Left arrow Go Back

Il-25 Anniversarju tal-Liċeo Mikiel Anton Vassalli

PR0064
Date Icon 19/01/2007

Il-Liċeo tas-subien Mikiel Anton Vassalli qed jiċċelebra l-25 anniversarju minn mindu nfetħu l-bibien tiegħu fl-1981. Il-Liċeo kien infetaħ b’inizjattiva tal-Ministru Philip Muscat u kellu bħala l-ewwel Kap tiegħu lis-Sur John Testa. Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-25 sena anniversarju illum saret serata mużiko-letterarja f'ġieħ Mikiel Anton Vassalli li għalih hija  msemmija din l-iskola.  

Il-Junior Lyceum M.A. Vassalli jinsab fil-limiti ta’ Ħal-Qormi f’kumpless li kien jintuża fi żmien is-servizzi Ngliżi mir-‘Royal Naval School’, u qabel serva bħala barracks għas-suldati.  Il-kumpless ta’ bini tal-lum fil-fatt jikkonsisti f’numru ta’ nissan huts u bini ieħor. Bħalissa fl-istess kumpless qed tinbena skola kompletament ġdida li mistennija tkun lesta fi żmien qasir. 

Fil-preżent il-liċeo jilqa’ fih madwar 900 student li ġejjin minn Qormi, Żebbuġ, Siġġiewi, Dingli, Rabat, Mtarfa, Attard, Naxxar, Mġarr, Burmarrad, Qawra, San-Pawl il-Baħar, Xemxija u Mellieħa. L-iskola, li toffri firxa wiesgħa ta’ suġġetti, timpjega 95 għalliem/a.  

Ir-rabta tal-liċeo ma’ Mikiel Anton Vassalli tinsab fil-logo ta’ l-iskola li jgħid: "Xejn ħlief l-aħjar". Bħalma Vassalli ma ried xejn ħlief l-aħjar għall-Maltin, sew ta’ żmienu kif ukoll dawk li ġew wara, hekk ukoll l-iskola dejjem riedet li toffri xejn ħlief l-aħjar lill-istudenti tagħha, biex tippreparahom għall-ħajja bl-aktar mod komplet. 

Waqt din iċ-ċelebrazzjoni, il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea beda biex sellem lill-fundaturi ta’ din l-iskola u lill-kapijiet, l-għalliema u l-ħaddiema kollha li ħadmu fiha f’dawn il-25 sena. Il-Ministru fisser li kulħadd jagħraf il-ġid kbir li wettqet din l-iskola f’dawn l-aħħar 25 sena ta’ tagħlim u formazzjoni. Infatti studenti ta’ din l-iskola sabu posthom fil-aqwa pożizzjonijiet u xogħol li toffri s-soċjetà Maltija.  

Louis Galea qal li għalkemm se tagħlaq 25 sena, l-iskola għadha mimlija vitalita’ u enerġija u qed tħaddan il-bidliet li qed isiru fil-qasam edukattiv b’impenn u dedikazzjoni, fosthom fejn jidħlu attivitajiet extra-kurrikulari, inklużjoni, networking ma’ skejjel oħra u ż-żamma tad-dixxiplina fl-iskola b’lenti ffukata fuq il-mod ta’ kif isir it-tagħlim, fuq il-komunikazzjoni u d-diffikultajiet emozzjonali ta’ mġieba ta’ l-istudenti bl-għajnuna tal-Guidance and Counselling. Barra minn hekk il-liċeo ħadem ukoll fuq assessment policy ġdid bl-isem ta’ “From Assessment of Learning to Assessment for Learning”.  

Matul is-snin il-liċeo żamm ukoll rapport tajjeb ħafna mal-ġenituri ta’ l-istudenti. Hu qal li l-Liċeo Vassalli issa hu parti minn Kulleġġ li jiġbor fih l-iskejjel primarji ta’ Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, Ħal Luqa u l-iskejjel sekondarji Dun Karm Psaila taż-Żebbuġ, Ġuże Galea ta’ Ħal Qormi, u l-liċeo Maria Reġina tal-Ħamrun.  

Louis Galea qal li l-Gvern issa qed jibni skola ġdida u meta din titlesta, jibda l-immodernizzar ta’ din l-iskola. L-iskola l-ġdida se jkollha bini modern, b’riżorsi moderni għat-tagħlim ta’ llum, minn fejn tkun tista’ tkompli l-ħidma tagħha. Louis Galea qal li kien ilu jinħass il-bżonn ta’ din l-iskola l-ġdida u fil-bidu tas-sena 2006 beda x-xogħol ta’ skavar u f’Ġunju tpoġġiet l-ewwel ġebla.  

Il-Ministru qal li sa ma jitlesta x-xogħol tal-bini ġdid, il-Form 1 ta’ dan il-Liċeo qegħdin fi skola f’tas-Sliema, pero’ kif kulħadd jista’ jara, l-bini ta’ l-iskola l-ġdid miexi b’ritmu mgħaġġel ferm, tant li l-istruttura tal-bini hi kważi lesta u saret ukoll l-ewwel fażi tal-faċilitajiet sportivi.  Louis Galea qal li l-Gvern qed jinvesti tliet miljun lira Maltin f’din l-iskola biex din ikollha faċilitajiet mill-aqwa fuq l-istess livell, jew aħjar, ta’ l-iskola sekondarja tas-subien fil-Kulleġġ San Benedittu li nbniet f’Ħal Kirkop. 

Mikiel Anton Vassalli twieled Ħaż-Żebbuġ fil-ħamsa ta' Marzu1764. Vassalli huwa l-aktar magħruf bħala Missier l-ilsien Malti minħabba l-kontribuzzjoni kbira li wettaq fil-bini u l-iżvilupp ta’ l-ilsien nazzjonali tal-poplu Malti. Vassalli kien mgħallem f'diversi lingwi fosthom it-Taljan, il-Grieg, il-Latin u kien professur ta' l-Għarbi Huwa studja ukoll Ruma, fl-Universita' ta' La Sapienza. Fl-1790 Vassalli ppubblika l-Alfabet Malti Mfysser byl Malti u bit-Taljan, Alfabeto Maltese spiegato in lingua Maltese e Italiana, fuq ktejjeb ta' 24 faċċata li kien mitbugħ fl-istamperija ta' Antonio Fulgoni.  Vassalli kiteb ukoll l-ewwel dizzjunarju Malti li kien magħruf bħala "Lexicon" ippublikat fl-1796. Dan id-dizzjunarju kien fih madwar 18,000 kelma; kull kelma kienet spjegata bil-Latin imbagħad bit-Taljan. Dan l-aħħar il-Lexicon reġa ġie ppublikat minn Frans Sammut u mitbugħ fil-Marsa Press.   

Vassalli kien spiċċa ċċensurat mill-Ordni u ħa sehem fir-rivoluzzjoni kontra l-Ordni ta' San Ġwann li saret fil-11 ta' Mejju, 1797. Dan il-pjan falla u ta’ dan weħel il-ħabs minn fejn ħarab fl-1798 għal Salerno u mbagħad għex għal xi żmien fi Franza.  Vassalli rritorna Malta wara l-wasla tal-Franċiżi fl-1798.  Fis-16 ta' Settembru ġie mogħti l-eżilju mill-Ingliżi. Vassalli ġie lura Malta fid-19 ta' Ġunju, 1820 u ħames snin wara ġie appuntat professur tal-Malti bl-għajnuna ta' John Hookman, li għenu wkoll sabiex jippubblika xi xogħlijiet minn tiegħu u jaqleb il-Bibbja għall-Malti. Fl-1827, ippubblika t-tieni edizzjoni ta' Il-Grammatika Maltija, u ktieb fuq l-idjomi Maltin b'iktar minn 863 entrata.  Fl-1828 Vassalli marad serjament u miet fl-għodwa tat-12 ta' Jannar, 1829.      

Illum il-ġurnata, Mikiel Anton Vassalli hu rikonoxxut bħala ħassieb u riformatur, li lemaħ fil-bogħod u sa minn kmieni l-qawmien tan-nazzjonalita’ Maltija.  Hu mistenni li fl-24 u 25 ta' Mejju 2007, f’għeluq iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dan l-anniversarju, issir attività oħra kbira.

DOI – 19.01.2007

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow