JUM IL-PROTEZZJONI TAD-DATA
Is-Servizz Pubbliku llum qiegħed ifakkar Jum il-Protezzjoni tad-Data, li jiġi ċċelebrat mill-Kunsill ta’ l-Ewropa, bl-appoġġ ta’ l-Unjoni Ewropea, fit-28 ta’ Jannar biex ifakkar il-Konvenzjoni 108 dwar l-ipproċessar tad-data personali b’mod awtomatiku. Din il-Konvenzjoni ġiet miftuħa għal firem tal-pajjizi membri fit-28 ta’ Jannar 1981 u ġiet ratifikata minn Malta fit-28 ta’ Frar 2003, wara li l-Parlament Malti għadda l-liġi tal-Protezzjoni tad-Data Kap 440, bil-qbil taż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Din il-liġi tirregola l-ipproċessar tad-data kemm b’mod awtomatiku kif ukoll manwalment.
Din il-Konvenzjoni, u allura anke l-liġi, hija importanti għax hija intrinsikament marbuta mad-dritt fundamentali tal-bniedem li tiġi mħarsa l-privatezza tiegħu. Il-protezzjoni tad-data hija ċentrali fil-ħajja ta’ kull jum taċ-ċittadini. Huwa naturali li l-informazzjoni personali tintuża fir-relazzjonijiet tal-pubbliku ma’ l-awtoritajiet pubbliċi, u fix-xogħol ta’ kuljum ta’ dawn l-istess awtoritajiet u dipartimenti tal-Gvern. Dipartimenti tal-Gvern jipproċessaw informazzjoni personali fuq individwi kemm biex jagħtu s-servizz liċ-ċittadini kif ukoll biex jittieħdu deċiżjonijiet amministrativi f’dak li huma aspetti ekonomiċi, sigurtà nazzjonali, edukazzjoni, relazzjonijiet soċjali u oħrajn. Dan kollu jrid isir fl-osservanza tal-liġi.
Illum il-ġurnata, is-Servizz Pubbliku għandu struttura adegwata biex jiġi żgurat li dipartiment qiegħed jopera fil-qafas legali li jirregola l-protezzjoni tad-data personali. Għal dan il-għan twaqqfet sezzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, biex tieħu ħsieb tikkordina u tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-liġi tal-Protezzjoni tad-Data fis-Servizz Pubbliku. Il-Kapijiet tad-dipartimenti għandhom ir-rwol ta’ kontrolluri tad-data personali u għalhekk huma responsabbli minn kull ma jiġri f’dan il-qasam. Apparti hekk, f’kull dipartiment intgħażel uffiċjal bħala Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data. Permezz ta’ din il-funzjoni ġdida, dan l-uffiċjal għandu r-responsabbilita’ li jara li l-ħtiġijiet tal-pubbliku f’dan ir-rigward jiġu mħarsa. Numru sostanzjali ta’ uffiċjali pubbliċi diġà ngħataw t-taħriġ meħtieġ f’dan ir-rigward.
Permezz ta’ ftehim (twinning) iffirmat mal-Ġermanja bħala parti mill-għajnuna kontinwa li tingħata mill-Unjoni Ewropea, numru ta’ esperti Ġermaniżi u Awstrijaċi għamlu żjarat f’diversi dipartimenti tal-Gvern. Dawn l-esperti analizzaw il-mod kif is-Servizz Pubbliku qed jimplimenta l-liġi tal-Protezzjoni tad-Data, u fejn meħtieġ, taw pariri biex ikompli jittejjeb l-operat f’dan il-qasam.
L-għan ta’ Jum il-Protezzjoni tad-Data huwa li ċ-ċittadini Ewropej jiskopru x’informazzjoni qed tiġi miġbura, kif qed tiġi pproċessata u għal liema skop, kif ukoll jifhmu d-drittijiet tagħhom rigward dan l-ipproċessar. Kull Dipartiment tal-Gvern fejn tiġi pproċessata data personali llum għandu policy immirata biex fil-qosor telenka l-iskopijiet għalfejn qed tiġi pproċessata l-informazzjoni personali u kif qed tiġi użata, kif ukoll biex tagħti dettalji dwar id-drittijiet li l-individwu għandu bħala suġġett tad-data. F’dan ir-rigward wieħed għandu wkoll jirrikonoxxi l-kollaborazzjoni li teżisti ma’ l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data.
Issa li l-pubbliku in ġenerali jista’ jkollu kopja ta’ dawn il-policies, għandha titkattar il-fiduċja tal-pubbliku fil-mod kif qed tiġi pproċessata l-informazzjoni personali taċ-ċittadini.
Huwa għalhekk ta’ sodisfazzjon li s-Servizz Pubbliku qed jiċċelebra Jum il-Protezzjoni tad-Data billi b’mod konkret qed jagħmel dawn il-policies aċċessibbli għall-pubbliku.
DOI 26.01.2007
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958