Left arrow Mur Lura

€ 78,500 favur apprentisti li qed jaħdmu ma’ Negozji Żgħar.

PR0123
Date Icon 30/01/2007

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea u s-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed Edwin Vassallo illum ippreżentaw ċertifikati ta’ parteċipazzjoni lil 43 student ta’ l-MCAST li bbenefikaw minn proġett taħt il-Programm Leonardo da Vinci msejjaħ ‘Minn Student f’Apprendistat għal Imprenditur’ maħsub biex apprendisti Maltin jingħataw esperjenza ta’ xogħol f’negozji żgħar barra minn Malta u b’hekk itejjbu l-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom.  Il-proġett kien imniedi mis-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed u sar flimkien ma’ l-MCAST u l-ETC b’investiment ta’ aktar minn €78,500 jew Lm 33,700.   

“Il-Gvern jibqa’ impenjat li jagħmel dak kollhu li hu possibbli biex l-istudenti Maltin mhux biss ikollhom taħriġ ta’ l-għola kwalità fl-istituzzjonijiet Maltin imma wkoll li jkollhom esperjenzi barra minn Malta li jkomplu jagħtu aktar valur miżjud lill-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom.  Minn mindu l-MCAST beda jipparteċipa fil-programm Leonardo Da Vinci diġa’ kien hemm aktar minn 160 student li kellhom l-opportunità li jieħdu esperjenza barra minn Malta.  Mill-istess programm gawdew ukoll 40 għalliema” qal il-Ministru Galea meta indirizza lill-istudenti.  Hu qal ukoll li dan hu frott tal-politika għaqlija tal-Gvern li sieħeb lil Malta fl-Unjoni Ewropea biex issa qed ingawdu minn miljuni ta’ Liri f’għajnuna.  Louis Galea qal li fl-MCAST biss, bil-programm Leonardo da Vinci, sar investiment ta’ madwar €200,000 (Lm 84,863). 

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo spjega kif il-Gvern daħal għal dan il-proġett u rnexxielu jikseb eluf ta’ Liri biex studenti ta’ l-MCAST li qegħdin fl-iskema ta’ apprendistat taħt l-iskemi ta’ l-ETC, ikunu jistgħu jaħdmu għal tlett ġimgħat ma’ negozji żgħar barra minn Malta.   “Permezz ta’ dan il-proġett mhux biss l-apprendisti qed ikunu mgħejjuna jiksbu esperjenza, ħiliet u kompetenzi ġodda imma ukoll qed ngħinu lin-negozji ż-żgħar li qed iħaddmuhom għaliex ser ikollhom ħaddiema aktar preparati u b’ħiliet li forsi ma jsibux f’ħaddiema oħrajn.” 

“Permezz tal-parteċipazzjoni tagħkom f’dan il-proġett intom ġejtu mgħejjuna tiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħkom bħala ħaddiema u sirtu tafu aktar dwar l-operat tan-negozju li intom taħdmu fih.  Barra minn hekk kellkom l-opportunità tifhmu aħjar id-dedikazzjoni ta’ kull min fetaħ in-negozju tiegħu għal rasu biex b’dan il-mod tkunu aktar effettivi fuq xogħolkom, tifhmu aħjar lilkom infuskom u tesperjenzjaw kulturi differenti.” sostna Edwin Vassallo li wiegħed li l-Gvern ser jibqa’ viċin dawn l-istudenti fil-karriera tagħhom u fil-ħidma tagħhom f’negozi żgħar jew bħala self-employed.   

Il-Ministru Galea irringrazzja lill-MCAST u lill-ETC għall-ħidma tagħhom imma b’mod partikolari lil dawk il-kumpaniji li magħhom kienu qed jaħdmu dawn l-istudenti għaliex kollha ikkoperaw biex l-istudenti jkunu jistgħu imorru għal dawn il-placements ta’ tlett ġimgħat.  Il-Ministru qal li dan hu sinjal tajjeb li min iħaddem f’pajjżna qed jirrealizza l-valur ta’ dawn l-esperjenzi li verament iżidu l-valur tar-riżors uman.  Hu irringrazzja wkoll lill-istudenti stess u lill-familji tagħhom għall-impenn tagħhom.  Hu qal li għalkemm l-istudenti ikollhom l-parti l-kbira ta’ l-ispejjeż mħallsa mill-proġett, dawn xorta waħda jkunu jridu jagħmlu tajjeb għal parti mill-ispejjeż u f’ħafna każi ikunu l-familji li jgħinuhom.  “Qisu din l-esperjenza bħala investiment fl-edukazzjoni u fil-ħiliet tagħkom, u komplu fittxu aktar opportunitajiet bħal dawn għax l-edukazzjoni u t-taħriġ ma jispiċċawx meta titilqu mill-MCAST” sostna Louis Galea. 

Fl-MCAST bħalissa hemm 648 apprentisti taħt l-iskemi ta’ l-ESTS (Extended Skills Traineeship Scheme) u t-TAS (Technician Apprenticeship Scheme).    L-apprendisti magħżula qed isegwu korsijiet fl-Istituti tas-Servizzi fil-Kommunità, ta’ l-Inġinerija Elettrika u Elettronika, tal-Bini u l-Kostruzzjoni, ta’ l-Arti u d-Disinn u ta’ l-Inġinerija Mekkanika.  L-apprendisti kellhom placements fir-Renju Unit, Franza, l-Irlanda, il-Finlandja, id-Danimarka, il-Belġju, il-Ġermanja, u l-Olanda.

DOI – 30.01.2007

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow