Modernizzar tas-Swali Ġenerali (Rġiel u Nisa) fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex
Bħalissa għaddej xogħol ta’ titjib fis-Sala Ġenerali Nisa fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex biex anke din is-sala tiġi modernizzata. Ix-xogħlijiet jiffurmaw parti minn proġett usa li jinkludi wkoll it-titjib tas-Sala Ġenerali Rġiel, li x-xogħol fuqha jkun jista’ jinbeda’ hekk kif jitlesta dak li għaddej bħalissa fis-sala tan-nisa.
Pazjenti nisa ġew trasferiti temporanjament għal taqsima separata fis-Sala Ġenerali Rġiel sakemm ix-xogħol li għaddej bħalissa fis-Sala Ġenerali Nisa jintemm. Il-proġett kollu, li jinkludi l-investiment ta’ iktar minn Lm100,000, huwa mistenni li jiġi finalizzat sa l-aħħar ta’ April 2007. Ix-xogħlijiet jinkludi l-installazzjoni ta’ units apposta b’diversi servizzi – inkluż gassijiet mediċi – ‘l fuq mil-livell tas-sodda tal-pazjent, l-installazzjoni ta’ sheeting għall-art, aluminium ġdid għall-aperturi kif ukoll xogħlijiet oħra ġenerali fosthom tibjid, tikħil u servizzi elettriċi.
Diversi taqsimiet fi ħdan l-Isptar Ġenerali t’Għawdex ġew modernizzati mill-1999 ‘l quddiem. Żoni tal-pazjenti ġew imtejba fosthom is-sala tat-tfal, is-sala ta’ l-anzjani rġiel, id-dipartiment ta’ l-emerġenza, id-dipartiment ta’ l-out patients, is-sala tal-maternita’ u Residenza Sant’Anna, filwaqt li twaqqfu taqsimiet ġodda fosthom ir-Renal Unit, l-Isolation Unit u s-sala tal-ġinekoloġija fost l-oħrajn. Ġew imtejba wkoll żoni oħra fosthom teatru ta’ l-operazzjonijiet, il-laboratorju, id-dipartiment tal-Medical Records, il-kwartieri tat-tobba u l-kċina. Bħalissa għaddej ukoll xogħol ta’ modernizzar fis-sala ta’ l-ikel ta’ l-isptar.
B’riferenza għax-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex qalet li l-Ministeru għal Għawdex ta prijorita’ lill-qasam tas-saħħa f’Għawdex u ħadem bis-sħiħ biex tejjeb l-ambjent fiżiku filwaqt li żied is-servizzi mediċi fl-isptar għall-benefiċċju tal-pazjenti f’Għawdex. Il-Ministru Debono tkellmet dwar il-programm ta’ xogħlijiet infrastrutturali li l-Ministeru għal Għawdex fassal fl-1999, bi prijorita’ tingħata lil dawk iż-żoni ta’ l-isptar li l-iktar kienu jenħtieġu attenzjoni u li huma l-iktar iffrekwentati mill-pazjenti. Filwaqt li anke fis-swali ġenerali ta’ l-irġiel u tan-nisa kien sar xi xogħol ta’ tisbiħ ftit snin ilu, il-Ministeru għal Għawdex ħass li kellu jidħol għal proġett iktar intensiv inkluż l-installazzjoni ta’ iktar apparat mediku modern. Il-Ministru Debono qalet li l-pjanijiet tal-Gvern għall-qasam tas-saħħa f’Għawdex mistennija jissoktaw hekk kif il-Ministeru għal Għawdex ser jidħol għal proġett ieħor ambizzjuż, li mistenni jiġi mniedi dalwaqt, li għandu jipprovdi iktar servizzi mediċi ta’ kwalita’ f’Għawdex.
DOI - 29.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958