INKOMPU NSAĦĦU U NĠIBU ’L QUDDIEM IL-LINGWA MALTIJA
“Illum huwa jum importanti għall-ilsien Malti għax kull min jistudjah jew jużah fix-xogħol tiegħu qed ikun mitlub jipparteċipa u jagħti fehemtu f’seminar fuq il-kitba Maltija.” Hekk qal il-Ministru Louis Galea huwa u jiftaħ seminar ta’ ħames sigħat f’lukanda ewlenija Tas-Sliema, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti.
Is-seminar kien fuq il-varjanti, jiġifieri kliem li s’issa għadna nistgħu niktbuh b’żewġ modi, bħal fil-għodu (bis-sing) u filgħodu (kelma waħda), m’hux (bl-appostrofu) u mhux (kelma waħda). Il-varjanti jistgħu jfixklu l-istudenti li jaraw l-istess kelma spelluta differenti fil-kotba. Ifixklu wkoll, u mhux ftit, lit-tradutturi u l-ġurnalisti li jaħdmu fi gruppi kbar għax mhux dejjem jaqblu kif għandhom jiktbu l-istess kelma. Dan jgħodd iktar issa li l-Malti dieħel dejjem iktar fid-dinja ta’ l-informatika u jintuża fil-kompjuter.
Fi kliem il-Ministru Louis Galea, il-Gvern kien ilu jixtieq li, f’qasam importanti għall-identità nazzjonali bħalma hu l-ilsien Malti, kull min jista’ jagħti sehmu jagħtih u jiġbed ħabel wieħed. Il-Ministru nnota b’sodisfazzjon il-ħidma tal-Kunsill biex iġib flimkien lil min jaħdem għal ilsienna u l-kontribut ta’ tletin ruħ – lingwisti, tradutturi, kittieba u għalliema – li laqgħu l-istedina tal-Kunsill biex juru fehmithom fuq il-kitba Maltija. Din il-kollaborazzjoni bejn “il-ħaddiema tal-Malti” hija prova oħra ta’ kemm kien għaqli l-Gvern meta waqqaf il-Kunsill tal-Malti.
Il-Kunsill huwa organizzazzjoni governattiva u twaqqaf bil-Liġi tal-Lingwa, bi qbil unanimu fil-Parlament Malti, bil-missjoni li jġib il-Malti ’l quddiem u jsaħħu fl-oqsma kollha tal-ħajja.
Il-Prof. Manwel Mifsud, president tal-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti, qal li l-varjanti m’humiex fenomenu ta’ lsienna biss, insibuhom fil-lingwi kollha, imma peress li l-kitba Maltija għadha żagħżugħa meta nqabbluha ma’ tal-lingwi l-kbar, l-għadd ta’ varjanti fil-Malti għadu kotran.
Biex jiddeċiedi fuqhom bil-galbu, il-Kunsill tal-Malti għamel ġabra kbira ta’ varjanti u talab għadd ta’ operaturi tal-Malti (lingwisti, tradutturi, qarrejja tal-provi, eċċ.) jikkummentaw fuqhom. Barra minn hekk, illum organizza dan is-seminar biex jagħti opportunità lil kulħadd isemma’ leħnu u jesprimi l-preferenzi tiegħu.
Għal din il-laqgħa kien hemm 140 ruħ, fosthom lingwisti, kittieba, tradutturi u għalliema, kif ukoll tradutturi minn Frankfurt, il-Lussemburgu u Brussell u numru ta’ nies li qed iħaddmu l-Malti f’oqsma li mhumiex marbutin mal-lingwa bħal periti u spiżjara. Matul is-seminar tqassam ktieb ta’ 200 paġna, “Innaqqsu l-Inċertezzi: Il-Varjanti Ortografiċi” li jiġbor il-fehmiet ta’ tletin ruħ li huma magħrufin fil-qasam tal-Malti jew li kitbu kemm-il darba fuq is-suġġett.
Issa jmiss li l-Kunsill jaħtar grupp żgħir ta’ lingwisti esperti kkwalifikati biex jistħarrġu l-fehmiet kollha u jiddeċiedu liema varjanti se jkunu aċċettati u liema se jinqatgħu. Id-deċiżjonijiet se jixxandru fil-Gazzetta tal-Gvern u se jkunu uffiċjali u jorbtu lil kulħadd. Barra minn hekk, il-Kunsill se jwassalhom lill-għalliema, it-tradutturi, l-istudenti, l-eżaminaturi u l-kittieba permezz ta’ pubblikazzjoni uffiċjali u sensiela ta’ laqgħat.
DOI – 20.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958