Left arrow Go Back

BUSINESS BREAKFAST DWAR L-ISPORT

PR0097
Date Icon 25/01/2007

“Fil-pajjiż qed jinħolqu l-klima u l-kondizzjonijiet biex il-finanzjament min-naħa tal-Gvern għall-isport ikompli jissaħħaħ b’forom ġodda ta’ miżuri fiskali li jinċentivaw lis-settur privat u lin-negozju biex jappoġġjaw l-isport bi ftehim ta’ sponsorship.” Dan sostnieh il-Ministru responsabbli għall-isport, l-Onor. Louis Galea meta tkellem fil-Business Breakfast organizzat mill-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) bl-appogg ta’ The Malta Business Weekly, Le Meridien Phoenicia u l-BOV.

F’dan l-attivita’, li saret fil-Le Meridien Phoenicia, il-kelliema ewlenin kienu s-sur Pippo Psaila, Direttur ta’ l-Sport tal-KOM, u s-sur Peter Bolech, ic-CEO ta’ l-Malta Iintenational Airport li għandhom politika li jappoġġjaw l-isport Malti. It-tema magħżula għal din l-attivita’, li kellu attendenza tajba ħafna, kienet “Building brands through sport – how can your business benefit?” Attendew ukoll għal din l-attivita’ il-President tal-Kunsill Malti għall-isport, is-sur Franco Azzopardi, kif ukoll il-Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni għall-isport, l-Onor. Carmelo Abela, li kien wieħed fost dawk li tkellmu waqt din l-attivita’.

Is-sur Pippo Psaila u s-sur Peter Bolech għamlu każ qawwi dwar il-vantaġġi u l-benefiċċji li jiksbu l-kumpaniji u n-negozju kummerċjali meta jidħlu fi ftehim ta’ sponsorship ta’ dixxiplini u attivitajiet sportivi. Huma tkellmu wkoll dwar kif il-Gvern jista` jinkoraġġixxi lin-negozju permezz ta’ skemi ta’ inċentivi fiskali. Irriżulta li terz tal-poplu Malti hu b’xi mod jew ieħor assoċjat ma’ xi forma ta’ attivita` sportiva. Pippo Psaila qal li kulħadd issa għandu jaħdem biex inwettqu l-ħolma li Malta tirbaħ l-ewwel midalja fl-Olimpijadi li ser isiru fiċ-Ċina s-sena d-dieħla.

Mitlub jikkumenta fuq il-preżentazzjonijiet li saru waqt dan il-Business Breakfast, il-Ministru Louis Galea emfasizza l-benefiċċji li jiksbu l-kumpaniji u n-negozju kummerċjali meta jippromwovu l-image, s-servizzi u l-prodotti tagħhom permezz ta’ assoċjazzjoni mal-valuri, l-kwalita`, u l-eċċellenza ta’ sportivi Maltin u Għawdxin u ma’ l-isport in ġenerali. Promozzjoni permezz ta’ l-isport għandha valur miżjud u pubbliċita` ma’ eluf kbar ta’ Maltin. “Illum huwa mportanti li nżidu t-tħaddim tal-kunċett ta’ Responsabilita` Soċjali Korporattiva,” sostna l-Ministru Galea.

Il-Ministru qal li hu jaqbel bis-sħiħ ma’ l-appell tas-sur Pippo Psaila li l-isponsorship ta’ l-isport fil-bażi komunitarja tiegħu, kif ukoll fuq il-livell ta’ ‘sport elite’, hu ta’ vantaġġ għall-promozzjoni ta’ negozju partikolari u jirrinforza l-messaġġ li dak in-negozju jrid jagħti dwar l-image, is-servizz jew il-prodott tiegħu.

Il-Ministru Galea fakkar li fl-aħħar snin il-Gvern wettaq investiment rekord fil-qasam sportiv, ħaġa li ġiet rikonoxxuta wkoll waqt il-Business Breakfast bħala li kienet ta’ kontribut posittiv fit-titjib tar-riżultati f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Il-Gvern ħaseb biex ipoġġi l-politika tiegħu fuq bażi b’saħħitha permezz tal-Liġi dwar l-isport u t-twaqqif tal-Kunsill Malti għall-isport. Investa u bena l-aqwa kumplessi sportivi li għandu l-pajjiż u qed jagħti għajnuna diretta u ndiretta ta’ eluf kbar ta’ liri lill-għaqdiet u assoċjazzjonijiet sportivi.

“Issa l-Kunsill Malti għall-Isport qed janalizza l-benefiċċji ekonomiċi li jġib l-isport għal Malta u Għawdex u beda diskussjonijiet mal-Gvern biex titfassal politika ta’ inċentivi fiskali għas-settur privat li jikkontribwixxi għall-isport,” ħabbar il-Ministru Galea.

Bħalissa l-isportivi Maltin, permezz ta’ l-assoċjazzjonijiet u l-federazzjonijiet tagħhom taħt il-gwida tal-KOM, qed iħejju ruħhom għal sensiela ta’ avvenimenti sportivi internazzjonali, fosthom: il-Logħob ta’ l-Istati Żgħar ta’ l-Ewropa f’Monaco (2007), l-Olimpjadi f’Bejing (2008), il-Logħob tal-Mediterran (2009), u l-Logħob tal-Commonwealth f’Delhi (2010).

F’Malta din is-sena hu mistenni li jiġu organizzati l-European Junior Waterpolo Championship, l-European Athletics Meeting & Conference, u l-European Cadets Judo Championship.

DOI – 25.01.2007

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow