Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU TA’ MALTA, WAQT L-ISKAMBJU TA’ L-AWGURI GĦAS-SENA L-ĠDIDA MAL-KORP DIPLOMATIKU – BERĠA TA’ KASTILJA – IL-ĠIMGĦA, 19 TA’ JANNAR 2007

PR0054
Date Icon 19/01/2007

Għal darba oħra għandi l-opportunità sabiħa li nagħtikom merħba fil-bidu ta’ Sena Ġdida.  Nagħti l-isbaħ xewqat lilkom u lill-membri kollha tal-familji tagħkom.  Permezz tagħkom ukoll nixtieq inwassal l-awguri mill-qalb u l-isbaħ xewqat tal-Gvern tiegħi u tal-poplu Malti lill-Gvern u l-poplu tagħkom.  

Kull sena li tgħaddi ġġib magħha l-perspettivi differenti tagħha.  Hekk kif aħna nirriflettu fuq il-ġrajjiet tas-sena li tkun għadha kif għaddiet hekk ukoll inħarsu ’l quddiem għall-isfidi tax-xhur li ġejjin. 

Fl-inħawi usa’ tal-Mediterran, xahar ta’ ġlied imdemmi matul is-sajf fil-Libanu kien fost l-eqqel minn perijodu ta’ nkwiet kbir fil-Lvant Nofsani.  L-għeruq ta’ dan il-ġlied huma ferm ’il bogħod milli jiġu riżolti. 

Aħna naqsmu l-ħafna sentimenti ta’ dwejjaq kbar li s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li għadu kif spiċċa sejjaħ bħala konflitt traġiku li ha wisq żmien biex jieqaf.  Meta ttieħdet ir-riżoluzzjoni 1701 mill-Kunsill tas-Sigurtà, li ġabet il-ġlied fi tmiemu, ġie fid-deher li azzjoni internazzjonali effikaċi hija possibbli f’mumenti ta’ kriżi. Wieħed ta’ min jinnota li s-sehem ta’ l-Unjoni Ewropea kien siewi b’mod partikolari sew biex jiżgura preżenza biex iżżomm il-paċi fl-inħawi kif ukoll biex tipprovdi l-assistenza umanitarja meħtieġa.  Fl-istess waqt ikollna nammettu li d-dewmien biex tittieħed l-azzjoni meħtieġa kien fih innifsu sinjal kbir u inkwetanti ta’ dgħjufija u nuqqas ta’ effikaċja. 

Kull waħda mill-ħafna manifestazzjonijiet ta’ konflitti fil-Lvant Nofsani għandha l-komplessitajiet individwali tagħha.  Ħafna jafu li, minkejja dan kollu, dawn il-ħafna manifestazzjonijiet huma relatati ma’ xulxin.  Ħafna huma konvinti li din ir-rabta għandha l-għeruq tagħha fil-problema Palestinjana.  Malta taqbel ma’ din l-evalwazzjoni. 

Id-dilemma konsistenti fil-Palestina hija kif tħoll it-truf imħabbla tal-konflitt Iżraeli-Palestinjan.  L-Iżraeliti jippretendu bi dritt li jissalvagwardjaw is-sigurtà tagħhom ġewwa t-territorju nazzjonali tagħhom.  Il-Palestinjani wkoll jippretendu bi dritt ugwali li jasserixxu kontroll fuq art twelidhom.     

Uħud jikkunsidraw dawn l-affermazzjonijiet bħala irrikonċiljabbli u jaġixxu bħallikieku l-użu tal-vjolenza u l-forza biss għandu jsolvihom.    

Madankollu, hafna Iżraeliti u Palestinjani, flimkien mal-maġġoranza kbira tal-komunità internazzjonali, jemmnu li soluzzjoni paċifika hija possibbli a bażi tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati kif murija fil-Quartet Road Map.

Dawk fostna li jixtiequ jinkoraġġixxu evoluzzjoni paċifika bħal din jinħtiġilna li nkunu dejjem aktar assertivi fl-appoġġ tagħna għall-isforzi ta’ kull naħa biex nippromwovu l-proċess ta’ paċi.  Fl-istess ħin m’għandu jkollna l-ebda ambigwità meta aħna nopponu dawk l-azzjonijiet li jmorru kontra l-proċess ta’ paċi. 

F’dan l-ispirtu nixtiequ nilqgħu u ninkoraġġixxu l-konsultazzjonijiet li bdew dan l-aħħar bejn il-Prim Ministru Olmert u l-President Abbas.  Dawn iż-żewġ mexxejja jkollhom jieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi u ta’ importanza kbira biex jiggwidaw lill-popli tagħhom ’il barra mill-istaġnar ta’ konflitt li ilu jtul għexieren ta’ snin. Jinħtieġu l-appoġġ sħiħ u attiv tal-komunità internazzjonali fl-isforzi tagħhom.

Mill-banda l-ohra, aħna nikkundannaw kategorikament l-attakki kontinwi bir-rockets fuq l-Iżrael, kif ukoll l-espansjoni kontinwa ta’ bini ta’ rħula Iżraeliti u l-aħħar proposta biex jagħtu bidu għall-bini ta’ rħula ġodda fuq ix-Xatt tal-Punent. Dawn l-azzjonijiet imorru direttament kontra l-isforzi kollha li jwasslu għall-paċi.  Il-komunità internazzjonali tinħtiġilha tfittex metodi effettivi li permezz tagħhom tkun tista’ turi l-oppożizzjoni attiva tagħha għal azzjonijiet bħal dawn.   

Ħafna drabi, meta l-komunità internazzjonali ma jirnexxilhiex li tittratta bla telf ta’ żmien ma’ problemi bħal din fil-Palestina, turi li huwa sinjal ta’ dgħjufija, jew anke falliment, tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti. 

Aktar qribna, fl-aħħar snin, il-wasla ta’ mijiet ta’ immigranti irregolari fuq xtutna sar fenomenu inkwetanti u mhux mixtieq fil-ħajja Maltija. 

Fl-aħħar tnax-il xahar, u speċjalment matul is-sajf, l-influss ta’ wasliet irregolari reġa’ għal darba oħra wassluna fil-limitu ta’ kemm nifilħu nittrattaw ma’ din il-problema. 

Ninsabu frustrati bit-tfixkil li dan l-influss qed iħalli fuq il-kapaċità tagħna biex nittrattaw b’mod umanitarju u effiċjenti ma’ dawk il-każi li ġustament ikun ħaqqhom il-kura u l-attenzjoni tagħna.    

Ninsabu xxukkjati bl-għadd ta’ nies li qed jitilfu ħajjithom madwar xtutna u li ħafna drabi jkun ir-riżultat traġiku ta’ ħidmiet illegali li jisfruttaw it-tbatija umana.  

Il-Konferenzi Ministerjali fil-Marokk u l-Libja matul l-2006 bnew is-sisien għal djalogu estensiv bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika dwar l-immigrazzjoni u l-iżvilupp. Il-Kunsill Ewropew f’Diċembru qabel fuq Politika Ewropea Komprensiva dwar l-Immigrazzjoni. Din torbot flimkien azzjoni preventiva temporanja ma’ azzjoni relatata ma’ żvilupp aktar fit-tul. 

Aħna ninsabu fiduċjużi li dan il-proċess inkoraġġanti jkompli matul l-2007 sew fil-qafas Ewro-Mediterranju, kif ukoll fil-Konferenza Ministerjali proposta fuq l-immigrazzjoni. Malta se tibqa’ involuta attivament fil-proċess. 

F’perspettiva aktar wiesa’, qegħdin insegwu b’interess kif se jkompli l-aħħar Djalogu ta’ Livell Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti f’Settembru dwar l-Immigrazzjoni u Żvilupp Internazzjonali.  L-inizjattiva tal-Belġju biex tospita l-ewwel laqgħa tal-Forum Globali dwar l-Immigrazzjoni u Żvilupp Internazzjonali f’Lulju ta’ l-2007 huwa pass tajjeb f’dan ir-rigward.  

Problemi internazzjonali jinħtieġu soluzzjonijiet internazzjonali u, f’dan ir-rigward, l-isforz il-kbir għar-riforma fin-Nazzjonijiet Uniti, li għaddej bħal issa, jinħtieġ l-appoġġ tagħna.  

In-Nazzjonijiet Uniti għalqet is-sittin sena u, fi kliem is-Segretarju Ġenerali l-ġdid, is-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti nnifsu ma jurix sinjali ta’ għeja.   Madankollu, ftit hemm x’juri li riforma istituzzjonali, għalkemm hija meħtieġa, se twassal awtomatikament biex is-saltna tad-dritt tiġi applikata b’mod aktar effettiv fuq il-mod kif jitmexxew ir-relazzjonijiet internazzjonali.  

Is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti hija mfassla biex isservi bħala forum fejn id-diplomazija tieħu post il-forza fir-relazzjonijiet internazzjonali, fejn appoġġ reċiproku jieħu post rivalità fit-tfittxija għal żvilupp nazzjonali, u fejn responsabbiltà kondiviża tieħu post nazzjonijiet b’sovranità assoluta biex jissalvagwardjaw u jippromwovu d-drittijiet u dinjità  ta’ individwi madwar id-dinja.  Il-punt sa fejn l-istati jaqblu li jużaw il-forum kif imfassal huwa aktar kwistjoni ta’ għażla politika milli effettività istituzzjonali. 

F’dawn l-aħħar sentejn seħħew xi miżuri sinifikanti għal riforma istituzzjonali. Wieħed mill-akbar passi ’l quddiem f’dawn l-aħħar tnax-il xahar kien it-twaqqif tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem. 

Magħqud flimkien ma’ riformi oħra li qed isiru, li nittamaw ikunu jkopru wkoll il-Kunsill tas-Sigurtà, dan għandu jgħin biex jifforma ambjent li jinkoraġġixxi li toħroġ dejjem aktar ir-rieda politika meħtieġa biex tittratta r-realtajiet internazzjonali numerużi u kumplessi fuq bażi ta’ ekwità u s-saltna tad-dritt. 

Minkejja dan, kif urietna l-esperjenza tad-Doha Round Negotiations fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, riforma istituzzjonali għaliha waħidha mhix biżżejjed.  L-esperjenzi tal-ħafna snin mingħajr attività tal-Konferenza dwar id-Diżarm, u l-ewwel ftit xhur tal-Kunsill il-ġdid dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, jagħtu lejn l-istess direzzjoni.  

Dimensjoni waħda ta’ progress importanti u li tagħmillek kuraġġ fis-sistema internazzjonali hija r-rwol dejjem jikber u r-rilevanza ta’ organizzazzjonijiet reġjonali fit-tfittxija għal paċi u sigurtà.    

L-Unjoni Ewropea qed tkompli turi t-triq billi ssib imsieħba fi sforzi reġjonali u globali li jasslu biex konflitti jiġu riżolti.  Matul l-aħħar tnax-il xahar, żviluppi fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo kienu eżempju ta’ suċċess fil-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti. Id-deciżjoni unanima reċenti tal-Kunsill tas-Sigurtà fuq l-Iran u l-Proliferazzjoni Nukleari tmexxiet minn tliet membri ta’ l-Unjoni. 

L-Unjoni Afrikana qed tieħu rwol importanti fit-tfittxija għal soluzzjoni fil-qagħda traġika f’Darfur.  Il-prospetti li bil-mod ħerġin mill-isħubija bejn l-Unjoni Afrikana u n-Nazzjonijiet Uniti meta jittrattaw ma’ din il-problema jistgħu b’mod fiduċjuż jipprovdu mudell ġdid għal ħidmiet futuri għaż-żamma tal-paċi.  Is-sitwazzjoni fis-Somalja qed tippreżenta opportunità oħra biex tittieħed azzjoni ta’ kooperazzjoni bejn in-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Afrikana.  

Mal-ġirien tagħha, l-Unjoni Ewropea tibqa’ fattur essenzjali fil-Lvant Nofsani u l-Balkani.  Hija tkompli wkoll tipprovdi motivazzjoni u appoġġ lejn proċess Ewro-Mediterranju.  

L-appoġġ kontinwu ta’ l-Unjoni Ewropea lill-forzi ta’ żamma tal-paċi ta’ l-Unjoni Afrikana fl-Afrika, kif ukoll fil-missjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea li dejjem qed jiżdiedu fi kriżijiet ċivili, immirati partikolarment biex isaħħu l-kapacità fil-qasam tal-ġustizzja u s-saltna tad-dritt, jirriflettu l-vitalità li dejjem qed tikber tal-Politika Barranija u tas-Sigurtà Komuni ta’ l-Unjoni Ewropea. 

Fix-xhur li ġejjin is-sitwazzjoni fil-Balkani, u b’mod speċjali f’Kosovo, se tkun ta’ sfida kbira għad-diplomazija Ewropea.  L-Unjoni għandha rwol partikolarment sensittiv f’dan ir-reġjun, fejn l-isforzi biex tirriżolvi sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna drabi jingħaqdu ma’ l-għanijiet aktar wiesa’ tal-perspettiva ta’ l-Unjoni Ewropea.     

Malta tibqa’ tappoġġja l-prospett għall-espansjoni dejjem akbar ta’ l-Unjoni.  Wara l-adeżjoni mixtieqa taż-żewġ Membri ġodda – il-Bulgarija u r-Rumanija – l-attenzjoni dejjem tmur fuq il-Balkani tal-Punent u t-Turkija.  Fl-istess ħin aħna konvinti li l-proċess tat-tkabbir għandu jkompli jitmexxa b’konformità sħiħa mal-parametri essenzjali tas-sħubija ta’ l-Unjoni Ewropea, ibbażati fuq il-valuri tar-rispett lejn id-dinjità umana, libertà, demokrazija, ugwaljanza, is-saltna tad-dritt u rispett għad-drittijiet tal-bniedem. 

L-interess tagħna fl-espansjoni ta’ l-Unjoni Ewropea lejn il-Balkani u t-Turkija jifforma parti mir-rekord konsistenti tagħna ta’ interess u impenn fl-isforzi lejn it-tisħiħ tas-sigurtà u kooperazzjoni fil-Mediterran, bħala parti mill-proċess aktar wiesa’ ta’ sigurtà u kooperazzjoni fl-Ewropa.  

Malta dejjem appoġġjat b’entużjażmu l-inizjattiva Ewro-Mediterranja. Matul dawn l-aħħar xhur kellna s-sodisfazzjon li naraw il-frott ta’ inizjattivi reġjonali oħra li fihom Malta kienet impenjata għal żmien twil – l-inawgurazzjoni ta’ l-Assemblea Parlamentari għall-Mediterran, fil-qafas ta’ l-IPU.   

Aħna se nkomplu wkoll insegwu b’interess il-programmi tal-ġirien tagħna fl-Unjoni Ewropea, speċjalment mal-pajjiżi Għarab.  Huwa f’dan l-ispirtu li aħna qed inressqu proposti biex niżviluppaw djalogu politiku aktar strutturat u impenjattiv bejn l-Unjoni u l-Lega Għarbija. 

L-esperjenza tagħna fis-sħubija ma’ l-Unjoni Ewropea, li issa qed timmatura fit-tielet sena tagħha, tipprovdi raġuni soda ta’ sodisfazzjon.  

Aħna konsistentement qegħdin niffamiljarizzaw irwieħna mal-metodi komplikati li bihom l-Unjoni tifformula l-pożizzjonijiet tagħha sew rigward materji interni kif ukoll dawk esterni. Dan qed ifornina b’pjattaforma utli biex nipproġettaw il-perspettivi u l-ideat tagħna fuq dawk il-kwistjonijiet li jikkonċernawna l-aktar.     

F’dan l-ispirtu aħna konna, u beħsiebna nibqgħu, impennjati attivament fid-diskussjonijiet ta’ kwistjonijiet importanti bħall-immigrazzjoni, materji interni dwar kompetittività, trasport, sajd, protezzjoni ta’ l-ambjent, tassazzjoni, kif ukoll kwistjonijiet esteri bħall-Palestina, u l-Proċess Ewro-Mediterranju. 

Aħna nibqgħu interessati ħafna fl-evoluzzjoni dejjem aktar ta’ l-Unjoni fil-qasam tal-libertà, sigurtà u gustizzja mingħajr fruntieri interni, u suq intern fejn il-kompetizzjoni tkun ħielsa u ġusta. Din is-sena wkoll l-Unjoni Ewropea tiċċelebra l-ħamsin anniversarju mit-Trattat ta’ Ruma u l-Kunsill ta’ l-Ewropa jkun qed jeżamina aktar miżuri fl-iżvilupp kostituzzjonali ta’ l-Unjoni. Aħna beħsiebna nsegwu b’interess u attenzjoni l-inizjattivi li l-Presidenzi ta’ din is-sena, dik Ġermaniża u dik Portugiża, jista’ jkollhom f’dawn l-oqsma.  

Aħna nilqgħu wkoll il-pubblikazzjoni tad-Dokument għad-Diskussjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Politika Marittima.  Bħala parti mill-konsultazzjonijiet dwar l-effetti ta’ l-Ewropa fuq l-oceani u l-ibħra, Malta din is-sena se tospita konferenza internazzjonali bit-tema “Ippjanar Spazjali Marittimu u r-Reġjun Ewro-Mediterranju”.   

L-isfida ta’ tibdil fil-klima hija wkoll ta’ importanza kbira minħabba l-fatt li l-konsegwenzi fit-tul isiru aktar ċari u informazzjoni minn studji reċenti turi li l-ispejjeż għal min ma jiħux azzjoni għall-ekonomija globali huma ferm akbar b’mod sinifikanti mill-ispejjeż ta’ azzjoni. Malta se tkompli tieħu sehem attiv fid-diskussjonijiet fuq dan is-suġġett sew fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-arena tan-Nazzjonijiet Uniti. 

Matul l-2007, il-progress mistenni fi tliet żviluppi kontinwi se jagħti sinjal ukoll ta’ l-integrazzjoni tagħna b’mod aktar mill-qrib fi ħdan l-Unjoni.    

L-ewwelnett, matul ix-xhur li għaddew aħna stinkajna b’mod assidwu mal-Kummissjoni biex niffinalizzaw strateġija u programm biex nutilizzaw 855 miljun Euro ta’ Fondi Strutturali u tal-Koeżjoni li ġew allokati lil Malta skond il-perspettiva finanzjarja ta’ l-2007-2013.  

Din l-istrateġija issa hija finalizzata, u l-baġit tagħna għas-sena 2007 jaħseb għal nefqa ta’ ’l fuq minn 50 miljun Euro biex jiġu allokati għal proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.  Il-proġetti se jkopru numru ta’ prijoritajiet kruċjali tagħna, inklużi l-edukazzjoni u taħriġ, xogħol u inklużjoni soċjali, riċerka u innovazzjoni, turiżmu, patrimonju storiku, industrija, ambjent, trasport u enerġija alternattiva.  Dawn il-proġetti jkomplu jenfasizzaw kemm huwa prattiku u konkret ir-rwol tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea fil-proċess ta’ l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ Malta.  

It-tieni punt:  aħna nilqgħu l-pjani biex jidaħħlu fis-sistema Schengen il-biċċa l-kbira tal-Membri ġodda ta’ l-Unjoni Ewropea fil-futur qarib. Huwa mistenni li l-kontrolli tal-periferiji tal-baħar ta’ Malta mal-kumplament taż-żona Schengen se jitneħħew sa Diċembru ta’ l-2007 waqt li l-kontrolli tal-periferiji ta’ l-ajru se jitneħħew sa Marzu ta’ l-2008.  

It-tielet punt: matul dawn l-aħħar sentejn Malta ħadmet ħafna biex tilħaq il-miri biex tingħaqad ma’ l-Eurozone u tadotta l-Euro fl-1 ta’ Jannar 2008.  L-akbar sfida f’dan il-kuntest kienet li nnaqqsu d-deficit tal-baġit tagħna minn livell għoli ta’ madwar 10% tal-GDP fl-2003 għal madwar 3% fl-2006.   

L-isforzi tagħna kellhom suċċess kbir.  L-aħħar figuri juru li d-deficit għas-sena l-ohra kien ta’ 2.8 % tal-GDP tagħna.  Din is-sena huwa mistenni li jitniżżel aktar għal 2.5%.   

Dan li ksibna huwa kemm indikazzjoni tas-saħħa ta’ l-andament ekonomiku ta’ Malta, kif ukoll konferma tal-mod sod li bih il-finanzi tal-pajjiż ġew ġestiti.  Tagħmel kuraġġ lilna lkoll, għat-tnax-il xahar li ġejjin, li nilħqu l-mira tagħna ta’ l-ewwel ta’ Jannar 2008. 

Matul il-biċċa l-kbira tas-sena l-oħra l-prezzijiet kienu effettwati mill-prezz ta’ l-enerġija.  L-inflazzjoni dan l-aħħar waqgħet lura għal 2.6% u issa daħlet fil-marġini ta’ rata ta’ riferenza biex nadottaw l-Euro.  Fl-aħħar rapport tagħha ta’ konverġenza, il-Kummissjoni ta’ l-Unjoni Ewropea kkonfermat l-aspettattiva tagħna li r-rata ta’ inflazzjoni ta’ Malta għandha tibqa’ fi triq moderata tan-nofs hekk kif ix-xokk tal-prezz ta’ l-enerġija jisfuma fix-xejn.  

Aħna nibqgħu konvinti li s-sħubija fl-Eurozone se ġġib benefiċċji sinifikanti u għat-tul lil Malta, permezz ta’ l-effetti ta’ l-istabbiltà fil-prezzijiet u t-tneħħija tar-riskji tar-rati tal-kambju.  Minn naħa l-oħra, dan l-iżvilupp għandu jkollu l-effetti benefiċi tiegħu fuq l-istabbiltà ekonomika, b’hekk jikkontribwixxi biex jagħmel l-ambjent ta’ investiment tagħna aktar attraenti.   

Fl-ewwel sitt xhur ta’ l-2006, l-ekonomija tagħna kibret b’madwar 2.6% f’termini reali.  Dan jikkompara tajjeb mat-tkabbir ta’ 1.7%  matul l-istess perijodu fl-2005.   

Ir-rata tal-qgħad tagħna, ibbażata fuq rekords amministrattivi, niżlet għal 4.6% meta mqabbla ma’ 4.8% fl-istess xahar tas-sena ta’ qabel. 

L-investiment fil-bini u makkinarju żdied b’7.4% meta mqabbel ma’ l-istess perijodu tas-sena l-ohra, bl-investiment fis-settur tal-manifattura jiżdied bi kważi 30%.  

Fil-kummerċ barrani l-valur ta’ esportazzjoni tagħna żdied b’aktar minn 16.6% għall-ewwel nofs ta’ l-2006.  Kien hemm żieda fil-valur ta’ l-importazzjoni ta’ 14%.  

Id-deficit għoli endemiku tagħna fil-kummerċ tal-prodotti jibqa’ l-biċċa l-kbira tiegħu kumpensat bis-surplus sostanzjali mis-servizzi u inflows ta’ investiment dirett barrani nett kontra trasferimenti ta’ kapital.  Dħul mit-turiżmu żdied minkejja tnaqqis fin-numru ta’ turisti.    

Fl-aħħar xhur ħadna miżuri ġodda biex insostnu u nattrezzaw mill-ġdid l-ekonomija tagħna bi tħejjija għall-isfidi futuri.  Nidejna l-proċess ta’ riforma fil-pensjonijiet u ppubblikajna strateġija industrijali ġdida għal Malta.  

L-għan tagħna huwa li noħolqu l-kundizzjonijiet li jipprovdu l-bażi għal titjib kontinwu fil-produttività f’pajjiżna, waqt li niżguraw kundizzjonijiet imseddqa ta’ għixien u xogħol għaċ-ċittadini Maltin kollha. 

Fl-istess ħin aħna ninsabu kontinwament attenti għall-obbligi tas-soċjetà lejn il-bżonnijiet u interessi ta’ dawk l-aktar vulnerabbli u dgħajfa fostna. F’dan l-ispirtu aħna nkomplu nagħtu importanza partikulari lill-programmi soċjali tagħna, fl-edukazzjoni, saħħa u solidarjetà soċjali in ġenerali.   

L-inawgurazzjoni, kif ippjanajna, ta’ l-Isptar il-ġdid Mater Dei fl-Lulju ta’ din is-sena, ikun jikkostitwixxi kisba notevoli f’dan ir-rigward.  Dan kien l-akbar proġett li l-Gvern Malti qatt daħal għalih.  Aħna kburin li dan il-proġett huwa wieħed li l-għan prinċipali tiegħu hu li jippermetti lill-poplu Malti li jibda jgawdi minn qabża kbira ’l quddiem fis-servizzi tas-saħħa. 

Waqt li nafu bl-isforzi u l-limitazzjonijiet li naħdmu fihom, aħna konxji bl-istess mod bil-ħafna vantaġġi u opportunitajiet li għandna fil-qrib.  L-akbar vantaġġ li għandna jibqa’ fir-riżorsi umani – f’forma ta’ haddiema kreattivi, adattabbli u dixxiplinati.  

Din tagħmlilna kuraġġ biex naħdmu saħansitra aktar biex nidentifikaw direzzjonijiet ġodda li fihom il-ħidma ekonomika tagħna tista’ teċċella.   

Is-settur tas-servizzi finanzjarji qed jikber b’pass sostnut.  Nipproġettaw li n-numru totali ta’ kumpaniji fuq ir-Reġistru tal-Kumpaniji tagħna se jaqbeż l-40,000 kmieni fl-2007.  Fis-settur innifsu, hemm tmintax-il istituzzjoni bankarja, ’il fuq minn 150 riżors finanzjarju ta’ investiment domiċiljat, tmien kumpaniji ta’ ġestjoni ta’ assikurazzjoni kif ukoll ’il fuq minn għoxrin captive company. Il-politika tagħna hija li nespandu gradwalment dan is-settur b’kumpaniji ta’ kwalità li jkunu marbuta ma’ xtutna bħala riżultat ta’ l-edukazzjoni ta’ livell għoli tagħna, prezzijiet baxxi u regolamenti robusti flimkien mad-drittijiet tagħna ta’ passaporti fl-Unjoni Ewropea.    

Punt iehor ta’ saħħa f’Malta qiegħed fis-settur tat-teknoloġija ta’ l-informazzjoni. Sitt snin ilu ddikjarajna l-aspirazzjonijiet tagħna biex nittrasformaw lil Malta f’ċentru ewlieni tat-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni tal-Mediterran.   

Fl-2003 nidejna l-Pjan Strateġiku Nazzjonali għat-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u Komunikazzjoni.  Din l-istrateġija serviet bħala qafas għall-iżvilupp ta’ servizz pubbliku estensiv on-line li llum ipoġġina fl-ogħla tnax-il post ta’ Gvern fid-dinja li juża t-teknoloġija biex itejjeb il-livell tiegħu ta’ servizzi. 

Wieħed mill-proġetti ppjanati f’dan is-settur, il-proġett ta’ Smart City fir-Ricasoli, għandu aspettattivi li jkun l-akbar investiment barrani li qatt rat din l-art. 

Waqt li nibnu fuq ir-rekord tagħna ta’ suċċess fis-settur ta’ l-informatika, u waqt li naħdmu biex nisfruttaw il-post ideali li għandna għal dan l-iskop, Malta offriet li tospita l-kwartier ġenerali ta’ l-awtorità ta’ sorveljanza tal-proġett Galileo tan-navigazzjoni tas-satellita ta’ l-Ewropa. Deċiżjoni fuq din il-materja hija mistennija matul l-2007, u nisperaw li jkollna l-appoġġ attiv tal-ħbieb tagħna biex nilħqu l-għan tagħna.  

Waqt li nkomplu bl-isforz nazzjonali tagħna ta’ żvilupp, tibqa’ l-mira kostanti tagħna li nkattru r-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti tagħna ma’ numru kbir ta’ pajjiżi, li ħafna minnhom huma rappreżentati llum hawnhekk.  

F’dan l-ispirtu, jien inħares ’il quddiem għall-opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni produttiva bejn il-pajjiżi rispettivi tagħna li se jippreżentaw ruħhom fix-xhur li ġejjin. 

Ejjew mela naħdmu flimkien b’mod aktar mill-qrib iżda ejjew ukoll insaħħu l-impenn tagħna għal kollaborazzjoni multilaterali permezz ta’ Nazzjonijiet Uniti riformata u msaħħa.  L-isforzi komuni tagħna jistgħu jikkontribwixxu mhux biss biex nikkonsolidaw aktar ir-relazzjonijiet bilaterali tagħna, iżda wkoll lejn il-ħidma kollettiva tagħna biex nippromwovu l-paċi, il-ġustizzja u l-prosperità għal kulħadd. 

Nirringrazzjakom.

DOI  19.01.2007

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow