Left arrow Mur Lura

RISPOSTA GĦALL-AFFIDAVIT DWAR XOGĦOLIJIET WAQT IL-BINI MILL-ĠDID TA’ PARTI’ MINN TRIQ L-IMDINA, ŻEBBUĠ

PR0090
Date Icon 24/01/2007

Il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq jirreferi għall-affidavit ta’ l-Avukat Dott. George J. Cutajar f’rappreżentanza tas-Sur Charles sive Carmelo Dimech li tqassam dalgħodu lill-mezzi tax-xandir. 

L-istess affidavit jirreferi għal xogħlijiet waqt il-bini mill-ġdid ta’ parti minn Triq l-Imdina f’Ħaż-Żebbuġ. Dan ix-xogħol kien jirrikjedi t-twessiegħ ta’ l-istess triq u konsegwentement it-twaqqiegħ ta’ parti minn struttura mal-ġenb tat-triq, liema struttura hija propjeta tas-Sur Dimech.  

Il-Ministeru jikkonferma li f’Mejju 2005 kienet saret il-laqgħa imsemmija fl-affidavit bejn uffiċċjali tal-MEPA, l-Awtorita Dwar it-Trasport u l-Avukat tas-Sur Dimech. L-iskop ta’ din il-laqgħa kien li tinstab soluzzjoni sabiex ikun jista’ jitkompla x-xogħol f’din it-triq peress li s-Sur Dimech kien qiegħed joġġezzjona b’qawwa għat-teħid ta’ parti mill-propjeta tiegħu, liema teħid kien indispensabbli għat-tlestija tal-proġett. 

Matul din il-laqgħa kien ingħata parir dwar x’passi kellu jieħu s-Sur Dimech biex jitfa’ applikazzjoni sabiex dan l-iżvilupp jiġi regolarizzat u sanzjonat mill-MEPA. Fl-ebda mument matul il-laqgħa ma intqal lis-Sur Dimech li din l-appliakzzjoni kienet ser tintefa’ f’ismu mill-ADT jew il-Ministeru u wisq u wisq inqas ingħatat assikurazzjoni li s-Sur Dimech kien ser jinħariġlu l-permess li kien jeħtieġ mill-MEPA. Hija għalhekk gidba li l-Ministru Mugliett ta xi struzzjonijiet lill-uffiċċjali tal-MEPA f’dan ir-rigward. L-anqas ma ġie diskuss ebda ftehim ta’ kumpens waqt din il-laqgħa.  

Ta’ min isemmi li minkejja li saret din il-laqgħa, is-Sur Dimech kompla jtellef it-tkomplija tax-xogħol fuq Triq l-Imdina. Dan għamlu permezz ta’ mandat ta’ inibizzjoni fil-Qrati f’Lulju 2005 kontra l-Ministru Mugliett u l-Awtorita dwar it-Trasport - liema mandat intilef mis-Sur Dimech. Huwa kurjuż li wieħed jinnota li dan il-mandat kien tressaq xaharejn biss wara li sar l-allegat ftehim mal-Ministru Mugliett li huwa kkwotat fl-affidavit ta’ l-Avukat Cutajar.  

It-tfixkil min-naħa tas-Sur Dimech kompla wkoll permezz ta’ theddid kontinwu kontra uffiċċjali ta’ l-ADT, il-kuntratturi u anke l-ħaddiema tagħhom.  

Wara l-mandat ta’ inibizzjoni ma saru ebda diskussjonijiet oħra bejn il-Ministru Mugliett u s-Sur Dimech dwar il-bini in kwistjoni sakemm inħareġ avviż ta’ infurzar mill-MEPA fuq dan l-iżvilupp. Wara l-ħruġ ta’ dan l-avviż, is-Sur Dimech kemm –il darba ċempel lill-Ministru sabiex jgħinu jevita t-twaqqiegħ ta’ l-ewwel sular. Il-Ministru kien kostantement isostni l-parir li s-Sur Dimech ma kellu ebda triq oħra ħlief li jwaqqa l-ewwel sular – xi ħaġa li s-Sur Dimech irrifjuta li jgħamel. 

F’dan l-istadju, il-Ministru Mugliett qiegħed jikkunsidra x’passi legali jista’ jieħu fil-konfront tas-Sur Dimech u r-rappreżentant legali tiegħu, l-Avukat Cutajar.


DOI – 24.01.2007

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow