47 ĦANUT JINGĦATAW IL-MARKA FAIR
Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi s-Sur Tonio Fenech illum qassam il-marka FAIR lil sitt ħwienet ġewwa il-Belt Valletta waqt mixja li matulha iltaqa mas-sidien tal-ħwienet u r-ristoranti fejn tkellem magħhom fuq il-preparamenti meħtieġa sabiex huma jkunu jistaw jaqilbu l-operat tagħhom sabiex jaħdmu bil-munita ewro fl-1 ta’ Jannar 2007.
Minn mindu ġiet inawgurata l-iskema FAIR, l-Osservatorju dwar l-Ewro ġewwa l-Ministru tal-Finanzi irċieva mal-950 applikazzjoni minn diversi kumpaniji u sidien ta’ ħwienet minn kull settur tan-negozju. Illum, l-Osservatorju dwar l-Ewro qed isieħeb miegħu sebgħa u erbgħin-il negozju li wħud minnhom għandhom aktar minn ħanut wieħed.
Meta wieħed jingħata il-marka FAIR, ikun iffisser illi s-sid tal-ħanut jew negozju ikun qed jikkommetti ruħu li mhux ser jgħolli il-prezzijiet minħabba l-introduzzjoni ta’ l-ewro, filwaqt li jkun beda juri l-prezzijiet biż-żewġ muniti kif suppost u skont ir-rata tal-kambju stabbilita’. Barra min hekk, kull min jagħżel li jixtri mingħand il-ħwienet li juru il-marka FAIR, jistgħu jserħu rashom li l-infomazzjoni li ser jiċievu dwar l-ewro ser tkun informazzjoni tajba peress li l-impjegati ser ikunu mħarrġa minn uffiċjali tal-Kumitat Nazzjonali għall-bidla għall-ewro.
Il-Segretarju Parlamentari, s-Sur Tonio Fenech, qal li din l-inizjattiva għandha l-appoġġ tal-għaqdiet kollha tan-negozju, u dan għaliex hemm impenn minn dawn l-għaqdiet sabiex ma jiġix tollerat l-abbuż fil-prezzijiet waqt il-proċess tal-bidla. Huwa qal li mhuwiex fl-intess tan-negozji Maltin li jiżdiedu l-prezzjijiet peress li bl-introduzzjoni ta’ l-ewro wieħed ser ikun jista jikkompara l-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi ma’ l-prezzijiet ta’ kompetituri oħrajn fiż-żona ewro. Barra min dan, qal s-Sur Tonio Fenech, il-konsumatur bl-għajnuna tad-dual display tal-prezzijiet, ser jinduna mill-ewwel bil-każijiet ta’ fejn il-prezzjiet għolew u dan ċertament iwassal għal nuqqas ta’ bejgħ mingħand dak il-ħanut li jkun iddeċieda li jabbuża.
Matul dawn l-aħħar ġimgħat, sebgħin uffiċjal bdew iżuru u jitkellmu ma’ sidien tal-ħwienet ġewwa Malta u Għawdex, u jidher b’mod ċar li s-sidien tal-ħwienet huma entużjażmati bil-munita l-ġdida u jridu jsegwu l-prattiċi tajbin tan-negozju matul il-bidla. Is-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech, ammetta li s-suċċess tal-FAIR huwa sorpriża kbira għall-Gvern għaliex fi żmien daqshekk qasir minbarra li waslu għand l-Osservatoru dwar l-ewro mad-950 applikazzjoni għas-sħubija, saru ‘l fuq minn 820 telefonata fuq il-Linja Ewro 154 minn ażjendi jew ħwienet li huma interessati li jissiebu.
“Dan huwa inkoraġġanti anki għall-konsumatur, għax ifisser li l-konsumatur Malti u Għawdxi għandu meżż ta’ kif ikabbar il-fiduċja tiegħu fil-bidla għall-ewro u jneħħi kull biża li l-introduzzjoni ta’ l-ewro tista tgħolli l-prezzijiet. Inħeġġeġ wkoll sabiex il-konsumaturi jagħtu każ ta’ dawk il-ħwienet li jġorru l-marka FAIR għax din hija garanżija li qed jiġu segwiti l-pariri tal-Kumitat Nazzjonali għall-Bidla għall-ewro.”
Is-Sur Tonio Fenech fakkar li permezz tar-regolamenti l-ġodda li ġew ippublikati ftit tal-ġranet ilu, issa ġie stabbilit li ħadd ma jista’ juża rata tal-kambju li mhix dik ir-rata l-uffiċjali. Huwa stqarr li l-NECC tirċeivi numru ta’ ilmenti mingħand il-konsumaturi, liema ilmenti qed jiġu mgħoddija għall-investigazzjoni mill-Ossevatorju dwar l-ewro. Hu qal li huwa ta’ sodisfazzjon li jinnota illi fil-każijiet kważi kollha, s-sidien tal-ħwienet li qed jitressaq lilhom l-ilment qiegħdin jikkoperaw u qiegħdin ibiddlu l-prezzijiet sabiex jirriflettu ir-rata tal-kambju t-tajba.
Dan kollu jfisser, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech, li fil-pajjiż teżisti attitudni pożittiva lejn il-bidla tal-munita għall-ewro, attitudni li jawgura li tibqa tiġi sostnuta matul din is-sena li ġejja – sena kruċjali li twassal lill-pajjiżna sabiex jagħmel il-pass li jmiss sabiex itemm l-integrażżżjoni tiegħu mal-ekonomija Ewropea.
DOI – 20.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958