JUM EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA: 28 TA’ JANNAR 2007
Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data jingħaqad ma’ awtoritajiet oħra għall- Protezzjoni tad-Data fl-Ewropa biex jitfakkar il-Jum Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għal l-ewwel darba il-Ħadd 28 ta’ Jannar 2007. Dan il-jum jaħbat l-anniversarju ta’ meta ġiet iffirmata l-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-individwu b’refererenza għall-ipproċessar awtomatiku tad-data personali. Din il-Konvenzjoni ġiet iffirmata fl-1981. Din ser tkun okkazjoni biex ċittadini Ewropej, isiru iktar jagħrfu d-dritt tagħhom għall-privatezza fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali.
Permezz ta’ stqarrija maħruġa mill-‘Article 29 Working Party’, il-forum ta’ l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data fl-Ewropa, għal din l-okkażjoni, fisser illi fi żmien fejn ‘data’ qiegħda tiġi pproċessata kontinwament, din l-inizjattiva toffri okkażjoni eċċellenti biex wieħed jifhem kemm hi neċessarja il-protezzjoni tal-privatezza f’soċjetà demokratika. L-awtoritajiet qablu li fil-futur se jikkoperaw mal-Kunsill tal-Ewropa biex jagħmlu minn dan il-jum Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, jum ta’ suċċess u kif ukoll juru li drittijiet fundamentali bħad-dritt għall-privatezza huma protetti l-aħjar permezz tal-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data.
Permezz ta’ dan l-eżerċizzju ċ-ċittadini ser jirriflettu dwar id-dritt tagħhom għall-privatezza, liema ‘data’ personali dwarhom tinġabar u tiġi pproċessata, għaliex din it-tip ta’ ‘data’ tinġabar u tiġi pproċessata u x’inhuma id-drittijiet tagħhom fejn jidħol l-ipproċessar. Il-protezzjoni tad-‘data’ hija parti integrali fil-ħajja taċ-ċittadin – ix-xogħol, is-settur tas-saħha, meta juża l-internet, meta jixtri jew jagħmel użu minn xi servizzi, eċċ.
F’Malta, l-Att Dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-‘Data’, Kapitolu 440 tal-liġijiet ta’ Malta, ġie effettivament fis-seħħ fl-Lulju ta’ l-2003. L-uffiċċju tal-Kummissarju għall-protezzjoni tad-‘data’, li ġie mwaqqaf permezz ta’ dan l-Att, għandu l-għan li jipproteġi d-drittijiet tal-individwu għall-privatezza billi jassigura l-ipproċessar korrett tad-‘data’ personali. Barra minn hekk għandu l-għan ukoll li joħloq soċjeta li fiha l-individwi iħossuhom kunfidenti li d-dritt għall-privatezza tad-data personali tagħhom huwa salvagwardat.
Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data jiltaqa b’mod regolari mar-rappreżentanti tal-varji setturi operattivi bl-għan li jiddiskuti u jasal fi ftehim dwar prinċipji li joħorġu mil-liġi skond kif japplikaw għas-setturi rilevanti biex imbgħad jiġu miktuba bħala linji gwida jew kodiċi ta’ prattika. Fost is-setturi li dwarhom inkitbu l-linji gwida wieħed jistà jsemmi dawk ta’ l-edukazzjoni, assigurazzjoni u kummerċ bankarju. Linji gwida oħra dwar is-setturi tal-ġurnalizmu u s-sigurtà huma fil-proċess li jiġu miktuba.
L-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-‘Data’ joffri l-assistenza tiegħu, fl-ewwel lok, liċ-ċittadini li jkunu jixtiequ jiċċaraw ċerti materji u li jaħsbu li d-drittijiet tagħhom mhumiex rispettati, u fit-tieni lok lill-kontrolluri tad-‘data’, biex jgħinhom jaslu għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ ‘data’, liema aspetti huma it-tnejn importanti ħafna f’soċjeta demokratika.
Ghal iktar informazzjoni dwar dan l-uffiċċju tista żżur l-‘website’ www.dataprotecion.gov.mt jew iċċempel fuq in-numru 23287100.
DOI – 25.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958