Jibda Xogħol ta’ Tisbiħ fi Ġnien il-Mall fil-Furjana
Wara li tlestew il-ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq, il-Ġnien tal-Barraka t’Isfel u l-Ġnien ta’ Hastings, il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ħaseb biex ikompli jkabbar il-lista ta’ proġetti mwettqa fil-belt kapitali u ż-żona tal-madwar. Dan bl-iskop li din iż-żona terġa’ tiġi rijabilitata f’kull qasam b’ livelli għolja ta’ restawr u infrastruttura, li jsaħħru lil kull min iżur din il-ġawhra Mediterranja. Wara li ħaddiema mit-Taqsima tax-Xogħlijiet ta’ l-istess Ministeru wettqu xogħol fuq sistema ġdida ta’ illuminazzjoni li jdawwlu l-monumenti li jinsabu fi Ġnien Il-Mall fil-Furjana, saru d-disinji meħtieġa u llum bdew ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ f’dan il-ġnien. Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura l-Onor. Ninu Zammit, meta kien qed iżur xogħlijiet ta’ tisbiħ li qed isiru fil-Mall.
Ix-xogħlijiet f’dan il-ġnien jikkonsistu f’pavimentar tal-ġnub kollu, tqegħid ta’ kurduni, u installazjoni ta’ garden furniture bl-istil ta’ dawk użati f’ġonna simili. Il-paviment hu mżewwaq b’ċangatura tal-franka b’margins tal-granit ta' lewn skur. Id-disinn adottat jenfasizza l-linji dritti u twal tal-ġnien. L-area kollha ta’ dan il-post ta' rikreazjoni hi twila ftit aktar minn terz ta' kilometru jew madwar 350 metru. Il-pavimentar waħdu jkopri medda ta' 4,000 metru kwadru.
Il-Ministru Ninu Zammit spjega li, sabiex seta jsir ix-xogħol tal-pavimentar ittieħdu l-miżuri kollha neċessarja, primarjament ġew mgħoddija s-servizzi kollha fosthom sistema ta’ drip irrgation u sistema ġdida ta’ dawl. Barra minhekk qed jiġu mgħoddija pajpijiet ġodda li se jservu sabiex mhux biss il-monumenti jkunu mdawwla, iżda l-area kollha tal-ġnien tkun imdawwla kif jixraq. Dawn ix-xogħlijiet se jkomplu jgħaqqdu l-katina ta’ xogħlijiet li saru fl-aħħar snin fil-Furjana, fosthom ir-restawr tal-bieb prinċipali tal-Ġnien Re Gorg V, restawr tal-faċċata tal-bini tal-kunsill lokali, restawr ta’ l-funtana ta’ l-iljun, pavimentar tal-bankini u bdil ta’ kurduna fi Triq Sant’Anna sal-Bieb tal-Bombi u r-restawr tal-Knisja ta’ Sarria.
Ix-xogħol fuq dan il-Ġnien hu ppjanat li jkun lest sa nofs din is-sena u l-ispiża fuq materjal biss se tlaħħaq is-somma ta’ Lm100,000. Il-Kunsill Lokali se jagħti l-kontribut tiegħu billi se jiffinanzja s-somma ta’ Lm10,000.
Il-Ministru Ninu Zammit tenna li matul l-aħħar erba’ snin, il-Ministeru wettaq numru kbir ta’ proġetti f’żoni ta’ rikreazzjoni u dawn kollha saru mill-ħaddiema tal-Gvern. Fost dawn wieħed jista’ jsemmi proġett simili li kważi hu lest fil-Masġar ta’ Bormla, fejn masġar li kien mitluq u żdingat ingħata dehra isbaħ u se jservi ta’ pulmun f’żona urbana bħal Kottonera.
Il-Gvern mhux biss qed ifassal u jimplimenta proġetti ta’ tisbiħ fiż-żona tal-Belt u l-Furjana, iżda qed jaddotta politika b’mod sħiħ li jtejjeb l-aċċessibilita` u jnaqqas it-traffiku mill-istess żona. Bis-saħħa ta’ l-attwazzjoni gradwali tal-masterplan tal-pavimentar tal-Belt Valletta, ser jinbeda proġett integrali li jkopri l-pavimentar mill-ġdid ta’ toroq, il-manutenzjoni, ir-restawr u l-illuminazzjoni tal-faċċati ta’ binjiet importanti fi Triq il-Merkanti u fi Pjazza San Gwann. Bħalma ġie mwettaq fl-Imdina, dan il-proġett ambizzjuz ukoll għandu jissarraf f’ambjent isbaħ u f’ambjent aktar organizzat fiċ-ċentru tal-belt kapitali tagħna, temm jgħid il-Ministru Ninu Zammit.
DOI – 30.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958