Left arrow Mur Lura

Kunċert minn Miriam Gauci flimkien ma’ l-Orkestra Nazzjonali

PR0071
Date Icon 22/01/2007

“F’dawn l-aħħar snin il-ħidma ta’ l-Orkestra Nazzjonali kibret b’tali mod li llum din l-Orkestra m’għadhiex aktar il-patrimonju tal-ftit, iżda saret tal-Maltin kollha ta’ kull eta’ li jaraw fiha l-mezz kif tinxtered il-kultura tal-mużika fost il-poplu Malti u fost il-barranin.” 

Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet fil-lukanda Hilton, San Ġiljan fejn nieda l-Kunċert ta’ Miriam Gauci flimkien ma’ l-Orkestra Nazzjonali li ser jittella’ nhar is-Sibt 3 ta’ Marzu. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Orkestra Nazzjonali permezz tal-ħidma tagħha kienet qed tagħti ġieħ lil kompożituri Maltin. Hu qal li s’issa diġa’ saru kunċerti b’mużika ta’ kompożituri Maltin, fosthom Nicolò Isouard, Paolino Vassallo, Carlo Diacono u Carmelo Pace. Hu qal li matul din is-sena l-Orkestra Nazzjonali ser tkompli tagħti ġieħ lil kompożituri Maltin li għamlu isem f’pajjiżna u ’l bogħod minn xtutna. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li tul iż-żminijiet pajjiżna kien ukoll mogħni b’kantanti kbar li għamlu isem lokalment u barra minn Malta. Hu qal li llum ukoll nistgħu niftaħru b’numru ta’ kantanti kbar li jagħmlulna unur. Hu semma fost dawn lit-tenur Joseph Calleja u lis-sopran Lydia Caruana li tat presentazzjoni mill-aqwa flimkien mal-kantant Taljan Andrea Bocelli. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li isem ieħor kbir fost il-kantanti Maltin kienet is-sopran Miriam Guaci. Hu qal li Miriam Gauci kienet tgawdi minn karriera u reputazzjoni internazzjonali  b’wirjiet fl-aqwa teatri ta’ l-Ewropa u l-Istati Uniti. Hu qal li meta tqis kemm din is-sopran hi mitluba biex tkanta barra pajjiżna, il-kunċert li ser tagħti flimkien ma’ l-Orkestra Nazzjonali f’Marzu jieħu sinifikat partikolari. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li din kienet opportunità oħra għall-poplu Malti biex jisma’ vuċi hekk qawwija u fl-istess waqt ġentili waqt kunċert ‘live’. Hu qal li ma kellux dubbju li l-Orkestra Nazzjonali kienet ser takkompanja bl-aktar mod professjonali lil Miriam Gauci. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura rringrazzja lic-Chairman u lill-Bord tad-Diretturi għall-ħidma tagħhom b’risq il-kultura mużikali Maltija. Hu qal li f’din il-ħidma l-Orkestra Nazzjonali kienet qed tagħmel l-aħjar użu minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea. Hu qal li l-Orkestra Nazzjonali permezz tal-Leonardo Da Vinci mobility programme fi ħdan il-qafas ta’ Kultura 2000 ta’ l-UE kienet qed twettaq proġett flimkien mal-Brno Philarmonie bħala sieħeb fil-proġett. Hu qal li dan il-proġett involva 10 mużiċisti f’sessjonijiet ta’ kunċerti u żewġ kunċerti mal-Brno Philharmonie f’Awissu 2006 matul il-Festival ta’ Spilberk.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Orkestra Nazzjonali kienet żviluppat  ukoll koperazzjoni ma’ l-Orchestra Sinfonica di Pesaro; l-Orkestra u l-Kor Sinfoniku ta’ Milan La Verdi; u l-Orkestra u l-konservatorju Svizzera Italiana. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kien persważ li l-Orkestra Nazzjonali kienet vetrina tal-kultura mużikali ta’ pajjiżna li kienet ukoll tikkontribwixxi lejn li nkomplu ngħollu l-prodott turistiku tagħna.

DOI - 22.01.2007

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow