Left arrow Mur Lura

Smart City (Malta): NITTRASFORMAW ‘IL RIKAŻLI F’ĊENTRU TEKNOLOĠIKU EWROPEW

PR0091
Date Icon 25/01/2007

Il-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni, l-Onor. Austin Gatt  ta dettalji dwar il-ftehim bejn il-Gvern Malti u Tecom Investments ta’ Dubai għall-ftuħ ta’ Smart City f’Rikażli. 

Il-proġett għandu valur ta’ investiment ta’ USD 300 miljun u għandu marbut miegħu garanzija ta’ 5,600 impjieg, b’penali ta’ bejn Lm260,000 u Lm400,000 fis-sena jekk din il-garanzija ma tiġix onorata. Hu stmat li l-Gvern ser ikun qed idaħħal madwar Lm12.5 miljun fis-sena minn ħlas ta’ taxxi fuq l-impjiegi maħluqa f’dan il-proġett. 

Il-Gvern ser iżomm 9% ta’ l-ishma fil-kumpanija li ser topera Smart City u l-valur ta’ dawk l-ishma (USD 20 miljun) se jitħallsu wkoll mit-Tecom. Dan ifisser li l-Gvern ser ikollu 9% tad-dividends meta Smart City tibda tagħmel il-profitt. 

Tecom Investments qed tqabbad is-sussidjarja tagħha Smart City Dubai li se jkollha 91% ta’ l-ishma fil-kumpanija l-ġdida Smartcity (Malta) Limited. Minkejja dan, Tecom Investments qed tiggarantixxi l-obbligazzjonijiet kollha ta’ Smart City Dubai u Smartcity (Malta) Limited. Barra minn hekk, ġie negozjat li s-sehem tal-Gvern ta’ 9% se jinżamm sakemm il-kapital maħruġ ikun ta’ USD220 miljun. 

Il-Bord tad-Diretturi ta’ Smartcity (Malta) Limited se jkollha 5 membri li wieħed minnhom ikun nominat mill-Gvern Malti. Il-Gvern ser iżomm pre-emption rights fil-każ ta’ ħruġ jew trasferiment ta’ ishma. L-unanimità fil-Bord hi meħtieġa f’każ ta’ proposti għal tnaqqis fil-kapital, bdil fl-istatut tal-kumpanija jew ix-xoljiment. 

Ma jista’ jsir ebda trasferiment ta’ ishma ‘il barra mill-Grupp Tecom qabel jgħaddu l-14-il sena li fihom irid isir il-proġett, ħlief jekk ma jkunx diġà onorat l-obbligu tal-5,600 impjieg maħluqa. 

Tecom ser tinvesti wkoll USD 10 miljun fl-ispazji pubbliċi li ser ikunu miftuħa għall-pubbliku l-ħin kollu u li se jkunu mantnuti mill-kumpanija li topera Smart City. Xatt il-baħar m’hux ser tkun parti mill-proġett u ser tkun miftuħa għall-pubbliku. Il-Gvern għadu qed jevalwa l-possibbiltà ta’ konċessjoni żgħira assoċjata mal-faċilitajiet turistiċi. 

Smart City se tħallas lill-Gvern ċens ta’ Lm65,000 fis-sena, imnaqqsa ghall-ewwel tmien snin tal-progett u li jiżdiedu b’5% fid-disa’ sena u wara b’5% kull ħames snin. Smart City se tkun tista’ tittrasferrixi t-titlu ta’ l-art, ħlief fuq iż-żoni pubblici, li jammontaw għal madwar 33% ta’ l-art. Iċ-ċens jista’ wkoll jinfeda’ fuq il-bazi ta’ numru ta’ kundizzjonijiet. Smart City iżda ma tistax tibdel l-użu ta’ l-art mingħajr il-qbil tal-Gvern għad-99 sena kollha ta’ kemm itul il-kuntratt, anke fuq art li fuq iċ-ċens ġie trasferit jew infeda’. 

Hu kuntrattat li l-element tat-teknoloġija ta’ l-informazzjoni tal-proġett jitlesta fi żmien 8 snin waqt li l-proġett kollu jkun lest għal kollox fi żmien 14-il sena. 

Il-Gvern jemmen li Smart City f’Rikażli ser toħloq destinazzjoni ġdida b’valur li jorbot flimkien ambjent modern għal xogħol u divertiment, kumpanija ta’ l-ogħla livell dinji, u żona li tkun post tax-xogħol, residenza, ċentru ta’ divertiment, tagħlim u negozju. 

Il-Gvern iqis li Smart City hi l-akbar konferma ta’ l-impenn tal-Gvern li jinvesti fl-ekonomija l-ġdida b’aġenda aggressiva fil-qasam tat-teknoloġiji u b’suċċessi sostanzjali f’dan is-settur. 

Id-deċiżjoni li Smart City ssir fin-nofsinhar ta’ Malta kienet konxja u ser tittrasforma żona mitluqa fi spazju miftuħ b’attrazzjoni turistika ta’ l-ogħla kwalità u opportunitajiet kbar għal sinerġiji mal-Port il-Kbir. 

Smart City ser tkun żviluppata fuq arja totali ta’ 358,000 metru kwadru. Fuq din l-art kien hemm 23 fabbrika li se jkunu kollha rilokati għal oqsma industrijali oħra sa tmiem Frar 2007. 

Tecom waslu biex ilestu l-Master Plan għall-proġett li jippjana d-disinn tal-proġett, kif ser tintuża l-art, pjanijiet ta’ trasport, servizzi ta’ elettriku, ilma, drenaġġ u komunikazzjoni, pjan ta’ ħarsien ambjentali u t-tqassim tal-proġett. Il-Master Plan se jingħata lill-Gvern u meta l-Gvern japprovah ma jkunx jista’ jerġa’ jinbidel sakemm ma jkunx qed jaqbel il-Gvern.

Minn naħa tiegħu, il-Gvern Malti qed jintrabat li jipprovdi s-servizzi tiegħu fi skadenzi preskritti permess ta’ taqsima apposta biex tipprovdi s-servizzi tal-Gvern fi Smart City; li jtejjeb it-toroq li jwasslu għaż-żona; u li sa Diċembru 2008 iwaqqaf l-iżbroff tad-drenaġġ fiż-żona.  

Smart City m’hix tingħata għajnuna finanzjarja mill-Gvern għall-investiment. Smart City ser tgħaddi mill-proċessi viġenti kollha ta’ l-ippjanar u ntlaħaq ftehim mal-MEPA dwar skadenzi għall-ħruġ ta’ permessi. Il-Master Plan li japprova l-Gvern ikun il-qafas ta’ l-applikazzjoni għall-Outline Development Permit li minnu mbagħad isiru l-applikazzjonijiet għall-permessi pass pass ma’ l-iżvilupp. 

Ħamsa u sebgħin fil-mija (75%) tal-bini żviluppat, ser jintuża għal attivitajiet ekonomiċi li jiġġeneraw ix-xogħol. 46% tal-bini żviluppat (103,000 metru kwadru) ser jiġi żviluppat f’ICT & Media Business Park. Dawn kollha jridu jkunu tlestew sa 8 snin mill-ħruġ  tal-permessi. Jekk ikun hemm dewmien ta’ aktar minn 3 xhur minn dawn l-iskadenzi, Smart City jkollha tħallas penali sa massimu ta’ Lm240,000 fis-sena. L-ewwel 8,000 metru kwadru ta’ uffiċini jridu jkunu lesti fi żmien 18-il xahar mill-ħruġ tal-permessi.  

Smart City hi obbligata tlesti 18.6 metru kwadru għal kull post tax-xogħol li hi mpenjata toħloq. Dan ifisser li ser jinħoloq biżżejjed spazju fl-uffiċċji għal 5,600 impjegat (aktar mill-minimu miftiehem).  

Disgħa u għoxrin fil-mija oħra mill-proġett (63,500 metru kwadru) ser jiġu żviluppati f’faċilitajiet kummerċjali, waqt li 25% (55,000 metru kwadru) ser jiġu żviluppati f’residenzi. Il-proġett kollu jrid ikun tlesta sa’ 14-il sena mill-ħruġ tal-permessi. 

Il-Ministru Gatt spjega li fil-ġimghat li ġejjin ser jippreżenta fil-Parlament id-dokumentazzjoni kollha rilevanti, jiġifieri il-kuntratt taċ-ċens (kif mitlub mil-liġi) u miegħu, il-ftehim ma’ Tecom dwar l-investiment, l-istatut ta’ Smartcity (Malta) Limited, u l-Master Plan approvat għall-proġett. Il-proċeduri Parlamentari jaħsbu li r-riżoluzzjoni tal-Ministru Gatt tiġi diskussa minn kumitat Parlamentari iżda jekk l-Oppożizzjoni tivvota kontriha, jkollha ssir diskussjoni f’seduta tal-Parlament. Wara l-approvazzjoni tal-Parlament, ikun jista’ jsir l-iffirmar tal-kuntratt. 

Il-Ministru Austin Gatt qal li hu “kburi li dan il-Gvern ġab lejn Malta l-ikbar investiment li qatt rajna. Jiena kburi li dan l-investiment huwa f’qasam li joffri futur kbir għal pajjiżna. Jiena kburi li dan il-Gvern ilu jaħseb biex ikollu nies ippreparati għal dan ix-xogħol. L-MCAST u l-Università qed jippreparaw 600 gradwat fis-sena f’dawn l-oqsma. Dan ifisser li bir-rata ta’ gradwazzjoni tal-lum, fiż-żmien tat-tlestija tal-proġett se jkun hemm biżżejjed Maltin biex jaħdmu fi Smart City. Dan apparti li niggarantilkom li fi żmien 3 snin nibdew inħejju elf gradwat fis-sena.

“Jiena kburi li dan hu Gvern li jemmen fin-nies, li ma jaqta’ qalb ħadd, li għandu l-kuraġġ li jkollu l-viżjoni u jsegwi dik il-viżjoni; m’hux joqgħod jeqred fuq dak li ma jistax jagħmel.” 

“Minkejja l-Ġeremiji u l-bsaten fir-roti li rajna f’dawn ix-xhur; minkejja il-qtiegħ ta’ qalb, dan il-proġett ġie konkluż grazzi għall-viżjoni li kellna u għax ma qtajniex qalbna. U grazzi għall-poplu Malti li dejjem qiegħed f’dan il-Gvern il-fiduċja li jġib proġetti ta’ dan it-tip lejn pajjiżna.” 

DOI - 25.01.2007

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow