‘VisitMalta Portal’ bħala inċentiv għas-settur turistiku
“Il-VisitMalta Portal se jtejjeb il-kompetittività tas-settur turistiku f’pajjiżna billi permezz tiegħu min ikun irid iżur Malta, ikun jista’ jibbukja titjiriet, lukandi u servizzi oħra. Dan il-portal għandu jikkontribwixxi wkoll lejn il-kampanja pubbliċitarja favur pajjiżna.”
Dan stqarru l-Ministru għat-Turiżmu u Kutura, Francis Zammit Dimech meta nieda l-MTA Web Portal f’konferenza stampa li saret fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt Valletta.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li għal dawn l-aħħar ħames snin l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta kienet qed tippromwovi lil Malta permezz tal-website tagħha www.visitmalta.com. “Din il-website jidħlu fiha 11,000 viżitatur individwali kuljum. B’hekk din hi waħda mill-aktar siti popolari għall-promozzjoni ta’ Malta fl-internet. Il-VisitMalta Portal għandu jservi ta’ shopping mall enormi għal Malta u Għawdex bħala destinazzjoni turistika u se jippreżenta lill-viżitatur online b’għażliet diversi li għandhom iwasslu biex is-settur turistiku jibbenefika mix-xejra li dejjem qed tikber fl-importanza tagħha ta’ l-e-tourism,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li fi stqarrija li għamel il-Prim Ministru Lawrence Gonzi fl-10 ta’ April tas-sena l-oħra, hu ħabbar inċentivi sabiex ikompli jikber it-turiżmu lejn pajjiżna. Hu qal li fost dawn l-inċentivi kien hemm l-iżvilupp ta’ portal mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li fi żmien meta kollox jimxi aktar bl-għaġġla fuq l-internet kien importanti li nkunu kontinwament aġġornati ma’ l-iżviluppi dinamiċi ta’ dan il-medium biex b’hekk, nieħdu l-vantaġġi kollha kemm jista’ jkun malajr. Hu qal li dan l-iżvilupp ikompli jikber fl-importanza meta niftakru li l-kompetituri tagħna qed jagħmlu minn kollox biex jieklu mis-swieq li minnhom inġibu t-turisti aħna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li, minkejja s-suċċess tal-website www.visitmalta.com l-mira ewlenija dejjem kienet li jkollna website li tipprovdi informazzjoni għall-vjaġġaturi li jridu li jkollhom il-fatti u d-dettalji kollha meta jkunu qed jippjanaw il-vaganza tagħhom. Hu qal li l-vjaġġatur modern minbarra l-informazzjoni, jfittex kanal ‘user-friendly’ fejn ikun jista’ jiskopri u jippjana żjara fil-pajjiż fejn sejjer.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta mhux biss żviluppat l-aspetti kollha tekniċi tal-VisitMalta Portal iżda qed taġixxi ta’ katalist biex iġġib flimkien kemm tista’ local service providers. Hu qal li dan il-portal jinkludi online booking channel li jinkorpora faċilitajiet fiż-żgur għal ħlasijiet u transazzjonijiet, flimkien ma’ informazzjoni turistika għal dawk li jixtiequ jippjanaw il-vaganza tagħhom f’Malta.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li fi żmien meta l-kompetittività fil-qasam turistiku kienet qed tikber, kien importanti li jkollna l-mezzi kollha biex inkunu pass ’il quddiem minn pajjiżi oħra. Hu qal li kien biss billi nkomplu ngħollu l-prodott u noffru l-aħjar faċilitajiet li stajna nikkompetu biex mhux biss nikkonsolidaw dak li għandna iżda wkoll inżidu miegħu.
“Il-VisitMalta Portal jippreżenta livell ġdid ta’ kollaborazzjoni bejn is-settur privat u l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta għall-benefiċċju tas-settur turistiku nazzjonali. Nawgura lil din l-inizjattiva kull suċċess għall-futur,” qal il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech.
DOI - 19.01.2007
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958