L-2007 ser tkun sena oħra eċċezzjonali għal Għawdex
Waqt li kienet qed tindirizza konferenza ta’ l-aħbarijiet biex tħabbar il-pjanijiet tal-Gvern għal proġetti f’Għawdex fl-2007, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex iddeskriviet din is-sena bħala sena oħra eċċezzjonali għal Għawdex fejn se jitwettqu diversi proġetti ta’ natura differenti għall-ġid ta’ l-iżvilupp soċjo-ekonomiku tal-gżira.
Il-Ministru Debono tkellmet dwar il-proġetti prinċipali li ser ikunu għaddejjin matul l-2007 fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-ambjent, l-ekonomija u l-infrastruttura fiżika fost l-oħrajn.
B’riferenza għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex, il-Ministru Debono qalet li l-Ministeru għal Għawdex dan l-aħħar daħal għal proġett ieħor ambizzjuż li jtejjeb is-sala ta’ l-ikel u s-swali ġenerali tan-nisa u ta’ l-irġiel sabiex ikompli jwettaq il-programm tal-Ministeru li jimmodernizza s-servizz tas-saħħa fil-gżira. Dawn il-proġetti se jiġu segwiti minn proġett ieħor ambizzjuż ta’ titjib komplet ta’ wieħed miż-żewġ teatri ta’ l-operazzjonijiet (wara li l-ewwel wieħed kien ġie modernizzat iktar kmieni), kif ukoll it-twaqqif ta’ unit għar-Radjoloġija li tinkludi x-xiri u l-installazzjoni ta’ apparat ġdid kif ukoll apparat mediku addizzjonali biex ikunu jistgħu jiġu offruti servizzi li sal-lum mhux possibbli jingħataw mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Dwar il-qasam ta’ l-edukazzjoni, il-Ministru Debono qalet li bħalissa għaddejjin xogħlijiet intensivi fl-iskola primarja tax-Xewkija sabiex din l-iskola tiġi modernizzata b’mod komplet, bil-biċċa l-kbira tax-xogħlijiet mistennija jitlestew sa l-aħħar tax-xahar id-dieħel. Sa dan it-tant, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada ssottomettiet l-applikazzjoni tagħha ma’ l-Awtorita’ Dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għall-iżvilupp mill-ġdid ta’ l-iskola sekondarja tas-subien fir-Rabat u l-bini ta’ parkeġġ ta’ żewġ sulari taħt l-art – proġett ta’ Lm3m mifrux fuq tlett snin, bl-ewwel fażi mistennija li tinbeda iktar tard din is-sena.
Bħalissa wkoll għaddejjin xogħlijiet ta’ titjib fil-workshops tat-teknoloġija fl-iskola sekondarja tal-bniet fir-Rabat filwaqt li ser isiru wkoll xogħlijiet ta’ bini ta’ palk u l-installazzjoni tas-servizzi kollha anċillari fl-iskola primarja tax-Xagħra. Ġew sottomessi applikazzjonijiet oħra għand il-MEPA sabiex jiġu nstallati liftijiet fl-iskola primarja tar-Rabat, fl-iskola sekondarja Agius de Soldanis u fiċ-Ċentru għal Studji Avvanzati Sir Mikelanġ Refalo, għal iktar aċċessibilita’ għall-benefiċċju ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali.
Minbarra t-titjib fl-infrastruttura fiżika fl-iskejjel, l-Onor Giovanna Debono qalet li l-Ministeru għal Għawdex ser jerġa’ joffri iktar korsijiet għall-adulti f’Għawdex, wara li l-korsijiet offruti matul l-2005 u l-2006 iġġeneraw interess liema bħalu b’iktar minn 600 Għawdxi jattendi xi wieħed mill-korsijiet mħallsa parzjalment minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dwar l-iżviluppi li mistennija jseħħu fl-ambjent fiżiku ta’ Għawdex matul din is-sena, l-Onor Giovanna Debono tkellmet dwar it-toroq arterjali li mistennija jingħataw attenzjoni b’mod partikolari t-triq li twassal għall-bajja tar-Ramla, dik għall-bajja tax-Xlendi u t-triq li tgħaqqad lit-triq prinċipali bejn ir-Rabat u San Lawrenz ma’ Ta’ Pinu. Il-programm ta’ asfaltar f’żoni residenzjali madwar Għawdex mistenni wkoll jissokta matul l-2007.
Il-proġett ta’ rijabilitazzjoni tad-Dwejra, li jinvolvi l-kollaborazzjoni tal-MEPA, il-kunsill lokali ta’ San Lawrenz, Nature Trust (Malta) u l-Ministeru għal Għawdex, ukoll se jissokta matul din is-sena filwaqt li ser ikun għaddej ukoll il-proġett ta’ rijabilitazzjoni tal-Qortin fix-Xagħra, permezz tal-Wasteserv. Il-proġett tal-bini ta’ l-Impjant għat-Trattament tad-Drenaġġ, li x-xogħol fuqu beda fil-bidu ta’ l-2006, kif ukoll is-Civic Amenity Site għal skart solidu mistennija jiġu fi tmiemhom iktar tard din is-sena, filwaqt li jissoktaw ix-xogħlijiet ta’ implimentazzjoni tal-Master Plan tad-Drenaġġ.
Matul l-2007 ser jingħata bidu għal għadd ta’ proġetti oħra ta’ tisbiħ fosthom il-proġett ta’ titjib ta’ l-uniku ġnien pubbliku f’Għawdex – il-Villa Rundle – u ta’ l-inħawi taż-Żewwieqa qrib il-port ta’ l-Imġarr, li jinkorpora fih il-yacht marina, l-inħawi tar-ristoranti, iż-żona tas-sajd u t-triq.
Iċ-Ċittadella t’Għawdex ukoll mistennija li jkollha Master Plan li jidentifika miżuri u rakkomandazzjonijiet li għandhom jittieħdu bħala bażi sabiex ikun jista’ jitwettaq proġett iktar wiesa’ ta’ restawr u mmaniġġjar ta’ dan is-sit storiku. Bħalissa qed tiġi pproċessata applikazzjoni għal fondi taħt l-EEA and Norwegian Financial Mechanisms. Se jibda jitwettaq proġett ta’ titjib tal-bajja tax-Xlendi wara li l-applikazzjoni għal żvilupp, li ntefgħet mill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu, tiġi pproċessata u approvata mill-MEPA.
Proġetti oħra li mistennija jissoktaw u jiġu fi tmiemhom fix-xhur li ġejjin jinkludu l-proġett ta’ Incubation Centre għall-Artiġjanat f’Għajnsielem, il-bini ta’ faċilita’ ta’ taħriġ għall-istudji turistiċi fil-Qala, il-proġett tal-Mużew ta’ l-Arkeoloġija u l-bini ta’ toroq prinċipali, li x-xogħol fuqhom jinsab għaddej bħalissa.
Il-Ministru Debono qalet li dawn il-proġetti li ġew imsemmija huma biss uħud minn dak li ser ikun qiegħed jitwettaq f’Għawdex matul din is-sena. Hija rreferiet għal inizjattivi u proġetti oħra li mistennija jimmaterjalizzaw matul din is-sena, fosthom it-trasferiment minn Malta għal Għawdex ta’ iktar ħaddiema tas-settur pubbliku fuq xogħol ta’ back office kif ukoll għall-proġett tat-terminal fil-port ta’ l-Imġarr.
Il-Ministru Debono qalet li dan kollu huwa prova ta’ l-impenn u l-importanza li jagħti l-Gvern lil Għawdex fejn tingħata kunsiderazzjoni speċjali għall-ħtiġijiet partikolari ta’ din il-gżira, mhux biss fit-tfassil ta’ politika nazzjonali imma wkoll fl-allokazzjoni ta’ fondi, inkluż id-deċiżjoni tal-Gvern li jalloka 10% tal-fondi li l-Unjoni Ewropea allokat għal Malta għal 2007-2013, speċifikament għal Għawdex. Il-Ministru Debono fakkret f’deċiżjonijiet riċenti meħuda mill-Gvern favur Għawdex fl-aħħar Budget, fejn fost l-oħrajn ġiet imnaqqsa b’25% l-liċenzja ta’ l-istabbilimenti tal-catering f’Għawdex filwaqt li ġew allokati Lm825,000 għal skemi ta’ għajnuna lill-industrija f’Għawdex.
Il-Ministru Debono qalet ukoll li fil-ġranet li ġejjin il-Gvern ser iħabbar miżuri li huma speċifikament għal Għawdex biss bil-għan li jinħolqu iktar impjiegi f’Għawdex kif ukoll biex jiġu sostnuti dawk l-organizzazzjonijiet illi jidħlu għal attivitajiet kulturali li jattiraw aktar turiżmu lejn Għawdex, filwaqt illi rreferiet għal miżuri li ġew fis-seħħ matul l-aħħar xhur permezz tal-Gozo Channel Co Ltd., biex jiġi msaħħaħ it-turiżmu intern.
DOI – 30.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958