Iktar ħidma favur is-settur turistiku f’Għawdex
Waqt li kienet qed tagħti bidu għad-disa’ Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex tkellmet dwar il-ħidma tal-Gvern favur din l-industrija f’Għawdex.
Il-Ministru Debono tkellmet dwar il-problema ewlenija ta’ l-istaġjonalita’ li taffettwa din l-industrija f’Għawdex u kif il-Ministeru għal Għawdex, b’ħidma ma’ l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex (GTA) u l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu (MTA), qed jindirizzawha. Il-Ministru Debono qalet li matul l-aħħar snin, b’mod partikolari matul din l-aħħar sena, ittieħdu diversi inizjattivi li jtejbu l-prodott turistiku offrut filwaqt li ssaħħet iktar il-ħidma favur marketing għal Għawdex fis-swieq internazzjonali
Il-Ministru Debono rreferiet għall-proġett tad-diving li għadu kemm ġie finalizzat f’Għawdex fejn permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea u mill-Gvern Malti, twaqqfet decompression chamber fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, saret kampanja pubbliċitarja dwar Għawdex f’rivisti speċjalizzati nternazzjonali, tfassal pjan ta’ rakkomandazzjonijiet li għandhom itejbu l-industrija u li dwarhom il-Ministeru għal Għawdex diġa’ qiegħed jieħu l-passi meħtieġa, kif ukoll ġew mgħarrqa żewġ vapuri ‘l barra mix-Xatt l-Aħmar, b’dan is-sit isir fost l-iktar tlett siti popolari għad-diving f’Għawdex.
Il-Ministru Debono rreferiet ukoll għal diversi proġetti oħra li mistennija jħallu mpatt pożittiv fuq il-prodott turistiku f’Għawdex u li x-xogħol fuqhom jinsab għaddej bħalissa. B’mod partikolari l-Ministru Debono rreferiet għall-proġett ta’ bini ta’ ċentru ta’ taħriġ fl-industrija turistika fil-Qala, il-proġett ta’ Incubation Centre għall-artiġjana f’Għajnsielem, il-proġett tal-Mużew ta’ l-Arkeoloġija, il-proġett tal-bini ta’ l-impjant għat-trattament tad-drenaġġ u d-diversi toroq arterjali li jwasslu għal żoni turistiċi f’Għawdex.
Il-Ministru Debono qalet li anke matul din is-sena li għadha kemm bdiet, il-Ministeru għal Għawdex ser ikun qiegħed ikompli għaddej b’ħidma fuq proġetti oħra fosthom dak tat-titjib tal-ġnien Villa Rundle fir-Rabat u ta’ l-inħawi magħrufa bħala ż-Żewwieqa qrib il-Port ta’ l-Imġarr.
Dwar il-qasam tal-promozzjoni dwar Għawdex barra minn Malta, il-Ministru Debono qalet li qatt daqs illum, ma Għawdex qiegħed jingħata daqstant attenzjoni ‘l barra minn xtutna u dan b’riżultat tat-twaqqif ta’ Taqsima għal Għawdex fi ħdan l-MTA, li żiedet l-inizjattivi ta’ promozzjoni favur Għawdex bħala destinazzjoni distinta.
Il-Ministru Debono qalet li matul din l-aħħar sena saru għadd ta’ reklami f’numru ta’ pubblikazzjonijiet importanti fis-suq internazzjonali kif ukoll ġie promoss f’pubblikazzjonijiet immirati għal swieq speċjalizzati fosthom id-diving u l-konferenzi u l-inċentivi. Wieħed jinnota wkoll li matul l-2006, terz ta’ wħud mill-outdoor postercampaigns li għamlet l-MTA, fosthom fl-Ingilterra, fi Franza u l-Olanda, kienu ddedikati esklussivament għal Għawdex.
Il-Ministru Debono semmiet ukoll kif fl-2006 anke fil-qasam tar-relazzjonijiet pubbliċi, Għawdex ingħata spinta oħra ‘l quddiem, b’iktar minn 130 ġurnalist u crews televiżivi jżuru speċifikament lill-gżira, kif ukoll għadd ta’ ġurnalisti oħrajn li żaru lil Għawdex flimkien ma’ Malta. Il-Ministru Debono rreferiet ukoll b’mod partikolari għal artikli li jippromwovu lil Għawdex li ġew ippubblikati fis-Sunday Times Magazine ta’ l-Ingilterra, fil-magazine Yo Dona ta’ El Mundo fi Spanja, artiklu ta’ 14-il paġna fil-magazine Dove fl-Italja, promozzjoni oħra mal-Mail On Sunday, kif ukoll promozzjoni oħra li mistennija tidher fuq 11-il pubblikazzjoni speċjalizzata fid-diving fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-Ministru Debono semmiet ukoll xogħol li sar mill-MTA dan l-aħħar fost tmenin aġent ta’ l-ivvjaġġar mill-Ingilterra, Franza u l-Isvizzera kif ukoll għall-ħidma konġunta bejn l-MTA, il-GTA u l-Ministeru għal Għawdex fiż-żjarat ta’ diversi cruiseliners matul is-sena li għaddiet, fosthom żewġ linji li żaru lil Għawdex għall-ewwel darba. Il-Ministru Debono ħabbret li linja minn dawn it-tnejn diġa’ kkonfermat ir-ritorn tagħha lejn Għawdex bi tlett żjarat oħra ppjanati għal matul l-2007.
Il-Ministru Debono għalqet l-intervent tagħha billi rringrazzjat lill-membri kollha tal-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni għall-ħidma tagħhom matul is-sena preċedenti u awgurat lill-membri tal-kunsill il-ġdid biex ikomplu jaħdmu flimkien għall-ġid ta’ l-industrija turistika t’Għawdex.
DOI - 19.01.2007
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958