Il-25 Anniversarju tal-Liċeo Mikiel Anton Vassalli
Il-Liċeo tas-subien Mikiel Anton Vassalli qed jiċċelebra l-25 anniversarju minn mindu nfetħu l-bibien tiegħu fl-1981. Il-Liċeo kien infetaħ b’inizjattiva tal-Ministru Philip Muscat u kellu bħala l-ewwel Kap tiegħu lis-Sur John Testa. Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-25 sena anniversarju illum saret serata mużiko-letterarja f'ġieħ Mikiel Anton Vassalli li għalih hija msemmija din l-iskola.
Il-Junior Lyceum M.A. Vassalli jinsab fil-limiti ta’ Ħal-Qormi f’kumpless li kien jintuża fi żmien is-servizzi Ngliżi mir-‘Royal Naval School’, u qabel serva bħala barracks għas-suldati. Il-kumpless ta’ bini tal-lum fil-fatt jikkonsisti f’numru ta’ nissan huts u bini ieħor. Bħalissa fl-istess kumpless qed tinbena skola kompletament ġdida li mistennija tkun lesta fi żmien qasir.
Fil-preżent il-liċeo jilqa’ fih madwar 900 student li ġejjin minn Qormi, Żebbuġ, Siġġiewi, Dingli, Rabat, Mtarfa, Attard, Naxxar, Mġarr, Burmarrad, Qawra, San-Pawl il-Baħar, Xemxija u Mellieħa. L-iskola, li toffri firxa wiesgħa ta’ suġġetti, timpjega 95 għalliem/a.
Ir-rabta tal-liċeo ma’ Mikiel Anton Vassalli tinsab fil-logo ta’ l-iskola li jgħid: "Xejn ħlief l-aħjar". Bħalma Vassalli ma ried xejn ħlief l-aħjar għall-Maltin, sew ta’ żmienu kif ukoll dawk li ġew wara, hekk ukoll l-iskola dejjem riedet li toffri xejn ħlief l-aħjar lill-istudenti tagħha, biex tippreparahom għall-ħajja bl-aktar mod komplet.
Waqt din iċ-ċelebrazzjoni, il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea beda biex sellem lill-fundaturi ta’ din l-iskola u lill-kapijiet, l-għalliema u l-ħaddiema kollha li ħadmu fiha f’dawn il-25 sena. Il-Ministru fisser li kulħadd jagħraf il-ġid kbir li wettqet din l-iskola f’dawn l-aħħar 25 sena ta’ tagħlim u formazzjoni. Infatti studenti ta’ din l-iskola sabu posthom fil-aqwa pożizzjonijiet u xogħol li toffri s-soċjetà Maltija.
Louis Galea qal li għalkemm se tagħlaq 25 sena, l-iskola għadha mimlija vitalita’ u enerġija u qed tħaddan il-bidliet li qed isiru fil-qasam edukattiv b’impenn u dedikazzjoni, fosthom fejn jidħlu attivitajiet extra-kurrikulari, inklużjoni, networking ma’ skejjel oħra u ż-żamma tad-dixxiplina fl-iskola b’lenti ffukata fuq il-mod ta’ kif isir it-tagħlim, fuq il-komunikazzjoni u d-diffikultajiet emozzjonali ta’ mġieba ta’ l-istudenti bl-għajnuna tal-Guidance and Counselling. Barra minn hekk il-liċeo ħadem ukoll fuq assessment policy ġdid bl-isem ta’ “From Assessment of Learning to Assessment for Learning”.
Matul is-snin il-liċeo żamm ukoll rapport tajjeb ħafna mal-ġenituri ta’ l-istudenti. Hu qal li l-Liċeo Vassalli issa hu parti minn Kulleġġ li jiġbor fih l-iskejjel primarji ta’ Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, Ħal Luqa u l-iskejjel sekondarji Dun Karm Psaila taż-Żebbuġ, Ġuże Galea ta’ Ħal Qormi, u l-liċeo Maria Reġina tal-Ħamrun.
Louis Galea qal li l-Gvern issa qed jibni skola ġdida u meta din titlesta, jibda l-immodernizzar ta’ din l-iskola. L-iskola l-ġdida se jkollha bini modern, b’riżorsi moderni għat-tagħlim ta’ llum, minn fejn tkun tista’ tkompli l-ħidma tagħha. Louis Galea qal li kien ilu jinħass il-bżonn ta’ din l-iskola l-ġdida u fil-bidu tas-sena 2006 beda x-xogħol ta’ skavar u f’Ġunju tpoġġiet l-ewwel ġebla.
Il-Ministru qal li sa ma jitlesta x-xogħol tal-bini ġdid, il-Form 1 ta’ dan il-Liċeo qegħdin fi skola f’tas-Sliema, pero’ kif kulħadd jista’ jara, l-bini ta’ l-iskola l-ġdid miexi b’ritmu mgħaġġel ferm, tant li l-istruttura tal-bini hi kważi lesta u saret ukoll l-ewwel fażi tal-faċilitajiet sportivi. Louis Galea qal li l-Gvern qed jinvesti tliet miljun lira Maltin f’din l-iskola biex din ikollha faċilitajiet mill-aqwa fuq l-istess livell, jew aħjar, ta’ l-iskola sekondarja tas-subien fil-Kulleġġ San Benedittu li nbniet f’Ħal Kirkop.
Mikiel Anton Vassalli twieled Ħaż-Żebbuġ fil-ħamsa ta' Marzu1764. Vassalli huwa l-aktar magħruf bħala Missier l-ilsien Malti minħabba l-kontribuzzjoni kbira li wettaq fil-bini u l-iżvilupp ta’ l-ilsien nazzjonali tal-poplu Malti. Vassalli kien mgħallem f'diversi lingwi fosthom it-Taljan, il-Grieg, il-Latin u kien professur ta' l-Għarbi Huwa studja ukoll Ruma, fl-Universita' ta' La Sapienza. Fl-1790 Vassalli ppubblika l-Alfabet Malti Mfysser byl Malti u bit-Taljan, Alfabeto Maltese spiegato in lingua Maltese e Italiana, fuq ktejjeb ta' 24 faċċata li kien mitbugħ fl-istamperija ta' Antonio Fulgoni. Vassalli kiteb ukoll l-ewwel dizzjunarju Malti li kien magħruf bħala "Lexicon" ippublikat fl-1796. Dan id-dizzjunarju kien fih madwar 18,000 kelma; kull kelma kienet spjegata bil-Latin imbagħad bit-Taljan. Dan l-aħħar il-Lexicon reġa ġie ppublikat minn Frans Sammut u mitbugħ fil-Marsa Press.
Vassalli kien spiċċa ċċensurat mill-Ordni u ħa sehem fir-rivoluzzjoni kontra l-Ordni ta' San Ġwann li saret fil-11 ta' Mejju, 1797. Dan il-pjan falla u ta’ dan weħel il-ħabs minn fejn ħarab fl-1798 għal Salerno u mbagħad għex għal xi żmien fi Franza. Vassalli rritorna Malta wara l-wasla tal-Franċiżi fl-1798. Fis-16 ta' Settembru ġie mogħti l-eżilju mill-Ingliżi. Vassalli ġie lura Malta fid-19 ta' Ġunju, 1820 u ħames snin wara ġie appuntat professur tal-Malti bl-għajnuna ta' John Hookman, li għenu wkoll sabiex jippubblika xi xogħlijiet minn tiegħu u jaqleb il-Bibbja għall-Malti. Fl-1827, ippubblika t-tieni edizzjoni ta' Il-Grammatika Maltija, u ktieb fuq l-idjomi Maltin b'iktar minn 863 entrata. Fl-1828 Vassalli marad serjament u miet fl-għodwa tat-12 ta' Jannar, 1829.
Illum il-ġurnata, Mikiel Anton Vassalli hu rikonoxxut bħala ħassieb u riformatur, li lemaħ fil-bogħod u sa minn kmieni l-qawmien tan-nazzjonalita’ Maltija. Hu mistenni li fl-24 u 25 ta' Mejju 2007, f’għeluq iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dan l-anniversarju, issir attività oħra kbira.
DOI – 19.01.2007
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958