Il-YADA jippreżentaw Circle of Senses
Il-YADA qegħdin din is-sena jippreżentaw Circle of Senses fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi bejn is-16 u t-18 ta’ Frar, u bejn it-23 u l-25 ta’ Frar. Din il-produzzjoni qed issir taħt l-awspiċi tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u b’kollaborazzjoni ma’ l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta. Il-korjografi ta’ din il-preżentazzjoni huma Felix Busuttil, Daron Galea, Justin Roy Barker u Vivienne Fielding Refalo flimkien ma’ Theresa Kerr, Ingliża ta’ fama f’dan il-qasam.
Il-YADA Dance Company (Young Actors and Dancers Association) twaqqfet fl-1984 u minn dak iż-żmien ppreżentat produzzjonijiet teatrali mill-aqwa li jinkludu Dance Spectacular, Firedance, Era, Tango, Minestrone, Christus, Phanton, Dirty Dancing u Madonna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech nieda l-produzzjoni Circle of Senses waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret fil-lukanda ġdida Le Meridien St Julians, il-Balluta, San Ġiljan.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-kultura kienet tiġbor fiha sensiela wiesgħa ta’ attivitajiet li jinkludu anke l-produzzjonijiet teatrali. Hu qal li tul l-aħħar 22 sena il-YADA tellgħet produzzjonijiet kbar li kienu ta’ sodisfazzjon mhux biss għal dawk li ħadmu fihom iżda wkoll għal dawk li segwewhom.
Il-Ministru għat-Turżimu u Kultura qal li pajjiżna, minkejja li kellu popolazzjoni ta’ 400,000, kien mimli talent. Hu qal li l-YADA ma kenux neqsin mit-talent kif juru l-produzzjonijiet li jtellgħu kull sena u li huma segwiti minn mijiet ta’ nies.
Il-Ministeru Zammit Dimech qal li kull sena l-YADA jipproduċu xi ħaġa differenti. Hu qal li il-produzzjoni ta’ din is-sena kienet mibnija madwar id-dinja istintiva tas-sensi umani. Hu qal li l-produzzjoni ta’ din is-sena hu vjaġġ f’dinja ta’ kuluri, senswalita’, imħabba, biża’ u s-sitt sens.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li anke l-produzzjonijiet tal-YADA huma llum parti mill-kalendarju rikk ta’ attivitajiet kulturali ta’ pajjiżna. Hu qal li l-fatt li dawn l-attivitajiet kienu qed jiżdiedu hu indikazzjoni ċara li r-rinaxximent kulturali f’pajjiżna hu wieħed reali, xprunat mix-xewqa tal-poplu li jsegwi dejjem aktar produzzjonijiet lokali. Hu qal li iż-żieda f’dawn l-attivitajiet qed tkabbar il-kompetizzjoni bejn il-kumpanniji Maltin u allura l-kwalita’.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dawn il-produzzjonijiet qed ikomplu jagħmlu minn pajjiżna destinazzjoni ta’ attivitajiet ta’ kwalita’ u dan kien qed jikkontribwixxi biex nattiraw lejn Malta u Għawdex aktar turisti li ma’ jiġux biss għax-xemx, baħar u ramel iżda li jkunu jridu xi ħaġa differenti.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Ministeru tiegħu, flimkien ma’ l-Awtorita’ għat-Turżimu ta’ Malta, kien ser ikompli jgħin attivitajiet bħal dawn għaliex kien jemmen fil-kontribut tagħhom biex ikompli jikber ir-rikonixximent kulturali fost il-Maltin u l-barranin li jżuruna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura rringrazzja lil kull min qed jieħu sehem f’din il-produzzjoni, awguralhom kull suċċess filwaqt li stieden lill-poplu Malti u Għawdxi biex jappoġġjawhom permezz tal-preżenza tiegħu għal dawn il-wirjiet.
DOI - 23.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958