Jitlesta x-xogħol fuq it-tielet proġett ta’ toroq ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea
Numru sabiħ ta’ tfal membri tal-Malta Cycling Federation flimkien ma’ xi ġenituri dal-għodu żanżnu l-passaġġ għar-roti li hemm fl-aħħar parti ta’ Triq Ħal Far, hekk kif tlesta x-xogħol infrastrutturali kollu f’din it-triq, li nbniet mill-ġdid b’ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea. It-tfal kienu qed jieħdu sehem f’fun run li ġiet organizzata fl-okkażjoni ta’ l-inawgurazzjoni ta’ din it-triq mill-Prim Ministru, l-Onor. Lawrence Gonzi fil-preżenza tal-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett.
Din il-parti ta’ Triq Ħal Far, b’tul ta’ tliet kilometri hija it-tielet proġett ta’ toroq li nbnew mill-ġdid b’ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea li tlesta f’pajjiżna wara dawk ta’ Vjal l-Avjazzjoni Ċivili f’Ħal Luqa u t-triq oħra f’Għawdex. Għal dan il-proġett kien hemm allokati €4.7 miljun taħt il-Programm tal-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew ta’ Malta għas-snin 2004-2006. Dan il-Fond jiffinanzja sa 75% ta’ l-ispejjeż ta’ proġetti infrastrutturali ta’ dan it-tip.
Triq Ħal Far hija kruċjali għall-ekonomija tal-pajjiż peress li din tintuża ħafna minn traffiku ta’ vetturi kummerċjali iġġenerat mill-Freeport u l-Bonded Stores, filwaqt li taqdi wkoll il-bżonnijiet tal-Qasam Industrijali ta’ Ħal Far li qed jespandi b’rata mgħaġġla. Minħabba f’hekk, it-treġija tat-traffiku kien aspett li ingħata prijorità għolja waqt ix-xogħlijiet bil-proviżjon ta’ rotot alternattivi għall-vetturi li s-soltu jużaw din it-triq.
It-triq inbniet skond Klassi 1 ta’ l-istandards tal-bini tat-toroq ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta. Dan ifisser li din tiflaħ iġġorr aktar minn tliet miljun vettura ta’ 30 tunellata matul il-ħajja tagħha.
Ta’ min jgħid li x-xogħlijiet fuq din it-triq, li nfetħet għat-traffiku f’Diċembru, tlestew madwar erba’ xhur qabel iż-żmien stipulat fil-kuntratt, u dan minkejja li fil-proġett żdiedu bosta elementi li ma kienux ippjanati oriġinarjament. Dawn kienu jinkludu t-tqegħid ta’ ‘main’ ġdid tad-drenaġġ biex jgħaqqad is-sistema tal-qasam industrijali ta’ Ħal Far ma’ dik tal-Freeport - li pprovda wkoll servizz lil bosta residenzi f’Bengħajsa, tiswijiet estensivi fuq main tad-drenaġġ eżistenti, il-bdil ta’ main ta’ l-ilma li nstab fi stat deterjorat wara li bdew ix-xogħlijiet, kif ukoll iċ-ċaqlieq ta’ bosta ‘ducts’ li kienu aktar baxxi minn dak li kien jippermetti l-livell ġdid tat-triq.
Din it-triq, bħat-toroq kollha li nbnew fl-aħħar snin, tlestiet minn kollox - anke f’dak li huwa xogħol ta’ landscaping, bankini u sinjali.
Minbarra li hija mgħammra bl-aħħar ġenerazzjoni ta’ dawl li jnaqqas l-impatt fuq l-ambjent rurali tal-madwar, matul Triq Ħal Far inbnew ukoll bankini wesgħin għal użu pedonali u ċiklistiku. Dan ifisser li fin-nofsinhar ta’ Malta issa teżisti rotta għall-mixi u ċ-ċikliżmu, twila 6.5 kilometri li tieħu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sal-Freeport.
Waqt li kien qed jitkellem mat-tfal li ħadu sehem fil-‘fun run’, il-Prim Ministru, l-Onor. Lawrence Gonzi qal li din it-triq mhux ser isservi biss għat-trakkijiet kbar u containers illi jgħaddu minnha, iżda taqdi wkoll lill-eluf ta’ familji li jinżlu jgawdu l-kampanja li hawn fl-inħawi ta’ Ħal-Far u Bengħajsa, speċjalment fil-Ħdud.
It-tlestija tal-proġett ta’ Triq Ħal Far testendi bi tliet kilometri oħra ir-rotta ta’ toroq mibnijin skond l-ogħla standards. Dan ifisser li l-poplu Malti issa jista’ jsuq minn Birżebbuġa sa Burmarrad, l-Imġarr u s-Siġġiewi fuq toroq ta’ l-ogħla kwalità. Ifisser ukoll li mis-sena 2000 s’issa, l-Gvern bena mill-ġdid mal-25.8% tan-network ta’ toroq arterjali u distributorji ta’ Malta.
Intant, bħalissa qed isiru l-aħħar irtokki fuq tliet tenders għall-bini mill-ġdid ta’ tliet toroq arterjali jew distributorji li ser ikunu ko-finanzjati mill-Programm tal-Fondi Strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea ġdid għal Malta. It-toroq li ser jinbnew mill-ġdid huma il-bypass ta’ Marsascala, Triq Valletta fiż-Żurrieq u parti mill-bypass ta’ Birkirkara. Is-sejħa internazzjonali għal dawn it-tenders ser tkun ippubblikata fil-ġimgħat li ġejjin.
DOI - 29.01.2007
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958