Left arrow Mur Lura

Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin jindirizza Laqgħa Internazzjonali dwar is-Sajd fil-Mediterran

PR0126
Date Icon 30/01/2007

Malta se timpenja ruħha biex fil-qafas tal-Konferenza ‘EuroMed’, jibdew jiltaqgħu l-Ministri responsabbli mis-sajd biex jiddiskutu d-diversi suġġetti konnessi ma’ dan il-qasam importanti għas-sajjieda tal-pajjiżi Mediterranji.

Meta kien qed jitkellem f’laqgħa internazzjonali dwar il-Futur tas-Sajd fil-Mediterran, li saret f’Mazzara del Vallo, fl-Italja, il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin l-Onor. Michael Frendo qal li l-baħar hu fiċ-ċentru ta’ ħajjitna u l-Mediterran hu fiċ-ċentru tal-ħajja ekonomika u soċjali tan-nies li jgħixu fil-pajjiżi ta’ madwaru.

Il-pajjiżi tal-Mediterran għandhom jikkoperaw flimkien biex jegħlbu d-diffikultajiet li joħloq it-tniġġiz ta’ dan il-baħar, il-problemi tal-bidla fil-klima li huma problemi globali, kif ukoll biex jisfruttaw flimkien ir-riżorsi ta’ dan il-baħar.

Il-Ministru Frendo fakkar fl-inizjattiva li kienet ħadet Malta fin-Nazzjonijiet Uniti madwar 40 sena ilu, meta pproponiet li l-baħar għandu jitqies bħala wirt komuni ta’ l-umanita’.  Hu sostna li l-pajjiżi tal-Mediterran għandhom iqisu dan il-baħar bħala l-wirt komuni tagħhom u flimkien jaħdmu biex iħarsuħ u jassiguraw li kull min jgħaddi minn dan il-baħar, jirrispettaħ u ma jagħmel xejn li jista’ jħammġu jew jagħmillu ħsara.

Il-Ministru Frendo irrefera għall-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran li għandha ċ-ċentru tagħha f’Malta u qal li l-pajjiżi rappreżentati f’din l-Assemblea għandhom jisħqu mal-membri tagħhom biex huma wkoll jaħdmu fl-interess tal-Baħar Mediterran u dawk li jgħixu minnu.

Is-sajjied hu fiċ-ċentru tal-ħajja u l-attivita’ marittima. Is-sajjieda li jafu l-għixien tagħhom minn dan il-baħar iridu jaħdmu u jikkoperaw flimkien.  Il-kooperazzjoni m’hix biss kelma tal-politiċi, iżda saret obbligu politiku u soċjali; u għandha titpoġġa fil-prattika biex tagħti aktar sigurta’ lis-sajjieda tal-Mediterran. Il-ħajja tas-sajjieda hi ħajja diffiċli u kultant anke perikoluża u għandu jsir dak kollu possibbli biex ikun hemm aktar sigurta’ fil-Mediterran.

Il-Ministru Frendo qal li biex dan isir, jistgħu jintużaw l-istrutturi li diġa’ jeżistu. Fil-qafas tal-programm Euromed għandha ssir ħidma u jitfassal programm għas-sigurta’ tas-sajjieda tagħna.

Mexjin lejn Żona ta’ Kummerċ Ħieles fil-Mediterran.  Anke f’dan il-qasam, is-sajd għandu importanza kbira. Il-pajjiżi Mediterranji kollha jridu jaħdmu flimkien biex din ir-realta’ tal-Mediterran Ċentrali ssir aktar b’saħħitha.

Il-Ministru Frendo fakkar li sena ilu f’laqgħa fit-Tunesija, kien ħareġ bl-idea tal-Forum Ekonomiku tal-Mediterran Ċentrali. Din l-idea qed taqbad l-art sew u issa hemm bżonn li l-pajjiżi nvoluti, partikolarment l-Italja, Malta, il-Libja u t-Tunesija jaħdmu flimkien biex iwarrbu l-ostakli li jfixkluhom milli jagħmlu negozju flimkien. Dawn m’humiex biss diffikultajiet burokratiċi, iżda jistgħu jkunu anke diffikultajiet kulturali u użanzi ta’ kif isir in-negozju u l-kummerċ.

Il-pajjiżi tal-Mediterran jistgħu jimxu ‘l quddiem jekk jirrisolvu li jaħdmu u jikkooperaw flimkien u juru solidarjeta’ ma’ xulxin.

Fil-laqgħa ħadu sehem il-Ministri tas-Sajd tat-Tunesija, l-Eġittu u l-Italja.

DOI  30.1.2007

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow