Lm 2m Investiti F’Ħaddiema Maltin
“Il-Gvern, permezz tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) investa aktar minn Lm 2m fi skema li ħarrġet 460 ħaddiem ta’ 40 sena u aktar li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol. Ħamsa u sittin fil-mija (65%) minn dawn illum qegħdin jaħdmu, uħud minnhom għal rashom. L-iskema TEES - Training and Employment Exposure Scheme kienet skema li ħalliet riżultati posittivi fis-suq tax-xogħol.” Dan qalu l-Ministru responsabbli mill-qasam tax-Xogħol, Louis Galea meta qassam iċ-ċertifikati lill-aħħar grupp li temmew b’suċċess il-programm TEES.
It-TEES hu programm ta’ l-ETC li sar b’fondi tal-Gvern u tal-Fond Soċjali Ewropew ta’ l-UE. Il-programm hu maħsub biex jgħin lil persuni ta’ 40 sena u aktar u li qed jirreġistraw, biex jingħataw taħriġ u esperjenza ta’ xogħol u b’hekk isibuha aktar faċli li jsibu xogħol. Kull programm hu mifrux fuq sena sħiħa. Fl-ewwel fażi (4 ġimgħat), dawk li pparteċipaw ingħataw taħriġ bażiku li jagħfas fuq il-motivazzjoni u l-istima, isir ukoll stħarriġ dwar il-ħiliet u l-atitudni ta’ l-individwi biex it-taħriġ li jingħata u x-xogħol li jinstab, ikunu addatati. Fit-tieni fażi, ta’ 21 ġimgħa, il-parteċipanti ngħataw 20 siegħa taħriġ speċifiku fil-ġimgħa f’sengħa jew ħila partikolari, skond id-domanda tax-xogħol. Fit-tielet u l-aħħar fażi (27 ġimgħa) il-parteċipanti jiġu ngaġġati ma’ min iħaddem u jaħdmu għal 40 siegħa fil-ġimgħa bħala esperjenza ta’ xogħol. L-iskop aħħari ta’ l-iskema hu li min iħaddem jagħraf il-kapaċitajiet tal-ħaddiem u jżommu fl-impjieġ.
Total ta’ 460 persuna daħlu f’din l-iskema fi tliet gruppi. Sa l-aħħar ta’ l-2006 299 minn dawn qegħdin jaħdmu u numru minnhom qed jaħdmu għal rashom. 251 sabu impjieg ma’ l-istess kumpanija li ħaddmithom tul l-iskema filwaqt li 40 persuna sabu xogħol alternattiv. Tmien persuni fetħu għal rashom. L-ETC qalet li sa l-aħħar ta’ l-2006, 39 persuna ma komplewx bl-iskema u ma komplewx jirreġistraw, filwaqt li 110 persuni li gawdew mill-iskema xorta rritornaw fuq ir-reġistru.
Kemm dawk li pparteċipaw, kif ukoll min iħaddem, sabu li din l-iskema kienet ta’ benefiċċju. Għal min iħaddem kienet ta’ vantaġġ li l-ħaddiema setgħu jiġu mħarrġa waqt li kienu qed jaħdmu mal-kumpanija u b’hekk it-taħriġ seta’ jitfassal skond il-bżonnijiet tal-post tax-xogħol. It-TEES offra wkoll taħriġ ġenerali u speċifiku u b’hekk tat l-għodda biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jsibu impjieg fit-tul. Skond min iħaddem, l-iskema:
· kienet effettiva ħafna għax il-persuna tkun matura u responsabbli u lesta tagħmel l-almu tagħha,
· turi li dawk li għandhom 40 sena u aktar huma ħaddiema kapaċi u li għandhom jingħataw opportunità,
· tikkontribwixxi lejn is-suq tax-xogħol u tgħin lill-persuni jerġgħu jsibu id-dinjità li jagħtik xogħol produttiv,
· wasslet biex il-parti l-kbira ta’ dawk li pparteċipaw fl-iskema nżammu mal-kumpanija.
Dawk li temmew l-iskema b’suċċess ingħataw ċertifikat mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Louis Galea u miċ-Chairman ta’ l-ETC, Michael Balzan.
Waqt din l-attività l-Ministru Louis Galea qal li t-TEES hi skema ta’ benefiċċju kbir għal dawk li pparteċipaw fiha u r-riżultati miksuba juru li din l-iskema hi storja ta’ suċċess għall-ETC li għandha tirrepeti ruħha. Il-Ministru Galea qal li dan hu eżempju ieħor ta’ kif il-fondi ta’ l-UE jistgħu jintużaw biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem u kif dan l-iffinanzjar jista’ jagħti riżultati konkreti li jinħassu minn kulħadd.
Louis Galea qal li dawk li jkun għalqu l-40 sena u jispiċċaw bla xogħol isibuha ferm diffiċli biex isibu impjieg partikolarment meta l-ħiliet li jkollhom ma jkunux aktar meħtieġa fis-suq tax-xogħol ta’ llum. Hu għal din ir-raġuni li dawn il-ħaddiema ġew identifikati bħala qasam ta’ priorità fil-Pjan Nazzjonali ta’ Azzjoni dwar l-Impjiegi ta’ l-2004 u li fuqhom qed jaħdem il-Gvern u l-ETC. Il-Ministru qal li s-suċċess ta’ skemi bħal dawn jitkejjel fl-ammont ta’ persuni li jsibu impjieg produttiv fit-tul u f’kemm jirnexxielna nnaqqsu l-ammont ta’ nies li qed ifittxu x-xogħol (partikolarment dawk li jkunu ilhom fuq ir-reġistru għal numru ta’ xhur jew saħansitra snin) billi jsibu x-xogħol. Fl-2004 kien hemm aktar minn 3,155 persuna ta’ aktar minn 40 sena li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol. Din il-figura niżlet għal 2,677 sa tmiem Settembru 2006. Dan seħħ b’riżultat ta’ xejriet posittivi fis-suq tax-xogħol b’mod ġenerali kif ukoll b’riżultat tad-diversi skemi u kampanji li tmexxi l-ETC.
Il-Ministru Galea qal li għalkemm aktar minn 65% ta’ dawk li pparteċipaw fl-iskema sabu x-xogħol, għad fadal ħafna aktar ħaddiema li rridu nindirizzaw permezz ta’ programmi ta’ taħriġ bħal dawn. Fl-istess ħin irridu wkoll naraw x’inhuma r-raġunijiet għalfejn persuni li jkunu ingħataw it-taħriġ u l-esperjenza tax-xogħol jibqgħu ma jistgħux iżommu l-impjieg. Din is-sena l-ETC se tkompli bil-programmi tagħha għal dawk li għandhom 40 sena ‘l fuq u fil-fatt għandha titnieda kampanja fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-Ministru Galea qal li l-ETC diġà bbenefikat minn 8miljun euro li marru direttament f’inizjattivi bħat-TEES li għandhom impatt dirett fuq is-suq tax-xogħol.
Louis Galea temm jgħid li jekk kellna nieħdu din l-iskema bħala mudell u idea ta’ x’nistgħu niksbu permezz ta’ dawn il-fondi, għandna nħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu, hekk kif pajjiżna minn din is-sena, se jibda jgawdi minn aktar minn € 800 miljun f’fondi mill-Unjoni Ewropea, li ammont sostanzjali minnhom se jkun allokat għall-edukazzjoni u t-taħriġ.
DOI – 18.01.2007
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958