Modernizzar fil-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex
Fil-Kumpless Sportiv t’Għawdex bħalissa għaddej xogħol ta’ titjib u tisbiħ fosthom it-twaqqif ta’ reception area fid-daħla prinċipali, it-trasferiment u l-immodernizzar ta’ l-uffiċji amministrattivi mis-sular t’isfel għad-daħla prinċipali, it-titjib tal-faċilitajiet sanitarji fis-sular ta’ fuq kif ukoll l-introduzzjoni ta’ faċilitajiet li jippermettu taħriġ fl-isport tat-tixbit mill-pubbliku ġenerali.
Ix-xogħol li qed isir bħalissa, qiegħed jitwettaq mill-ħaddiema ta’ l-istess Kumpless Sportiv, fi sforz biex tiġi modernizzata d-daħla prinċipali u biex jitjiebu s-servizzi offruti lill-pubbliku, filwaqt li jsir l-aħjar użu tar-riżorsi disponibbli. Minbarra li dawn ix-xogħlijiet ser jipprovdu ambjent isbaħ lil min jiffrekwentah, ser ikomplu jħajru lil iktar sportivi Għawdxin jagħmlu użu minn dan il-kumpless. Dawn ix-xogħlijiet isegwu xogħlijiet oħra li saru iktar kmieni fosthom titjib taċ-changing rooms, titjib fis-sistema elettrika, fl-art tas-sala prinċipali u f’żoni oħra. Hekk kif jintemm ix-xogħol li għaddej bħalissa, tinbeda’ t-tieni fażi b’xogħlijiet fis-sular t’isfel inkluż l-immodernizzar tal-faċilitajiet sanitarji, tal-gym u xogħlijiet ta’ tiswija fuq is-saqaf tas-sala prinċipali.
Waqt li kienet qed iżżur ix-xogħlijiet li qed jitwettqu bħalissa, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex qalet li x-xogħlijiet ta’ modernizzar fil-Kumpless Sportiv huma mmirati li jtejbu l-kwalita’ tas-servizz offrut lill-pubbliku minn dipartiment ieħor tal-Gvern f’Għawdex. Il-Ministru Debono rreferiet għall-impenn tal-Ministeru għal Għawdex li jipprovdi servizzi ta’ kwalita’ lill-pubbliku u fakkret li l-Gvern ser ikun qiegħed iżid faċilita’ sportiva oħra fil-viċinanza tal-Kumpless Sportiv permezz ta’ pitch tal-football 7-a-side li se jinbena bħala parti mill-iskola l-ġdida fis-sit preżentament okkupat mill-iskola sekondarja tas-subien.
Minbarra li hu l-uniku spazju fil-magħluq ta’ ċertu daqs f’Għawdex u li għalhekk jintuża għal diversi attivitajiet ta’ natura soċjali, kulturali u kummerċjali, il-Kumpless Sportiv jintuża wkoll fuq bażi regolari mill-iskejjel Għawdxin fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet oħra, kif ukoll għall-Karnival tat-tfal u għal kull edizzjoni ta’ Skola Sport. Skola Sport din is-sena tinsab fit-tmien edizzjoni tagħha u toffri ħmistax-il dixxiplina sportiva lil numru rekord ta’ tfal parteċipanti. Din is-sena ġew introdotti żewġ dixxiplini sportivi oħra fosthom l-Indoor Climbing u Spirit Combat.
DOI - 25.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958