Il-Karnival t’Għawdex jibda’ ġimgħa kmieni
Għal sena oħra l-Karnival t’Għawdex se jkun mifrux fuq żewġ weekends, wara li bit-tibdiliet li għamel il-kumitat tal-kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex is-sena li għaddiet, il-Karnival t’Għawdex kiseb suċċess ferm ikbar minn qabel.
Il-Karnival t’Għawdex jibda nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Frar fil-belt Victoria, b’defile’ u kompetizzjonijiet għall-aħjar żifna u kostum. Il-Ħadd 11 ta’ Frar, jinżamm il-Karnival b’sehem barrani fin-Nadur, fil-ħin ta’ wara nofsinhar.
Il-Karnival tat-Tfal, bis-sehem ta’ l-iskejjel primarji u sekondarji Għawdxin, jinżamm il-Ġimgħa 16 ta’ Frar, b’ripetizzjoni s-Sibt 17 ta’ Frar fil-għodu u l-Hadd 18 ta’ Frar. Il-programm tal-Ġimgħa fil-għaxija jinkludi wkoll serati fil-pjazez tax-Xagħra u tax-Xewkija. Is-Sibt filgħaxija mbagħad l-attivitajiet prinċipali tal-Karnival isiru fl-irħula tax-Xewkija, il-Qala u San Lawrenz, filwaqt li l-Ħadd 18 ta’ Frar, il-programm jinżamm fit-triq prinċipali u fl-‘enclosure’ fil-belt Victoria.
Nhar it-Tnejn tal-Karnival, l-attivitajiet iseħħu fil-Qala, fl-Għarb u f’Sannat filwaqt li l-egħluq uffiċjali jinżamm it-Tlieta 20 ta’ Frar b’Defile’ Grandjuża fil-belt Victoria li tagħlaq iċ-ċelebrazzjonijiet.
Il-Karnival t’Għawdex din is-sena jinkludi għall-ewwel darba is-sehem ta’ kategorija ġdida bl-isem ta’ “Allegrija” li hija magħmula minn taħlita ta’ umoriżmu akkumpanjat bid-daqq ta’ mużika ferriħija.
Minbarra l-attivitajiet organizzati, fil-jiem tradizzjonali tal-Karnival bejn il-Ġimgħa 16 u t-Tlieta 20 ta’ Frar, jinżamm il-karnival spontanju ta’ bil-lejl fin-Nadur.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex qalet li anke din is-sena l-Kunsill tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ħadem fil-qrib ħafna tal-kunsilli lokali Għawdxin biex jikkordina programm wieħed ta’ attivitajiet varjati u popolari, li jista’ jservi ta’ attrazzjoni għat-turiżmu ntern fi żmien meta t-turiżmu ma jkunx fl-aqwa tiegħu. Il-Ministru Debono fakkret fl-iskema offruta bħalissa mill-kumpanija Gozo Channel u l-lukandiera u ristoranti Għawdxin li hija applikabbli għal dawk kollha (eskluż l-Għawdxin) li jivvjaġġaw lejn Għawdex wara l-5.15pm, u li tista’ tgħin biex ikompli jiżdied l-influss turistiku lejn Għawdex f’dawn il-jiem.
Il-Karnival t’Għawdex huwa organizzat kull sena mill-Kunsill tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali Għawdxin.
DOI - 29.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958