Restawr fil-Knisja ta’ Sarria, l-Furjana
Il-kapaċitajiet u s-snajja speċjaliżżati tal-ħaddiema tar-restawr fi ħdan il-Ministeru qed jiġu msarrfa f’xogħlijiet delikati fuq monumenti u binjiet ta’ wirt storiku li pajjiżna hu mogħni bihom. Eżempju konkret ta’ dan huwa x-xogħol ta’ restawr li wasal biex jintemm fuq il-Knisja ta’ Sarria fil-Furjana. Il-Ministru Ninu Zammit qal dan meta kien qed iżur l-aħħar xogħlijiet ta’ restawr fuq din il-Knisja.
Il-ħsarat strutturali fuq il-binja ta’ din il-Knisja kienu elaborati u minħabba n-natura tax-xogħol kif ukoll il-kobor tal-Knisja, l-proċess tar-restawr kellu jieħu numru ta’ xhur sabiex jitlesta. Il-ħsarat kienu jinkludu ċaqlieq strutturali, diversi forom ta` tmermir, u depositi ta’ ħmieġ u formazzjoni ta` skorċa sewda. Din is-sitwazzjoni hija riżultat ta` diversi sitwazzjonijiet li l-istruttura tal-Knisja kienet u għadha suġġetta għalihom. Matul l-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija, l-inħawi tal-Knisja ġew attakkati diversi drabi, tant li kważi l-istrutturi kollha ta` madwar din il-Knisja twaqqgħu. Għalkemm il-Knisja ta` Sarria ma ntlaqtetx, il-blast tal-attakki kkawżalha ċaqlieq sinifikanti.
Il-Ministru spjega li minn studji dettaljati, ġie konkluż li l-ġebla li ntużat għall-kostruzzjoni tal-Knisja hija waħda nferjuri, b’kontenut qawwi ta’ materjal tafli, liema materjal qiegħed jikkontribwixxi għat-tmermir sinifikanti hekk evidenti f’din il-Knisja. Ħsarat konsiderevoli oħrajn kienu qegħdin jiġu kkawżati minħabba nuqqas ta` manutenzjoni u primarjament infiltrazzjoni ta` ilma tax-xita minn ġol gwarniċun ta` taħt il-koppla. L-effett tad-dħaħen minn exhaust ta’ vetturi u elementi ambjentali oħra, ukoll jaffettwaw ħażin il-kundizzjoni tal-ġebla.
Għaldaqstant ir-restawr li sar mill-ħaddiema tat-Taqsima tar-Restawr fi ħdan id- Divizjoni tax-Xogħlijiet kien wieħed delikat li ndirizza d-diversi problemi bl-inqas impatt. Filwaqt li ġie rikonoxxut il-fatt li għandhom jiġu rispettati l-linji arkitettoniċi oriġinal tal-Knisja, li kienet iddisinjata mill-arkitett Mattia Preti, inħass li l-bdil tal-ġebel immermer kellu jkun minimiżżat kemm teknikament possibli.
It-tindif tal-ġebla sar kollu bl-idejn. Fejn kien hemm l-iskorċa sewda il-proċess kien wieħed aktar laborjuż u kkomplikat. It-taħlita użata kienet tikkonsisti f’ilma ddistillat, trab tal-karta u kwantitajiet żgħar ta` ammonium bicarbonate. Dan kien jiġi applikat fuq il-ġebla f’forma ta` impakki li kienu jitħallew biex irattbu l-ħmieġ għal mhux iktar minn kwarta, wara jitneħħew u l-ħmieġ imrattab jitnaddaf permezz ta` xfafar kirurġiċi żgħar. Minħabba l-kundizzjoni tal-ġebla, dan il-proċess ġieli ġie ripetut għal tlieta, erbgħa jew ħames darbiet. Ix-xogħlijiet kollha li saru, kellhom oġġettiv uniku biex filwaqt li l-integrita` strutturali oriġinali baqgħet mhux mittifsa, il-linji arkitettoniċi oriġinali ġew rikostruwiti u konservati.
Il-proċess tar-restawr kien jinkludi wkoll il-konsolidament u r-restawr tal-lavur u ta’ stemmi jew armi tal-familji, liema fatturi jiffurmaw parti mill-istorja tal-Knisja u li l-istess Knisja hi mżejjna bihom.
Wara li jintemm ir-restawr ser tiġi mibnija bankina adekwata mad-dawra tal-Knisja u fiha ser tiġi nstallata sistema ġdida ta’ luminazzjoni bil-għan li l-estetika artistika tal-Knisja tispikka wkoll wara nżul ix-xemx.
Il-Ministru Ninu Zammit, filwaqt li tenna kliem ta’ apprezzament lejn il-ħaddiema nvoluti f’dan ir-restawr, ħeġġeġ lis-sezzjoni tar-restawr kollha sabiex kif sar fl-aħħar erba’ snin, id-dedikazzjoni lejn ir-restawr tal-wirt storiku ta’ pajjiżna jibqa miexi fuq ir-ritmu li qabad u x-xogħlijiet isiru fuq l-ogħla livelli possibli.
Il-ħidma minn din is-sezzjoni hija waħda ntensiva u l-lista ta’ xogħlijiet ippjanati għal matul din is-sena hija waħda konkreta u ambizzjuża. Fost ix-xogħlijiet li għaddejjin, hemm ir-restawr u l-konservazzjoni tal-Knisja l-Qadima fis-Siggiewi, il-Kappella tal-Grazzja fil-Qrendi, il-Kappella tas-Salvatur fil-Kalkara, il-Librerija Nazzjonali fil-Belt Valletta, Il-Kappelli ta’ San Mikiel u San Bażilju fl-Imqabba, u r-restawr u l-konsolidament tal-Bastjun ta’ Santa Barbara fil-Belt Valletta.
Knisja ta’ Sarria, Furjana
Nota Storika
Il-Knisja ddedikata lill-Immakulata Kuncizzjoni fil-Furjana hija waħda mill-aktar monumenti votivi importanti f’Malta. Il-Knisja eżistenti tinstab fuq l-istess post ta’ Knisja oħra bl-istess dedikazzjoni u li kienet inbniet mill-kontribuzzjonijiet ġenerużi ta’ Fra Martino Sarria fis-sena 1571. F’dak iż-żmien, il-bini tal-belt fortifikata Valletta kien għadu fil-bidu tiegħu filwaqt li l-fortifikazzonijiet tal-Furjana kienu anqas biss għadhom huma pjantati.
Il-Knisja preżenti hija tradizzjonalment attribwita lil Lorenzo Gafa. Imma fuq studju li sar minn Vincenzo Bonello din il-Knisja issa hija attribwita aktar fiż-żgur lil Mattia Preti. Il-ħsieb li kellha tinbena oriġina fil-laqgħa tal-Kunsill ta’ l-Ordni fil-15 ta’ April 1676 meta l-Kongregazzjoni kienet iltaqgħet minħabba t-tbatijiet ikkaġunati mill-pesta li sa l-aħħar ta’ l-istess sena ħasdet 6700 ruħ.
L-ewwel ġebla tal-Knisja ġiet imqiegħda mill-Granmastru fit-8 ta’ Diċembru ta’ l-istess sena quddiem ferħ kbir ta’ folla mdaqqsa li kienet għadha kemm ġiet meħlusa mill-ħruxijiet tal-pesta.
Il-Knisja ta’ Sarria hija eżempju uniku ta’ unita` artistika fejn it-trattament tal-ġewwieni tagħha jikkumplimenta ħafna dak ta’ barra. Madankollu, llum il-Knisja ma tistax tiġi aktar apprezzata fis-sbuħija totali tagħha daqs kemm meta kienet għada ġiet mibnija minn Preti. Fil-bidu tas-seklu dsatax il-lanterna ta’ fuq il-koppla ġiet żarmata u minħabba f’hekk l-estetika tal-Knisja tilfet mis-sbuħija ta’ l-estetika oriġinali li kellha.
DOI – 23.01.2007
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958