Left arrow Go Back

JUM IL-PROTEZZJONI TAD-DATA

PR0104
Date Icon 26/01/2007

Is-Servizz Pubbliku llum qiegħed ifakkar Jum il-Protezzjoni tad-Data, li jiġi ċċelebrat mill-Kunsill ta’ l-Ewropa, bl-appoġġ ta’ l-Unjoni Ewropea, fit-28 ta’ Jannar biex ifakkar il-Konvenzjoni 108 dwar l-ipproċessar tad-data personali b’mod awtomatiku.  Din il-Konvenzjoni ġiet miftuħa għal firem tal-pajjizi membri fit-28 ta’ Jannar 1981 u ġiet ratifikata minn Malta fit-28 ta’ Frar 2003, wara li l-Parlament Malti għadda l-liġi tal-Protezzjoni tad-Data Kap 440, bil-qbil taż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti.  Din il-liġi tirregola l-ipproċessar tad-data kemm b’mod awtomatiku kif ukoll manwalment. 

Din il-Konvenzjoni, u allura anke l-liġi, hija importanti għax hija intrinsikament marbuta mad-dritt fundamentali tal-bniedem li tiġi mħarsa l-privatezza tiegħu.  Il-protezzjoni tad-data hija ċentrali fil-ħajja ta’ kull jum taċ-ċittadini.  Huwa naturali li l-informazzjoni personali tintuża fir-relazzjonijiet tal-pubbliku ma’ l-awtoritajiet pubbliċi, u fix-xogħol ta’ kuljum ta’ dawn l-istess awtoritajiet u dipartimenti tal-Gvern.  Dipartimenti tal-Gvern jipproċessaw informazzjoni personali fuq individwi kemm biex jagħtu s-servizz liċ-ċittadini kif ukoll biex jittieħdu deċiżjonijiet amministrativi f’dak li huma aspetti ekonomiċi, sigurtà nazzjonali, edukazzjoni, relazzjonijiet soċjali u oħrajn.  Dan kollu jrid isir fl-osservanza tal-liġi. 

Illum il-ġurnata, is-Servizz Pubbliku għandu struttura adegwata biex jiġi żgurat li dipartiment qiegħed jopera fil-qafas legali li jirregola l-protezzjoni tad-data personali.  Għal dan il-għan twaqqfet sezzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, biex tieħu ħsieb tikkordina u tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-liġi tal-Protezzjoni tad-Data fis-Servizz Pubbliku.  Il-Kapijiet tad-dipartimenti għandhom ir-rwol ta’ kontrolluri tad-data personali u għalhekk huma responsabbli minn kull ma jiġri f’dan il-qasam.  Apparti hekk, f’kull dipartiment intgħażel uffiċjal bħala Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data.  Permezz ta’ din il-funzjoni ġdida, dan l-uffiċjal għandu r-responsabbilita’ li jara li l-ħtiġijiet tal-pubbliku f’dan ir-rigward jiġu mħarsa.  Numru sostanzjali ta’ uffiċjali pubbliċi diġà ngħataw t-taħriġ meħtieġ f’dan ir-rigward. 

Permezz ta’ ftehim (twinning) iffirmat mal-Ġermanja bħala parti mill-għajnuna kontinwa li tingħata mill-Unjoni Ewropea, numru ta’ esperti Ġermaniżi u Awstrijaċi għamlu żjarat f’diversi dipartimenti tal-Gvern.  Dawn l-esperti analizzaw il-mod kif is-Servizz Pubbliku qed jimplimenta l-liġi tal-Protezzjoni tad-Data, u fejn meħtieġ, taw pariri biex ikompli jittejjeb l-operat f’dan il-qasam.   

L-għan ta’ Jum il-Protezzjoni tad-Data huwa li ċ-ċittadini Ewropej jiskopru x’informazzjoni qed tiġi miġbura, kif qed tiġi pproċessata u għal liema skop, kif ukoll jifhmu d-drittijiet tagħhom rigward dan l-ipproċessar.  Kull Dipartiment tal-Gvern fejn tiġi pproċessata data personali llum għandu policy immirata biex fil-qosor telenka l-iskopijiet għalfejn qed tiġi pproċessata l-informazzjoni personali u kif qed tiġi użata, kif ukoll biex tagħti dettalji dwar id-drittijiet li l-individwu għandu bħala suġġett tad-data.  F’dan ir-rigward wieħed għandu wkoll jirrikonoxxi l-kollaborazzjoni li teżisti ma’ l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data. 

Issa li l-pubbliku in ġenerali jista’ jkollu kopja ta’ dawn il-policies, għandha titkattar il-fiduċja tal-pubbliku fil-mod kif qed tiġi pproċessata l-informazzjoni personali taċ-ċittadini. 

Huwa għalhekk ta’ sodisfazzjon li s-Servizz Pubbliku qed jiċċelebra Jum il-Protezzjoni tad-Data billi b’mod konkret qed jagħmel dawn il-policies aċċessibbli għall-pubbliku.

DOI  26.01.2007

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow