“IN-NEGOZJI GĦANDHOM IKUNU TA’ SERVIZZ” – DISKORS TAS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO FIT-TMIEM TAL-KONFERENZA “CUSTOMER SERVICE – A STRATEGIC IMPERATIVE” – SAN ĠILJAN – IL-ĠIMGĦA, 26 TA’ JANNAR 2007
Nixtieq li f’din il-laqgħa nħares lejn ir-relazzjoni ta’ bejn min qiegħed joffri servizz jew prodott u l-konsumatur, mil-lat soċjali. Il-konsumatur, fil-kuntest tal-kummerċ, nippreferi nħares lejh bħala l-kontributur ewlieni li kapaċi jiddeċiedi l-attività kummerċjali kemm tikber jew tiċkien. Nippreferi li nħares lejn il-konsumatur bħala persuna li għandha l-ħtiġijiet tagħha u li qed tfittex li tinqeda minn persuna oħra li hija sid ta’ negozju jew service provider.
Fis-soċjetà tal-lum, jien nemmen li ma nistgħux inħarsu lejn il-kummerċ purament mill-element ta’ kemm hu kbir skond biss kemm hi kbira n-nefqa fl-attività kummerċjali. Fil-fehma tiegħi, il-kummerċ f’pajjiżna huwa effiċjenti u effettiv daqs kemm kapaċi nagħtu valur lir-relazzjoni li tgħaddi bejn min qiegħed joffri s-servizz jew il-prodott u min qiegħed jirċevih.
Jekk f’pajjiżna, bl-attività kummerċjali li qiegħda tikber, in-nefqa tal-konsumatur li qed tiżdied b’mod ġenerali, kif ukoll in-numru ta’ dawk involuti fl-għoti jew bejgħ ta’ servizzi u sidien ta’ negozji fil-bejgħ ta’ prodotti qiegħed kontinwament jiżdied, mhux ser niżviluppaw strateġija li kapaċi toffri valur uman lill-attività kummerċjali, u naraw li l-attività kummerċjali ma tibqax issir impersonali, iżda nerġgħu mmorru lura lejn il-prinċipji fundamentali tal-kummerċ li min qiegħed fin-negozju u l-għoti tas-servizzi għandu jkun ta’ servizz għall-konsumatur, pajjiżna, minflok ikun qiegħed jagħmel żvilupp, ikun, fil-fehma tiegħi, idgħajjef il-valur tal-kummerċ li finanzjarjament ikun jista’ qiegħed jiżviluppa.
Dan qiegħed insostnih għaliex jiena nemmen li negozju li jagħraf ikun onest mal-klijenti tiegħu huwa negozju li jkun qiegħed jgħix is-suċċess imprenditorjali tiegħu. L-ebda negozju ma jista’ jikber u jirbaħ il-kompetizzjoni tas-suq jekk ma jagħrafx ikun ta’ servizz u ma jkunx onest mal-klijenti tiegħu. L-onestà mal-klijenti fis-suq tissarraf fl-għoti ta’ prodott u servizz ta’ kwalità lill-istess konsumaturi. Prodott ta’ kwalità jfisser ukoll li waqt l-użu ta’ dak il-prodott il-klijent ma jkollox riskju li jista’ jweġġa’ jew jagħmel ħsara lil persuni oħra. Fil-fatt, f’pajjiżna, il-burokrazija li żdiedet minħabba l-introduzzjoni ta’ regolamenti ġodda, fil-kwantità l-kbira ta’ dawn ir-regolamenti, l-iskop tagħhom kien il-protezzjoni tal-konsumaturi jew tal-ħaddiema fil-proċess tal-manifattura.
F’dan il-kuntest, il-kwantità ta’ regolamenti li żdiedu dan l-aħħar għal dan l-iskop, ġew introdotti mill-Unjoni Ewropea sabiex ikollna aktar negozji u servizzi li jirrispettaw il-valura tal-kwalità. Iżjed ma jkollna negozji li jirrispettaw il-valur tal-kwalità, iżjed ikollna konsumaturi li jirrispettaw l-attività kummerċjali. Kull min iħallas għal servizz jew prodott bi dritt jistenna li jingħata lura l-valur ta’ dak li jkun ħallas għalih. Dan ifisser li, speċjalment fil-qasam ta’ servizz, ma jistax jibqa’ jkollna negozji li ma jinteressahomx milli jagħtu servizz ta’ kwalità u nibqgħu naħsbu li kollox huwa aċċettabbli. Biex tagħmel biċċa xogħol tajba u ta’ kwalità ma hemmx bżonn ta’ aktar spejjeż fi flus, iżda ftit aktar attenzjoni lejn ix-xogħol li jkun qed isir. Biċċa xogħol li ma tkunx saret ta’ kwalità fil-fatt tkun tfisser telf ta’ flus għal min jagħmilha. Negozju li jrid jikber u jnaqqas mill-ispejjeż irid ikun negozju li jimpurtah milli jagħmel xogħol ta’ kwalità. Il-kwalità ma tiswiex aktar flus, hija biċċa xogħol li ssir bl-adoċċ li tispisċċa tiswa iżjed flus. Għalhekk il-valur tal-kwalità huwa valur li kapaċi jagħmel negozju jingħaraf minn ieħor, hija l-attenzjoni għall-kwalità li trebbaħ negozju r-rispett tal-klijenti tiegħu. Fuq kollox klijent mhux qiegħed biex ikun sfruttat, iżda biex ikun moqdi.
Negozju li jimpurtah milli jagħmel xogħol ta’ kwalità huwa negozju li jkun onest mal-klijenti tiegħu.
Fl-ideal tagħha, l-attività kummerċjali għandha tkun ta’ servizz lejn il-bniedem. Dan għandu jkun ideal li jiswa ta’ ġid għall-istess imprenditur li jagħraf u jara li jirrispetta dan il-valur waqt li jkun qiegħed iwettaq l-attività kummerċjali tiegħu. Min jagħraf din ir-rejaltà tas-suq u jirrispetta dan l-ideal, ikun qiegħed jgħolli l-valur ta’ l-attività kummerċjali tiegħu stess u dan jagħmel differenza għall-konsumatur li jkun qiegħed jinqeda mill-istess negozju.
Fih innifsu dan il-ħsieb dwar l-ideal li jeħtieġ li jsostni l-attività kummerċjali għandu jgħin biex l-attività kummerċjali tkun ta’ għajnuna għall-bniedem u għall-iżvilupp tal-kwalità tal-ħajja li ngħixu.
Min qiegħed fl-attività kummerċjali, meta jagħraf l-ideal li jagħti servizz lil min ikun qiegħed jaqdi, għandu jintebaħ li huwa qiegħed fuq kollox jgħin lil min jiġi moqdi mill-istess attività kummerċjali. F’dan l-argument, min irid jagħti valur lill-attività kummerċjali għandu jkun ta’ servizz u l-ewwel u qabel kollox irid jagħraf u jemmen fil-valur ta’ servizz u solidarjetà soċjali li tgħaqqad flimkien setturi differenti ta’ persuni bi ħtiġijiet differenti iżda b’għan wieħed li jagħmlu minn din id-dinja post aħjar fejn il-bniedem jgħix.
L-attività kummerċjali m’għandiex titqies bħala mekkaniżmu li permezz tiegħu sid in-negozju għandu jagħmel il-profitt u l-qliegħ biss. Meta l-kummerċ jitqies minn min qiegħed jagħmlu bħala mod ta’ kif jagħmel il-flus biss, dan ikun qed ifaqqar lill-istess kummerċ mill-valur tas-servizz u jwassal biex il-konsumatur li jkun qiegħed jixtri s-servizz jew il-prodott ikun stmat biss bħala l-persuna li qed tħallas. Meta jsir hekk, il-kummerċ jispiċċa biss magna li tagħmel il-flus bla ebda ħsieb u attenzjoni għal min ikun qiegħed jinqeda. Anzi il-kelma “jinqeda” f’dawn il-każijiet lanqas biss tkun użata. Kemm huwa fqir dak in-negozju li m’għandu l-ebda stima lejn il-persuna, li tkun qed tinqeda mill-istess negozju. Filwaqt li meta naraw li jkollna stima lejn il-persuna li tkun qed tinqeda, dak is-sid ikun qed juri li għandu stima lejn il-persuna umana, u hekk il-klijent ikollu stima tajba ta’ dak is-sid.
In-negozju ta’ l-imprenditur li għandu viżjoni għan-negozju tiegħu u li jimpurtah mill-ġid li jrid jagħmel lis-soċjetà, għandu valur akbar mill-valur tal-profitt. Din il-viżjoni ta’ valur ta’ servizz fl-attività kummerċjali għandha tkun f’kull min qiegħed fin-negozju, hu x’inhu n-negozju, kif ukoll, il-valur ta’ servizz bl-istess importanza għandu jkun il-valur għal min qiegħed jagħti servizz. Dan għaliex permezz ta’ l-attività kummerċjali is-soċjetà trid tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħha. Kull attività kummerċjali ġusta li fiha valur soċjali hija fiha nnifisha attivita’ kummerċjali li tagħmel ġid f’kull sens, u s-suċċess tagħha ma jkunx biss marbut ma kemm dik l-attività kummerċjali qed tagħmel qliegħ.
In-Negozju ghandu jagħti każ tal-ħtiġijiet tal-konsumatur. Ma jistax ikun li jkollna min qiegħed fil-kummerċ moħħu biss biex jagħmel il-flus mingħajr ma jagħti każ ta’ x’ikun l-effett ta’ dak il-kummerċ fuq min qiegħed jinqeda. Jekk jagħmel hekk negozju jkun jimpurtah mill-ġid komuni.
Qiegħed naqsam magħkom dawn il-ħsibijiet bħala Segretarju Parlamentari b’responsabbilità diretta biex inħares lejn x’qed jiġri fis-suq. Inħossni fid-dmir li niġbed l-attenzjoni dwar dan l-aspett soċjali tas-suq għaliex filwaqt li qed nara li mill-element fiskali jidher li l-attività kummerċjali f’pajjiżna qiegħda tħares b’ottimiżmu lejn il-ġejjieni, qiegħed niltaqa’ ma’ esperjenzi fejn ċertu sidien ta’ negozji jew persuni li huma responsabbli minn għoti ta’ servizzi, donnu qegħdin jinsew li l-ewwel dmir li għandhom huwa li jkunu ta’ servizz.
Għalhekk, qed naqsam dan il-ħsieb magħkom għaliex nemmen li wasal il-waqt sabiex l-imprenditur f’pajjiżna jaħseb aktar kif jista’ jifhem aħjar il-valur tal-ħidma tiegħu, li permezz tal-kummerċ li jagħmel, jgħin biex is-soċjetà umana tkompli tkun mgħejjuna tgħix kwalità ta’ ħajja aħjar, filwaqt li tkompli tiżviluppa l-opportunitajiet tal-ħajja. Hekk, l-imprenditur irid jagħraf l-istat professjonali tiegħu. Bl-istess mod, sid in-negozju jrid jagħraf ikun bniedem li jimpurtah mill-ġid komuni u l-ġid personali tal-persuna l-oħra li tkun qiegħda tinqeda min-negozju tiegħu. Sid in-negozju jkun tassew xieraq li jissejjaħ “imprenditur” jekk ikun kapaċi jagħraf jaqra s-sinjali taż-żminijiet li jkun jgħix fihom u jirrispondi għall-ħtiġijiet li jkun mitlub jaqdi.
Negozju jew servizz li jisfrutta l-klijent huwa negozju bla valur.
Jista’ jkun li maż-żmien negozjant jagħmel il-flus mingħajr ma jkun jimpurtaħ mill-ħtiġijiet ta’ dawk ta’ madwaru. Jekk ikun hekk, dawn il-flus ikunu saru minn attività kummerċjali li hija fqira mill-valur uman. Huwa minnu li qed ngħixu fi żmien li fih l-egoiżmu u l-individwaliżmu saru atteġjamenti meħtieġa għas-suċċess kummerċjali, iżda bħala pajjiż u ekonomija li qed tikber u li trid tkompli tisfida metodi ġodda ta’ kif tagħmel il-kummerċ, ma jistax ikun li jibqa’ jkollna min jaħseb li jista’ jibqa’ jagħmel il-flus bl-isfruttament tal-persuna umana li tkun qed tħallas għas-servizz li tkun qed tixtri.
F’pajjiżna ma jistax ikun li naħsbu biss li s-suċċess imprenditorjali tagħna jitkejjel biss fi flus, jew kemm qed jikber il-GDP (prodott gross domestiku). Dan kollu huwa meħtieġ, u ma nista’ bl-ebda mod innaqqas il-valur tiegħu. Qiegħed naqsam dawn il-ħsibijiet tiegħi fuq l-element soċjali tal-kummerċ għaliex irrid nistqarr magħkom li dan il-Gvern fil-fatt, bil-ħidma tiegħu, mhux biss qiegħed jara li l-iżvilupp kummerċjali jsir mil-lat finanzjarju tiegħu, iżda l-Gvern jimpurtah ukoll li jara li s-soċjetà tagħna ma tiftaqarx soċjalment waqt li tistgħana finanzjarjament.
Għalhekk, l-impenn tal-Gvern hu li nkomplu nibnu soċjetà b’sistema ekonomika li hija mibnija fuq il-valur tas-solidarjetà fil-kummerċ u mhux fuq l-egoiżmu u l-individwaliżmu. Jekk irridu numaniżżaw u nirresponsabilizzaw l-ekonomija tagħna fuq livell nazzjonali, irridu naraw li jkollna negozji li huma konxji tal-ħtieġa li jkun jimpurtahom mill-kwalità tas-servizz u tal-prodott li jbiegħu lill-kljenti tagħhom. Bl-istess mod, irridu nibnu kultura imprenditorjali fl-entitajiet li għandhom dmir li jagħtu servizz lill-klijenti tagħhom u li jkollhom stima għolja għall-valur ta’ servizz. Fill-ġejjieni qarib, l-attenzjoni tal-Gvern permezz ta’ ħidma kkordinata ma’ diversi entitajiet ser tkun qed tagħti prova għall dan l-impenn, li permezz tiegħu l-Gvern irid juri li huwa jemmen u kapaċi li filwaqt li jara li pajjiżna jiżviluppa l-opportunitajiet tiegħu mill-element fiskali, daqshekk ieħor irid jara li l-ekonomija tagħna ma tkunx biss market economy iżda tkun a social economy, fejn tħares il-valur tal-bniedem ukoll fis-suq.
Għalhekk nemmen bis-sħiħ li l-valur ta’ l-onestà u s-solidarjetà fil-kummerċ ma humiex valuri ta’ min huwa dgħajjef, iżda ta’ min huwa b’saħħtu, u fuq kollox ta’ min huwa b’saħħtu biżżejjed li jgħin lil ħafna oħrajn ikunu wkoll b’saħħithom f’soċjetà b’saħħitha moralment, u għalhekk soċjalment u ekonomikament b’saħħitha wkoll.
DOI 26.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958