Left arrow Mur Lura

IL-MINISTRU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN JINDIRIZZA LILL-KONSLI MALTIN

PR0081
Date Icon 23/01/2007

Fil-laqgħa annwali tiegħu mal-Konsli Maltin li jirrappreżentaw pajjiżi barranin f’Malta, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Michael Frendo qal li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qed jaħdem biex tonqos il-kontestazzjoni fuq iż-żoni fejn Malta tista’ tesplora għaż-żejt. 

Hu kkalkolat li madwar 70% taż-żona li Malta ssostni li tista’ tagħmel esplorazzjoni għaż-żejt fiha, hi kontestata minn xi pajjiż ieħor. Għalhekk il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qed jaħdem biex dawn il-kontestazzjonijiet jonqsu u pajjiżna jkollu żona akbar fejn jista’ jfittex għaż-żejt mingħajr tfixkil.  Il-Ministeru qed jagħmel din il-ħidma għax hekk jitlob l-interess tal-pajjiż. 

Il-lum it-tema ta’ l-enerġija tinsab ’l fuq ħafna fuq l-aġenda ta’ diversi pajjiżi u ta’ l-Unjoni Ewropea.  L-enerġija u l-produzzjoni tagħha huma importanti ħafna għall-pajjiżna u għalhekk pajjiżna għandu jfittex sorsi alternattivi ta’ enerġija u jassigura li l-poplu tagħna jkollu provvista sigura ta’ enerġija. 

Fil-bidu tal-laqgħa, is-Sur Maurice Mizzi, f’isem id-Dekan tal-Korp tal-Konsli, faħħar il-ħidma tal-Ministru Frendo u tal-Ministeru li jmexxi, matul is-sena li għaddiet u b’mod partikolari għax-xogħol siewi li sar fuq il-problema ta’ l-immigrazzjoni illegali.   

Huwa qal li l-Konsli li jirrappreżentaw pajjiżi barranin f’Malta daħlu għal impenn biex tul din is-sena, iġib f’Malta almenu delegazzjoni kummerċjali minn kull pajjiż li jirrappreżentaw u jlaqqgħu industrijalisti Maltin ma’ dawn id-delegazzjonijiet bil-ħsieb li jkun hemm ftehim u investiment bi sħab f’pajjiżna. 

Fid-diskors tiegħu l-Ministru Frendo saħaq dwar ir-rwol importanti li għandhom il-konsli billi dawn jirrappreżentaw l-interessi ta’ pajjiżi barranin f’pajjiżna.  Malta hi pajjiż żgħir u aktar ma jkollna rappreżentanzi ta’ pajjiżi barranin fostna aktar inkunu nistgħu nilħqu pajjiżi oħra. Hu rringrazzja lill-Konsli għas-servizz utli li jagħtu lill-pajjiż. 

Dwar l-Immigrazzjoni illegali l-Ministru għall-Affarijiet Barranin qal li matul is-sena li għaddiet saret ħidma kbira minn Malta li wasslet lill-Unjoni Ewropea biex tindirizza hi wkoll din il-problema. Bil-ħidma tagħha Malta uriet li anke pajjiż żgħir jista’ jagħti kontribut importanti madwar il-mejda tad-diskussjoni. 

F’dan ir-rigward ta’ min ifakkar ukoll li issa reġgħu bdew ikunu riattivati diversi arranġamenti ma’ pajjiżi barranin li jieħdu immigranti minn pajjiżna biex isibu futur f’pajjiżhom.  Dawn l-arranġamenti kienu waqfu malli Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea u issa qed jerġgħu jitħaddmu. 

Il-Ministru Frendo faħħar ukoll il-ħidma ta’ l-uffiċjali fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin li minkejja li huma ftit fin-numru huma nies kapaċi u dedikati li qed jagħmlu xogħol li pajjiżi oħra jagħmlu b’ħafna aktar impjegati.  Bħalissa għaddej proċess ta’ reklutaġġ ta’ persuni fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u meta jingħażlu n-nies meħtieġa dawn ikunu jistgħu jaħdmu aktar mill-qrib mal-konsli fl-interess ta’ pajjiżna u dawn il-pajjiżi li l-konsli jirrappreżentaw f’Malta.

DOI  23.01.2007

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow