Jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ taħriġ għall-Għawdxin f’Għawdex
Madwar 80 persuna bdew jattendu kors ta’ Diploma fl-Edukazzjoni Inklussiva filwaqt li madwar 80 persuna oħra li diġa’ jaħdmu mat-tfal b’diżabilita fil-mainstream bdew jattendu kors ta’ taħriġ f’Għawdex f’dawn l-aħħar jiem.
Il-Ministeru għal Għawdex jipprovdi għajnuna finanzjarja sabiex fejn hu possibbli, korsijiet li minnhom jistgħu jibbenefikaw l-Għawdxin isiru f’Għawdex stess. Kienet b’ħidma kontinwa bejn il-Ministeru għal Għawdex, l-Universita’ ta’ Malta, iċ-Ċentru t’Għawdex ta’ l-Universita’ u d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni flimkien mas-support finanzjarju mill-Ministeru għal Għawdex li korsijiet bħad-Diploma fl-Edukazzjoni Inklussiva u l-inservice course għal supply Kindergarten Assistants setgħu jsiru għall-Għawdxin f’Għawdex stess.
Dawn iż-żewġ korsijiet huma mmirati li jtejbu l-ħiliet ta’ dawk li jaħdmu f’kuntatt dirett mat-tfal fil-klassi, b’enfasi fuq ħiliet meħtieġa sabiex tissaħħaħ l-inklużjoni ta’ studenti b’diżabilita’ fl-iskejjel. Dan intqal mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, meta llum kienet qed tinawgura l-ftuħ ta’ l-ewwel kors li jwassal għal Diploma fl-Edukazzjoni Inklussiva f’Għawdex.
Id-Diploma fl-Edukazzjoni Inklussiva (Diploma in Facilitating Inclusive Education) qed tiġi organizzata għall-ewwel darba f’Għawdex miċ-Ċentru t’Għawdex ta’ l-Universita’ u hija mifruxa fuq sentejn part-time. Minn dan il-kors qed jibbenefikaw fost l-oħrajn facilitators Għawdxin li diġa’ huma mpjegati u li jixtiequ jtejbu l-ħiliet tagħhom marbuta mal-qasam ta’ l-impjieg tagħhom. Il-kors kien miftuħ ukoll għal dawk li mhumiex impjegati biex itejbu l-opportunita’ li jsibu mpjieg.
Il-kors ta’ taħriġ għal Supply Kindergarten Assistants huwa wkoll immirat li jtejjeb il-ħiliet ta’ dawk li huma diġa’ f’impjieg sabiex ikunu jistgħu jwettqu x-xogħol tagħhom b’iktar għarfien fejn jidħlu studenti bi bżonnijiet speċjali. Qed jattendu Supply Kindergarten Assistants Għawdxin li jaħdmu fi skejjel ta’ l-Istat f’Għawdex u f’Malta kif ukoll dawk li jaħdmu fl-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex.
L-Onor. Giovanna Debono qalet li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed jidħol għall-iffinanzjar ta’ l-ispejjeż addizzjonali sabiex dawn il-korsijiet isiru f’Għawdex stess biex iktar Għawdxin ikollhom l-opportunita’ ikomplu għaddejjin bit-taħriġ tagħhom anke wara li jkunu sabu mpjieg. Dan huwa f’konformita’ tal-politika tal-Gvern li jipprovdi kemm jista’ jkun opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ għall-adulti, marbuta direttament mal-qasam tax-xogħol, anke f’Għawdex.
Il-Ministru Debono tkellmet ukoll dwar il-politika tal-Gvern ta’ inklużjoni fl-iskejjel fejn għal dawn l-aħħar għaxar snin il-Gvern wettaq politika biex studenti bi bżonnijiet speċjali jkunu jistgħu jsegwu l-edukazzjoni tagħhom ma’ sħabhom fl-iskejjel mainstream. Fl-istess ħin, il-Gvern kompla jsaħħaħ l-iskejjel speċjali b’iktar riżorsi u faċilitajiet biex tfal b’diżabilita’ li ma jistgħux isegwu l-edukazzjoni fl-iskejjel mainstream, jagħmlu dan fi skejjel speċjali li jkunu mgħammra bl-aħjar mod.
Il-Ministru Debono rreferiet b’mod partikolari għall-Iskola Speċjali f’Sannat, kif ukoll għal diversi skejjel oħra madwar Għawdex li matul l-aħħar snin ġew mgħammra b’lifts u faċilitajiet oħra li jippermettu parteċipazzjoni akbar ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali. Il-Ministru Debono rreferiet ukoll għar-rakkomandazzjonijiet li tfasslu minn working group dwar l-edukazzjoni inklussiva u speċjali, li l-Gvern beda jwettaq dan l-aħħar fuq bażi nazzjonali, li għandhom l-iskop li jkomplu jtejbu l-kwalita’ ta’ l-edukazzjoni inklussiva.
DOI - 19.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958