€ 78,500 favur apprentisti li qed jaħdmu ma’ Negozji Żgħar.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea u s-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed Edwin Vassallo illum ippreżentaw ċertifikati ta’ parteċipazzjoni lil 43 student ta’ l-MCAST li bbenefikaw minn proġett taħt il-Programm Leonardo da Vinci msejjaħ ‘Minn Student f’Apprendistat għal Imprenditur’ maħsub biex apprendisti Maltin jingħataw esperjenza ta’ xogħol f’negozji żgħar barra minn Malta u b’hekk itejjbu l-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom. Il-proġett kien imniedi mis-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed u sar flimkien ma’ l-MCAST u l-ETC b’investiment ta’ aktar minn €78,500 jew Lm 33,700.
“Il-Gvern jibqa’ impenjat li jagħmel dak kollhu li hu possibbli biex l-istudenti Maltin mhux biss ikollhom taħriġ ta’ l-għola kwalità fl-istituzzjonijiet Maltin imma wkoll li jkollhom esperjenzi barra minn Malta li jkomplu jagħtu aktar valur miżjud lill-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom. Minn mindu l-MCAST beda jipparteċipa fil-programm Leonardo Da Vinci diġa’ kien hemm aktar minn 160 student li kellhom l-opportunità li jieħdu esperjenza barra minn Malta. Mill-istess programm gawdew ukoll 40 għalliema” qal il-Ministru Galea meta indirizza lill-istudenti. Hu qal ukoll li dan hu frott tal-politika għaqlija tal-Gvern li sieħeb lil Malta fl-Unjoni Ewropea biex issa qed ingawdu minn miljuni ta’ Liri f’għajnuna. Louis Galea qal li fl-MCAST biss, bil-programm Leonardo da Vinci, sar investiment ta’ madwar €200,000 (Lm 84,863).
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo spjega kif il-Gvern daħal għal dan il-proġett u rnexxielu jikseb eluf ta’ Liri biex studenti ta’ l-MCAST li qegħdin fl-iskema ta’ apprendistat taħt l-iskemi ta’ l-ETC, ikunu jistgħu jaħdmu għal tlett ġimgħat ma’ negozji żgħar barra minn Malta. “Permezz ta’ dan il-proġett mhux biss l-apprendisti qed ikunu mgħejjuna jiksbu esperjenza, ħiliet u kompetenzi ġodda imma ukoll qed ngħinu lin-negozji ż-żgħar li qed iħaddmuhom għaliex ser ikollhom ħaddiema aktar preparati u b’ħiliet li forsi ma jsibux f’ħaddiema oħrajn.”
“Permezz tal-parteċipazzjoni tagħkom f’dan il-proġett intom ġejtu mgħejjuna tiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħkom bħala ħaddiema u sirtu tafu aktar dwar l-operat tan-negozju li intom taħdmu fih. Barra minn hekk kellkom l-opportunità tifhmu aħjar id-dedikazzjoni ta’ kull min fetaħ in-negozju tiegħu għal rasu biex b’dan il-mod tkunu aktar effettivi fuq xogħolkom, tifhmu aħjar lilkom infuskom u tesperjenzjaw kulturi differenti.” sostna Edwin Vassallo li wiegħed li l-Gvern ser jibqa’ viċin dawn l-istudenti fil-karriera tagħhom u fil-ħidma tagħhom f’negozi żgħar jew bħala self-employed.
Il-Ministru Galea irringrazzja lill-MCAST u lill-ETC għall-ħidma tagħhom imma b’mod partikolari lil dawk il-kumpaniji li magħhom kienu qed jaħdmu dawn l-istudenti għaliex kollha ikkoperaw biex l-istudenti jkunu jistgħu imorru għal dawn il-placements ta’ tlett ġimgħat. Il-Ministru qal li dan hu sinjal tajjeb li min iħaddem f’pajjżna qed jirrealizza l-valur ta’ dawn l-esperjenzi li verament iżidu l-valur tar-riżors uman. Hu irringrazzja wkoll lill-istudenti stess u lill-familji tagħhom għall-impenn tagħhom. Hu qal li għalkemm l-istudenti ikollhom l-parti l-kbira ta’ l-ispejjeż mħallsa mill-proġett, dawn xorta waħda jkunu jridu jagħmlu tajjeb għal parti mill-ispejjeż u f’ħafna każi ikunu l-familji li jgħinuhom. “Qisu din l-esperjenza bħala investiment fl-edukazzjoni u fil-ħiliet tagħkom, u komplu fittxu aktar opportunitajiet bħal dawn għax l-edukazzjoni u t-taħriġ ma jispiċċawx meta titilqu mill-MCAST” sostna Louis Galea.
Fl-MCAST bħalissa hemm 648 apprentisti taħt l-iskemi ta’ l-ESTS (Extended Skills Traineeship Scheme) u t-TAS (Technician Apprenticeship Scheme). L-apprendisti magħżula qed isegwu korsijiet fl-Istituti tas-Servizzi fil-Kommunità, ta’ l-Inġinerija Elettrika u Elettronika, tal-Bini u l-Kostruzzjoni, ta’ l-Arti u d-Disinn u ta’ l-Inġinerija Mekkanika. L-apprendisti kellhom placements fir-Renju Unit, Franza, l-Irlanda, il-Finlandja, id-Danimarka, il-Belġju, il-Ġermanja, u l-Olanda.
DOI – 30.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958