L-ewwel laqgħa tal-Ministri ta’ l-Agrikoltura ta’ l-Unjoni Ewropea miż-żona tal-Mediterran
Malta ipparteċipat fl-ewwel laqgħa tal-Ministri ta’ l-Agrikoltura ta’ l-Unjoni Ewropea miż-żona tal-Mediterran. Għal din il-laqgħa li saret f’Nikosija, Ċipru, Malta kienet rappreżentata mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, l-Onor. George Pullicino. Minbarra Malta għal-laqgħa attendew ukoll Ċipru, l-Portugall, Spanja, Franza, l-Italja, s-Slovenja u l-Greċja.
Din kienet l-ewwel laqgħa tax-xorta tagħha u l-Ministru Pullicino fakkar fl-isforzi ta’ Malta biex jitwaqqaf dan il-forum ta’ pajjiżi li ġejjin minn reġjun komuni. Hu esprima s-sodisfazzjon ta’ Malta li din il-laqgħa se tibda ssir fuq bażi regolari u li għandha sservi biex matulha ssir diskussjoni aktar iffukata fuq ċerti materji qabel ma dawn jittellgħu quddiem il-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Agrikoltura ta’ l-Unjoni Ewropea.
Fuq l-aġenda ta’ l-ewwel laqgħa kien hemm temi ta’ importanza għall-pajjiżi Mediterranji, fosthom ir-riformi proposti mill-Kummissjoni Ewropea fis-settur tal-ħaxix u frott frisk, u fis-settur ta’ l-inbid. Matul il-laqgħa saret ukoll diskussjoni dwar l-iżviluppi fir-relazzjonijiet Ewro-Mediterranji u n-negozjati ta’ l-Unjoni Ewropea mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).
Fir-rigward tar-riforma fis-settur tal-frott u l-ħaxix, il-Ministru Pullicino fakkar kif din għadha fi stadju ta’ proposta. Pullicino tenna li l-proposta tal-Kummissjoni fiha żviluppi pożittivi li huma pass ‘il quddiem fuq ir-regolamenti li jeżistu llum.
Fir-rigward tar-riforma fis-settur ta’ l-inbid, il-Ministru Pullicino qal li Malta ma taqbilx mal-proposta tal-Kummissjoni biex art li ppreżentament hija ndikata għad-dwieli tingħata għat-tkabbir ta’ prodotti oħrajn. Il-Ministru Pullicino qal li minbarra valur agrikolu, d-dwieli f’Malta għandhom ukoll valur ambjentali u fl-aħħar snin saru sforzi kbar biex jiżdiedu d-dwieli f’Malta.
Pullicino żied jgħid li għandu jkun salvagwardat l-oriġini ta’ l-għeneb u dan biex ikun żgurat li ma jsirx taħlit bejn inbejjed minn għeneb Ewropej u għeneb minn pajjiżi terzi. Fil-kuntest ta’ l-iżviluppi fil-proċess Ewro-Mediterranju, l-Ministru Pullicino qal li għandu jkun żgurat li prodotti agrikoli li joriġinaw minn pajjiżi mhux fl-Unjoni Ewropea jgħaddu mill-istess kontrolli u obbligi li huma fis-seħħ għall-prodotti Ewropej.
Hu fakkar li Malta hija mpenjata favur il-proċess Ewro-Mediterranju pero’ għandu jsir kull sforz biex il-bdiewa u r-raħħala Maltin ma jkunux żvantaġġjati. Fil-kuntest tan-negozjati mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, Pullicino fakkar kif Malta approvat il-linja adottata mill-Kummissjoni Ewropea.
Fi tmiem il-laqgħa kien hemm qbil bejn il-pajjiżi biex il-konklużjonijiet miftiehma waqt il-laqgħa jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea.
DOI – 24.01.2007
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958