Left arrow Mur Lura

Tisbiħ ta’ Promenade f’Għar id-Dud

PR0055
Date Icon 19/01/2007

L-impenn tal-Gvern favur it-titjib u t-tisbiħ ta’ l-ambjent infrastrutturali ta’ pajjiżna jkopri mhux biss l-aspett urban iżda jinkludi wkoll żoni fejn il-pubbliku  u t-turist li jżurna jkun jista’ jgawdi l-pajsaġġ viċin ix-xtut tagħna.  Ix-xogħol li sar fl-aħħar snin f’postijiet simili u f’bini u tisbiħ ta’ promenades, juri li l-Gvern b’mod konkret għandu viżjoni sabiex pajjiżna jkun isbaħ u aħjar.  Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit waqt żjara li għamel f’Għar id-Dud fejn bħalissa qed isiru l-aħħar xogħlijiet fuq il-promenade minn Għar id-dud sa Qui Si Sana. 

Il-Ministru Ninu Zammit spjega li wara li saru x-xogħlijiet fuq it-tiswija tal-ħajt li jifred il-promenade minn max-xatt, li l-biċċa l-kbira minnu ġie mibni mill-ġdid minħabba li kellu ħsarat konsiderevoli, saret ukoll belveder li tagħti għal fuq il-parti fejn kien mibni x-Chalet u sar taraġ ġdid li jagħti għal fuq il-blat .  Inbena wkoll is-sottobank bil-bollards tal-konkos biex fuqu qed jiġi nstallat railing tal-ħadid galvanizzat.    

Wara li sar dan ix-xogħol ġew mgħoddija s-servizzi kollha inkluż sistema ta’ culverts u sussegwentament beda l-pavimentar li għandu l-istess pattern tal-Front sabiex b’hekk la darba jkun komplut il-promenade kollu jkun konformi ma’ dak li diġa’ lest.  Il-Ministru Ninu Zammit qal li dan ix-xogħol kollu qed isir mill-ħaddiema tal-Gvern u miegħu ser jiġu mmanufatturati madwar 46 bank ġdid, kontenituri ta’ l-iskart flimkien ma’ nstallazjoni ta’ 24 arblu ta’ dawl dekorattiv.  L-area kollha tal-pavimentar tkopri madwar 4,200 metru kwadru.  Il-valur tax-xogħol hu stmat li jkun madwar Lm200,000 (inkluz il-pagi tal-ħaddiema) u l-istess xogħol ta’ tisbiħ huwa ppjanat li jkun lest għal Marzu 2007. 

Il-Perit Ninu Zammit kompla jgħid li biex il-promenade tingħata dehra aħjar u aktar attraenti għan-numru kbir ta’ nies li jiffrekwentah, inħass il-bżonn li l-gabbani wkoll ikunu konformi mad-disinn magħżul.  Għaldaqstant wara li saru d-diskussjonijiet mas-sidien tal-gabbani, tħejjew disinji simili bħal gabbani oħra fuq il-front u ġew sottomessi applikazzjonijiet quddiem il-MEPA sabiex jiġu mmanifatturati gabbani ġodda fuq stil modern li jikkumplimenta maż-żona.  Ix-xogħol ta’ bdil ta’ l-gabbani ovvjament ser isir mill-operaturi tagħhom. 

Fattur interessanti f’dan il-promenade se jkun it-tqegħid ta’ band stand f’post prinċipali fuq dan il-promenade.  Dan il-band stand ser jintroduċi organizzazzjoni ta’ kunċerti u live music minn bands lokali u fl-istess ħin ser jagħti aktar ħajja lil din iż-żona f’tas-Sliema. 

Il-Ministru Ninu Zammit tenna li xogħlijiet oħra f’zoni simili saru matul l-2006 bħal proġett tal-belveder ta’ Wied Babu, fil-promenade tax-Xemxija, u x-xogħol li għaddej fil-promenade ta’ Tax-Xbiex. Matul din is-sena mistenni li jibda x-xogħol fuq il-bini ta’ promenade f’Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk, u t-tieni fażi tal-proġett tal-belveder minn Wied iż-Zurrieq sa Hagar Qim.   

Permezz tal-ħaddiema kollha tal-Gvern fi ħdan il-Ministeru, b’investiment finanzjarju mill-Gvern Ċentrali u b’investiment f’makkinarju adekwat ghall-ħaddiema, qed jiġu mplimentati proġetti skond standards adekwati, f’perjodi stabbiliti bl-iskop ewlieni li pajjiżna jingħata dehra isbaħ u aħjar għal ġid tal-poplu Malti, temm jgħid il-Ministru Ninu Zammit.

DOI – 19.01.2007

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow