġġew lill-partijiet kollha interessati biex jagħmlu l-proposti tagħhom għat-tfassil ta’ Politika Marittima ta’ l-Unjoni Ewropea.
Matul il-laqgħa kienet diskussa l-Green Paper pubblikata mill-Kummissjoni Ewropea dwar Politika Marittima għall-Unjoni, li kif fakkar il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, tfasslet mill-Kummissarju Malti, Joe Borg.
Il-Ministru Censu Galea, li ħa sehem fil-laqgħa, fisser li Malta għandha sat-30 ta’ Lulju biex tissottometti l-proposti tagħha għal din il-Politika Marittima. Għalhekk appella lid-Dipartimenti tal-Gvern, entijiet privati, is-socjeta’ ċivili u dawk interessati biex jagħmlu l-proposti tagħhom kmieni biżżejjed biex ikunu jistgħu jiġu studjati u nkorporati fil-pożiżżjoni li tippreżenta Malta.
Il-Ministru Frendo saħaq fuq il-bżonn li s-setturi kollha nteressati f’Politika Marittima, bħalma huma dawk tat-tarznari, is-sajjieda, l-operaturi turistiċi u ħafna setturi oħra, jistudjaw bir-reqqa din il-Green Paper u jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom.
Kemm il-Ministeru għall-Kompetivita kif ukoll il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, permezz tal-Forum Malta fl-Ewropa se jorganizzaw laqgħat dwar din il-Green Paper għall-partijiet kollha interessati.
Fl-istess laqgħa saret preżentazzjoni wkoll dwar komunikat tal-Kummissjoni Ewropea fuq il-Kummerċ Barrani – “Global Europe – Competing in the World”. Din hi r-risposta ta’ l-Unjoni Ewropea għall-fenomenu tal-Globalizazzjoni. Il-Politika tal-Kummerċ Esteru ta’ l-Unjoni Ewropea hi kruċjali biex il-pajjiżi ta’ l-Unjoni jkunu jistgħu jidħlu u jippenetraw swieq mondjali.
Il-Ministru Frendo qal li waħda mill-miri strateġiċi tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin hi proprju l-ħolqien ta’ politika dwar il-Kummerċ Esteru u għal dan l-iskop se jsiru laqgħat ma’ l-imsieħba soċjali kollha biex titfassal din il-politika.
DOI – 31.01.2007
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958