Xogħlijiet ta’ tisbiħ fi Ġnien il-Palazz Spinola
Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, l-Onor. George Pullicino illum żar il-Ġnien ta’ Palazz Spinola fejn għaddejjin xogħlijiet estensivi biex dan is-sit, li sa ftit żmien ilu kien pjuttost dilapidat, jingħata dehra isbaħ għall-użu u t-tgawdija tal-komunità ta’ San Ġiljan u nies oħra, inklużi t-turisti, li jiffrekwentaw iż-żona.
Ir-riabilitazzjoni tal-Ġnien, li mistenni jinfetaħ ix-xahar id-dieħel, saret taħt l-iskema tal-planning gains ta’ l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar, li titlob lill- iżviluppatur, f’dan il-każ Tumas Group, jinvesti fi proġett ta’ tisbiħ ta’ l-ambjent fiż-żona fejn ikun sar l-iżvilupp, li huwa Portomaso.
Qed isiru wkoll bankini ġodda madwar il-ġnien mill-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura, kif ukoll upgrading tas-sistema għall-immaniġġjar tat-traffiku mill-Awtorità dwar it-Trasport.
Il-proġett kollu se jiswa madwar Lm300,000.
Id-disinn tal-ġnien huwa wieħed formali, ibbażat fuq stil ta’ ġonna barokki biex jirriffletti l-istil tal-bini tal-palazz, li jimponi l-preżenza tiegħu fuq dan l-ispazju. Id-disinn iżomm l-element ta’ simetrija bl-istess mod li l-palazz huwa wkoll simetriku. Fl-istess ħin iddaħħlu elementi moderni biex jirriflettu l-istil taż-żmien tal-lum. Id-disinn jindirizza wkoll id-diżlivell minn kantuniera għal oħra tas-sit billi jdaħħal turġien li jagħtu xejra iktar pjaċevoli tal-post.
Il-ġnien se jkun imdawwar b’ċinta u ħadid dekorattiv biex jingħalaq filgħaxija fit-tard u bil-lejl. B’hekk titnaqqas kemm jista’ jkun il-possibbiltà ta’ vandalizmu, rimi ta’ skart u abbużi oħra u jippermetti li l-ġnien ikun jista’ jigi mmaniġġjat b’mod effettiv.
DOI - 25.01.2007
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958