Left arrow Mur Lura

‘VisitMalta Portal’ bħala inċentiv għas-settur turistiku

PR0053
Date Icon 19/01/2007

“Il-VisitMalta Portal se jtejjeb il-kompetittività tas-settur turistiku f’pajjiżna billi permezz tiegħu min ikun irid iżur Malta, ikun jista’ jibbukja titjiriet, lukandi u servizzi oħra. Dan il-portal għandu jikkontribwixxi wkoll lejn il-kampanja pubbliċitarja favur pajjiżna.” 

Dan stqarru l-Ministru għat-Turiżmu u Kutura, Francis Zammit Dimech meta nieda l-MTA Web Portal f’konferenza stampa li saret fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt Valletta. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li għal dawn l-aħħar ħames snin l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta kienet qed tippromwovi lil Malta permezz tal-website tagħha www.visitmalta.com.  “Din il-website jidħlu fiha 11,000 viżitatur individwali kuljum. B’hekk din hi waħda mill-aktar siti popolari għall-promozzjoni ta’ Malta fl-internet. Il-VisitMalta Portal għandu jservi ta’ shopping mall enormi għal Malta u Għawdex bħala destinazzjoni turistika u se jippreżenta lill-viżitatur online b’għażliet diversi li għandhom iwasslu biex is-settur turistiku jibbenefika mix-xejra li dejjem qed tikber fl-importanza tagħha ta’ l-e-tourism,” tenna l-Ministru Zammit Dimech. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li fi stqarrija li għamel il-Prim Ministru Lawrence Gonzi fl-10 ta’ April tas-sena l-oħra, hu ħabbar inċentivi sabiex ikompli jikber it-turiżmu lejn pajjiżna. Hu qal li fost dawn l-inċentivi kien hemm l-iżvilupp ta’ portal mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li fi żmien meta kollox jimxi aktar bl-għaġġla fuq l-internet kien importanti li nkunu kontinwament aġġornati ma’ l-iżviluppi dinamiċi ta’ dan il-medium biex b’hekk, nieħdu l-vantaġġi kollha kemm jista’ jkun malajr. Hu qal li dan l-iżvilupp ikompli jikber fl-importanza meta niftakru li l-kompetituri tagħna qed jagħmlu minn kollox biex jieklu mis-swieq li minnhom inġibu t-turisti aħna.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li, minkejja s-suċċess tal-website www.visitmalta.com l-mira ewlenija dejjem kienet li jkollna website li tipprovdi informazzjoni għall-vjaġġaturi li jridu li jkollhom il-fatti u d-dettalji kollha meta jkunu qed jippjanaw il-vaganza tagħhom. Hu  qal li l-vjaġġatur modern minbarra l-informazzjoni, jfittex kanal ‘user-friendly’ fejn ikun jista’ jiskopri u jippjana żjara fil-pajjiż fejn sejjer. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta mhux biss żviluppat l-aspetti kollha tekniċi tal-VisitMalta Portal iżda qed taġixxi ta’ katalist biex iġġib flimkien kemm tista’ local service providers. Hu qal li dan il-portal jinkludi online booking channel li jinkorpora faċilitajiet fiż-żgur għal ħlasijiet u transazzjonijiet, flimkien ma’ informazzjoni turistika għal dawk li jixtiequ jippjanaw il-vaganza tagħhom f’Malta.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li fi żmien meta l-kompetittività fil-qasam turistiku kienet qed tikber, kien importanti li jkollna l-mezzi kollha biex inkunu pass ’il quddiem minn pajjiżi oħra. Hu qal li kien biss billi nkomplu ngħollu l-prodott u noffru l-aħjar faċilitajiet li stajna nikkompetu biex mhux biss nikkonsolidaw dak li għandna iżda wkoll inżidu miegħu. 

“Il-VisitMalta Portal jippreżenta livell ġdid ta’ kollaborazzjoni bejn is-settur privat u l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta għall-benefiċċju tas-settur turistiku nazzjonali. Nawgura lil din l-inizjattiva kull suċċess għall-futur,” qal il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech.

DOI - 19.01.2007

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow