Suċċess akbar milli kien mistenni
“Is-suċċess tan-‘Notte Magica’ kien wieħed akbar milli kien mistenni. Dan jirriżulta mill-kummenti li taw dawk li ġew intervistati mir-‘Research & Business Planning Unit’ ta’ l-Awtorita’ għat-Turiżmu ta’ Malta li minn eżerċizzju li għamlet jirriżulta li l-madwar 50,000 li kienu preżenti għal dan l-avveniment nefqu bejniethom Lm838,500. Jirriżulta wkoll li kważi nofs dawk li daħlu għan-Notte Magica – 46.5 fil-mija – kienu diġa attendew għan-Notte Bianca filwaqt li 53.5 fil-mija kienu familji li kważi 30 fil-mija minnhom kienu bit-tfal.”
Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet fil-lukanda Hilton, fejn ta r-riżultati ta’ stħarriġ li sar mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar it-Turiżmu wara l-organinizzazzjoni tan-Notte Magica fil-belt Valletta. Kienu preżenti għal din il-konferenza ta’ l-aħbarijiet rappreżentanti tal-Korp tal-Pulizija; ta’ NnG Promotions; l-Awtorita’ dwar it-Trasport; l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku; il-Protezzjoni Ċivili; il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti u Dr Paul Borg Olivier, Sindku tal-belt Valletta.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li jirriżulta bl-aktar mod ċar li l-poplu hu għatxan għal attivitajiet bħal dik tan-Notte Magica. Hu qal li minn dawk kollu li wieġbu għall-istħarrig kollha kkumentaw li Notte Magica għandha tidħol fil-kalendarju ta’ attivitajiet, filwaqt li 97.1 fil-mija wieġbu li kienet l-intenzjoni tagħhom li jattendu għal din l-attivita’ darba terġa tiġi organizzata. Hu qal li fost dawk li wieġbu hemm min jixtieq li avvenimenti bħal dawn ikunu organizzati f’lokalitajiet differenti, li jkunu mifruxa fuq aktar jiem u li jkun hemm aktar attivitajiet għat-tfal.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li anke jekk daħlu inqas nies il-Belt dawn nefqu aktar. Hu qal li filwaqt li fin-Notte Bianca dawk li daħlu l-Belt nefqu ‘on average’ Lm10.85, li minnhom Lm8.57 kienu f’ikel u xorb, għan-Notte Magica, n-nefqa ‘on average’ kienet ta’ Lm16.77 li Lm10.92 minnhom kienu fuq ikel u xorb u l-bqija, Lm5.85 kien għal affarijiet oħra. Il-Ministru Zammit Dimech innota li n-nefqa akbar kienet minħabba li kien hemm aktar ristoranti u kiosks ta’ l-ikel miftuħa u anke għaliex kien hemm aktar ħwienet miftuħa li kellhom ukoll prezzijiet speċjali u skonti. Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li fatt ieħor inkoraġġanti kien l-maġġoranza assoluta ta’ dawk intervistati kellhom rimarki pożittivi dwar l-ambjent u l-atmosfera (93 fil-mija); dwar l-post (96 fil-mija); dwar l-attivitajiet kulturali u ta’ divertiment (88 fil-mija) u esperjenza (94 fil-mija).
Il-Ministru Zammit Dimech qal li r-rimarki pożittivi dwar din l-attivita’ kienu ħafna. Hu qal li l-maġġoranza ta’ dawk intervistati (38 fil-mija) tkellmu b’mod pożittiv dwar l-organizzazzjoni. Hu qal li rimarki pożittivi oħra kienu dwar l-attivitajiet organizzati (14%), l-atmosfera ġenerali (13%), il-promozzjoni tal-Belt Valletta filgħaxija (10%), organizzazzjoni aħjar minn dik tan-Notte Bianca (6%), esperjenza ġdida (4%) u trasport pubbliku organizzat tajjeb (3%).
Il-Ministru Zammit Dimech qal li jirriżulta bl-aktar mod ċar li l-kampanja li saret biex il-poplu Malti u Għawdxi juża t-trasport pubbliku kienet suċċess. Hu qal li filwaqt li għan-Notte Bianca 26.6 fil-mija użaw it-trasport pubbliku, fin-Notte Magiċa kien hemm 52.1 fil-mija, jew kważi d-doppju, li wżaw it-trasport pubbliku. Hu qal li l-użu tat-trasport pubbliku – li ħadem b’mod tajjeb ħafna – kien kontribut importanti biex din il-lejla kienet waħda mingħajr inċidenti. Hu rringrazzja lil kull min ikkontribwixxa biex it-trasport pubbliku ħadem hekk tajjeb u lil kull min għen biex din il-kampanja kienet suċċess, l-aktar lill-ġurnali fejn irriżulta bl-aktar mod ċar li kellhom sehem importanti u effettiv fil-komunikazzjoni ta’ din l-attivita’. Hu qal li 40 fil-mija ta’ dawk kollha li attendew saru jafu dwar din l-attivita’ mill-gazzetta, 25 fil-mija mill-ħbieb u qraba, u 24 fil-mija oħra minn brochures u posters.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li attivitajiet bħal dawn, li hu kien qed jaħdem biex isiru b’mod aktar regolari, kienu joħorġu lill-poplu Malti u Għawdxi minn daru u jgħaqqduh f’divertiment li kien jappella għal kulħadd. Hu qal li dawn l-avvenimenti kienu wkoll ta’ attrazzjoni turistika peress li ħafna minn dawk li jkunu qed jieħdu vaganza fostna jagħżlu li jingħaqdu mal-Maltin f’lejla ta’ divertiment mill-aqwa.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura rringrazzja lil kull min ta l-kontribut tiegħu biex din l-attivita’ kienet suċċess. Hu irringrazzja lill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, lill-Kunsill Lokali tal-Belt, lill-Valletta Alive Foundation, lill-NnG Promotions, lill-Korp tal-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u għaqdiet voluntarji fosthom ta’ tobba u infermieri. Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja wkoll lit-tliet baned li ħadu sehem, mużiċisti, kantanti u gruppi.
DOI - 20.01.07
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958