PREŻENTAZZJONI TA’ ARTEFATTI LILL-MUŻEW NAZZJONALI TA’ L-ARKEOLOĠIJA
Il-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arkeoloġija fl-Auberge de Provence fil-belt Valletta jiġbor kollezzjoni ta’ artefatti li tmur lura għall-perijodi uniċi ta’ prestorja ta’ Malta bl-ewwel nies li kienu jgħixu f’Għar Dalam 5200 sena Qabel Kristu sal-fażi Tarxien (2500 QK).
L-Auberge de Provence kienet waħda mill-ewwel binjiet fil-belt Valletta li telgħet f’tarf is-Seklu 16 wara l-Assedju l-Kbir ta’ Malta. Il-Mużew ta’ l-Arkeoloġija, hu amministrat minn Heritage Malta li qed tinvesti fl-iżvilupp kontinwu tal-mużewijiet u siti preistoriċi u storiċi. Fis-sala ta’ fuq tal-Mużew ta’ l-Arkeoloġija bħalissa qed jitwettaq proġett għall-konservazzjoni u l-katolegar ta’ l-esebiti ta’ Żmien il-Bronz. Is-sena li għaddiet żaru dan il-Mużew 83,000 persuna.
Il-kollezzjoni fil-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arkeoloġija tagħti gwida ta’ x’jista’ jsib min ikun irid iżur is-siti preistoriċi ta’ pajjiżna u l-ħila ta’ dawk li bnew it-tempji megalitiċi eluf ta’ snin ilu.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, f’isem Heritage Malta, ġie ppreżentat kollezzjoni ta’ artefatti arkeoloġiċi Rumani u Puniċi mill-Kommendatur Joseph Sammut li wirithom mingħand żijuh Ġanni Sammut li kienet tinteressah ħafna l-istorja ta’ Malta u ta’ dak kollu li hu Malti.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li Malta kienet vetrina tal-preistorja u ta’ żminjiet li jmorru lura aktar minn 7000 sena. Hu qal li t-tempji preistoriċi li għandna f’pajjiżna kienu uniċi tant li ġew dikjarati mill-UNESCO bħala wirt komuni ta’ l-umanità. Hu qal li dan il-wirt uniku kien iqiegħed fuqna responsabbiltà kbira u għahekk mhux biss ridna nħarsu dak kollu li għandna iżda ridna nagħmlu ħilitna biex inkomplu nkabbru dan il-wirt permezz ta’ aktar skavi, kif fil-fatt qiegħed isir, u anke b’żieda ta’ artefatti fil-mużewijiet ta’ pajjiżna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li il-kollezzjoni li l-Kommendatur Joseph Sammut kien qed jippreżenta lill-Mużew ta’ l-Arkeoloġija kienet tinkludi ġebla b’iskrizzjoni semitika, siġill tal-bronz bi kliem bl-Għarbi, statwetti Egizzjani tal-bronz, diversi items ta’ ġojjelerija, buqar ta’ żmien il-bronz u mgħarfa taċ-ċeramika li probababilment tmur lura għal żminijiet preistoriċi.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li din il-kollezzjoni kienet żieda importanti mal-wirja kbira ta’ artefatti li hemm fil-Mużew ta’ l-Arkeoloġija.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura rringrazzja lill-Kommendatur Joseph Sammut għal din id-donazzjoni u għall-ispirtu ċiviku li wera meta għażel li kollezzjoni hekk importanti jippreżentaha lill-Patrimonju Malta.
DOI – 22.01.2007
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958